Language of document : ECLI:EU:F:2015:163

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(Imħallef uniku)

18 ta’ Diċembru 2015

Kawża F‑9/14

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni 2012 – Illegalità tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob b’mod partikolari, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell (iktar 'il quddiem il-“Kumitat tal-Appell”) tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar 'il quddiem il-“Bank”) tat-23 ta’ Ottubru 2013 li tiċħad r-rikors intern tiegħu intiż li jannulla jew jemenda r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2012, it-tieni nett, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2012, it-tielet nett, l-annullament ta’ l-“atti kollha konnessi, konsekuttivi jew preċedenti”, ir-raba’ nett, il-kundanna tal-BEI għall-kumpens għad-danni materjali u morali li huwa jqis li ġarrab u, il-ħames nett, sussidjarjament, il-konstatazzjoni ta’ fastidju li huwa kien allegatament safa’ vittma tiegħu.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment tat-23 ta’ Ottubru 2013 hija annullata. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni dwar is-sena 2012 u tal-atti kollha konnessi, konsekuttivi u preċedenti. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat jbati l-ispejjeż ta’ C. De Nicola.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Kontestazzjoni quddiem il-Kumitat tal-Appell tal-Bank – Portata tal-istħarriġ

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Rikors kontra deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell dwar l-evalwazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ implementazzjoni – Sentenza li tannulla deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell dwar rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu li l-Bank jissottometti mill-ġdid lill-imsemmi kumitat il-kontestazzjoni tal-awtur tar-rikors intern

(Artikolu 266 TFUE)

1.      Il-possibbiltà li jiddisponi minnha l-Kumitat tal-Appell stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal li jinvalida kwalunkwe dikjarazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal tal-Bank timplika li l-imsemmi kumitat huwa awtorizzat li jerġa’ jevalwa l-fondatezza ta’ kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet qabel ma jiċċensuraha. Il-portata ta’ din il-kompetenza b’hekk taqbeż b’mod ċar dik tal-uniku setgħa ta’ stħarriġ tal-legalità u tal-annullament tad-dispożittiv ta’ att, sa fejn hija tiġbor fi ħdanha l-possibbiltà li tinvalida anki l-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-dispożittiv tagħha, tkun xi tkun l-importanza tagħhom fit-tqassim tal-motivazzjoni tal-imsemmi att.

Din is-setgħa sħiħa ta’ stħarriġ tal-Kumitat tal-Appell hija kkonfermata bil-kompetenza li hija espressament irrikonoxxuta lilu biex jemenda l-marka finali ta’ mertu li tirriżulta mill-evalwazzjoni globali tar-rendiment tal-awtur tar-rikors intern. Fil-fatt, emenda tal-marka finali ta’ mertu tal-persuna kkonċernata timplika li dan il-kumitat jistħarreġ b’mod iddettaljat l-evalwazzjonijiet ta’ mertu kollha li jidhru fir-rapport ikkontestat f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni eventwali, ta’ fatt jew ta’ dritt, u li jista’, jekk ikun il-każ, jidħol minflok l-evalwatur sabiex jevalwa mill-ġdid dawn il-merti.

(ara l-punti 37 u 38)

Referenza;

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 41, u tas-16 ta’ Settembru 2013, De Nicola vs BEI, T‑618/11 P, EU:T:2013:479, punt 37

2.      Il-Kumitat tal-Appell stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal għandu setgħa sħiħa ta’ stħarriġ li tawtorizzah jissostitwixxi l-evalwazzjonijiet tiegħu minflok dawk li jissemmew fir-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat mill-membru tal-persunal ikkonċernat tal-Bank, setgħa li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, min-naħa tiegħu, juża. Fil-fatt, ir-rinunzja eventwali żbaljata mill-Kumitat tal-Appell għal dan l-istħarriġ sħiħ inaqqas għall-persuna interessata istanza ta’ stħarriġ prevista mir-regoli interni tal-Bank u għaldaqstant jikkawżalha preġudizzju, b’mod li tali rinunzja għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-ewwel istanza.

(ara l-punt 41)

Referenza;

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 49

3.      L-annullament mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal jista’, fuq pjan amministrattiv, jibbenefika lill-awtur tar-rikors intern quddiem l-imsemmi kumitat u jimponi fuq il-Bank li jissottometti mill-ġdid quddiem il-Kumitat tal-Appell il-kontestazzjoni tal-awtur tar-rikors intern, sabiex il-Kumitat tal-Appell ikun jista’ jieħu deċiżjoni korretta u fis-setgħat kollha tiegħu dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża.

(ara l-punt 54)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet tal-21 ta’ Settembru 2015, De Nicola vs BEI, T‑848/14 P, EU:T:2015:719, punt 40