Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2018 mir-Repubblika tal-Awstrija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-356/15, Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-594/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentant: Dr. G. Hesse, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Ir-Repubblika Ċeka, Ir-Repubblika Franċiża, L-Ungerija, Ir-Repubblika tal-Polonja, Ir-Rumanija, Ir-Repubblika Slovakka, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-356/15, Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tilqa’, fl-intier tiegħu, ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/658 tat-8 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala Appoġġ għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C 1 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka ħames aggravji.

L-ewwel aggravju: assenza ta’ għan fl-interess komuni tal-Unjoni

Is-sentenza appellata tidher li hija illegali sa fejn, kuntrarjament għal dak li tqis il-Qorti Ġenerali, il-kostruzzjoni ta’ impjant nukleari ġdid ma tikkostitwixxix għan fl-interess komuni tal-Unjoni. Konsegwentement, ir-raba’ motiv flimkien mal-ħames parti tad-disa’ motiv, li permezz tagħhom ġie allegat li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari ma tikkostitwixxix interess komuni fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li huwa neċessarju għall-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna, ma kellhomx jiġu miċħuda.

It-tieni aggravju: applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE

Ġie kkonstatat b’mod żbaljat li l-miżuri ta’ għajnuna kienu kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Is-settur ekonomiku rilevanti fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE ġie ddefinit b’mod inkorrett fis-sentenza appellata u kien b’mod żbaljat li ma saritx eżaminazzjoni tan-nuqqas tas-suq. Konsegwentement, l-ewwel motiv kif ukoll l-ewwel u t-tieni parti tad-disa’ motiv, li kienu jikkonċernaw id-delimitazzjoni tas-suq u n-nuqqas tas-suq, ma kellhomx jiġu miċħuda.

It-tielet aggravju: eżami insuffiċjenti tal-proporzjonalità

Is-sentenza kkontestata tal-Qorti Ġenerali tikkonferma b’mod żbaljat l-eżami insuffiċjenti tal-proporzjonalità li twettaq mill-Kummissjoni Ewropea. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna la huma korretti u lanqas komprensibbli, bil-konsegwenza li d-deċiżjoni hija invalida. Is-sitt motiv, it-tieni ilment tat-tielet parti tad-disa’ motiv u s-sitt parti tad-disa’ motiv, li permezz tagħhom ġiet essenzjalment allegata n-natura insuffiċjenti tal-kontroll tal-proporzjonalità tal-miżuri, ma kellhomx jiġu miċħuda.

Ir-raba’ aggravju: illegalità tal-għajununa operattiva

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li l-miżuri previsti favur Hinkley Point C jikkostitwixxu għajnuna operattiva illegali. Konsegwentement, it-tielet motiv u l-ewwel ilment tat-tielet parti tad-disa’ motiv, li permezz tagħhom ġie allegat li l-miżuri tar-Renju Unit għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna operattiva illegali, ma kellhomx jiġu miċħuda.

Il-ħames aggravju: determinazzjoni insuffiċjenti tal-elementi tal-għajnuna u ksur tal-“komunikazzjoni dwar il-garanziji”

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, naqset milli tiddetermina b’mod suffiċjenti l-elementi tal-għajnuna u, min-naħa l-oħra, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ksur tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tmien motiv u r-raba’ parti tad-disa’ motiv, li kienu jirrigwardaw id-determinazzjoni insuffiċjenti tal-elementi tal-għajnuna u l-ksur tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji, ma kellhomx jiġu miċħuda.

____________

1 ĠU 2015, L 109, p. 44.