Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Frar 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Amsterdam – il-Pajjiżi l-Baxxi) – Eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra TC

(Kawża C-492/18 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 12 – Żamma tal-persuna taħt detenzjoni – Artikolu 17 – Termini għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi s-sospensjoni ex officio tal-miżura ta’ detenzjoni 90 jum wara l-arrest – Interpretazzjoni konformi – Sospensjoni tat-termini – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 6 – Dritt għal-libertà u għas-sigurtà – Interpretazzjonijiet diverġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – Interpretazzjonijiet diverġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – Ċarezza u prevedibbiltà)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

TC

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi obbligu ġenerali u inkundizzjonat ta’ ħelsien ta’ persuna mfittxija u arrestata bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hekk kif ikun għadda terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha, meta jkun hemm riskju kbir ħafna li din il-persuna taħrab, li ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri adegwati.

L-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti ż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna mfittxija lil hinn minn dan it-terminu ta’ 90 jum, abbażi ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li dan it-terminu huwa sospiż meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi jew li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’talba għal deċiżjoni preliminari, jew li tistenna r-risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni oħra, jew li tipposponi d-deċiżjoni dwar il-konsenja minħabba li jista’ jkun hemm, fl-Istat Membru emittenti, riskju reali ta’ kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani jew degradanti, sa fejn din il-ġurisprudenza ma tiżgurax il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tinvolvi diverġenzi li jistgħu jwasslu għal tul ta’ żamma taħt detenzjoni differenti.

____________

1     ĠU C 381, 22.10.2018.