KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fl-24 ta’ April 2012 (1)
Kawża C‑128/11
Axel W. Bierbach, kuratur ta’ falliment ta’ UsedSoft GmbH
vs
Oracle International Corp.
[talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]
“Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter — Direttiva 2009/24/KE — Kummerċjalizzazzjoni ta’ softwer użat imniżżel mill-internet — Eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni”
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (2).
2. Id-domandi tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn UsedSoft GmbH, Axel W. Bierbach, fil-kwalità tiegħu ta’ kuratur ta’ falliment ta’ din il-kumpannija (3) u Oracle International Corp. (4) wara l-kummerċjalizzazzjoni minn UsedSoft ta’ softwer “użat” ta’ Oracle.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt internazzjonali
3. L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan it-Trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (5).
4. Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi Trattat il-programmi tal-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Bern. Il-protezzjoni stabbilita tapplika għall-programmi tal-kompjuter, indipendentement mill-mod jew mill-għamla tal-espressjoni tagħhom.
5. L-Artikolu 6 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:
“1) Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.
2) Dan it-Trattat ma għandux jaffetwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw, jekk iridu, kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-eżawriment tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ ta’ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fix-xogħol oriġinali jew f’kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtur.”
6. Fid-dikjarazzjonijiet komuni dwar it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, hemm iddikjarat dwar l-Artikoli 6 u 7:
“Kif użati f’dawn l-Artikoli, l-espressjonijiet “kopji” u “oriġinali u kopji” bħala suġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u għad-dritt ta’ self b’renta taħt l-Artikoli msemmija, jirreferu esklużivament għal kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli.”
B – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2009/24
7. Id-Direttiva 2009/24 tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (6).
8. Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/24, “l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi”.
9. L-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Atti ristretti”, jipprovdi:
“1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:
a) ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. In kwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-kompjuter ikun hemm bżonn din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;
b) it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;
c) kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu;
2. L-ewwel bejgħ [fl-Unjoni Ewropea] ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.”
10. L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija Direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti”, jipprovdi:
“Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.”
2. Id-Direttiva 2001/29
11. Il-premessi 28 u 29 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (7) jipprovdu:
“(28) Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. Drittijiet għall-awturi rigward kiri u self ġew stabbiliti fid-Direttiva 92/100/KEE. [(8)].Id-dritt ta’ distribuzzjoni li hemm provdut dwaru f’din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ kiri u self li hemm fil-Kapitolu I ta’ dik id-Direttiva.
(29) Il-kwistjoni ta’ eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi u servizzi on-line b’mod partikolari. Din tapplika wkoll rigward kopja materjali ta’ xogħol jew suġġett magħmul minn utent ta’ servizz bħal dan bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet. Għalhekk, l-istess japplika għall-kiri jew self ta’ l-oriġinal u kopji ta’ xogħolijiet jew suġġett ieħor li huma servizzi fin-natura tagħhom. Differenti minn CD-ROM jew CD-I, fejn proprjetà intellettwali hija inkorporta fil-medium tal-materjal, jiġifieri suġġett minn oġġetti, kull servizz on-line huwa fil-fatt att li għandu jkun regolat mill-awtorizzazzjoni fejn id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jipprovdu hekk.”
12. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi li:
“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.
[...]
3. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”
13. Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”:
“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.
2. Id-dritt ta’ distribuzzjoni [fl-Unjoni] m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ [proprjetà] [fl-Unjoni] ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”
C – Id-dritt nazzjonali
14. L-Artikoli 69c u 69d tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte), tad-9 ta’ Settembru 1965 (9), fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), jittrasponu fid-dritt intern, fir-rigward tal-ewwel, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24 kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, u fir-rigward tat-tieni, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/24.
15. L-Artikolu 69c tal-UrhG jipprovdi:
“It-titulari tad-dritt għandu d-dritt esklużiv li jwettaq jew li jawtorizza:
1. ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter, totalment jew parzjalment, bi kwalunkwe mezz u forma. Sa fejn il-ikkargar, il-wiri, it-tħaddim, it-trażmissjoni jew il-ħażna tal-programm tal-kompjuter jeħtieġu tali riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mit-titulari;
2. it-traduzzjoni, l-addattament, l-arranġament u kwalunkwe bidla oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom. Id-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm huma rriżervati;
3. kull forma ta’ distribuzzjoni, inkluż il-kiri, lill-pubbliku tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew ta’ kopji tiegħu. Jekk kopja ta’ programm tal-kompjuter tiġi ddistribwita permezz ta’ bejgħ fit-territorju [tal-Unjoni] jew ta’ Stat ieħor kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (10)] bl-awtorizzazzjoni tat-titulari, id-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt tal-kiri, huwa eżawrit;
4. kull komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ programm tal-kompjuter, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku ta’ dan il-programm b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”
16. L-Artikolu 69d(1) tal-UrhG jipprovdi li:
“Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 69c ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni mit-titulari tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min huwa awtorizzat juża kopja tal-programm skont il-finalità tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żbalji.”
II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali
17. Oracle tiżviluppa u tiddistribwixxi softwer tal-informatika. Hija t-titulari tad-drittijiet tal-awtur ta’ użu esklużiv ta’ dawn il-programmi kif ukoll tat-trade marks verbali Ġermaniżi u Komunitarji “Oracle” li huma rreġistrati, fost oħrajn, għal softwer tal-informatika.
18. Oracle tiddistribwixxi s-softwer tagħha, f’85 % tal-każijiet, permezz ta’ tniżżil minn fuq l-internet. Il-klijent iniżżel is-softwer direttament fuq il-kompjuter tiegħu, minn fuq is-sit internet ta’ Oracle. Il-programmi huma softwer li jiffunzjona skont il-modalità “klijent/server”. Id-dritt ta’ użu li jikkonċernahom jinkludi d-dritt li s-softwer jinħażen b’mod permanenti fuq server u li jippermetti lil ċertu numru ta’ utenti jaċċedu għalih billi jniżżluh fuq memorja ċentrali tal-workstation tagħhom. Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ manutenzjoni, verżjonijiet aġġornati tas-softwer (updates) u tal-programmi li jippermettu li jiġu kkoreġuti żbalji (patches) ikunu jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit internet ta’ Oracle.
19. Il-kuntratti ta’ liċenzji ta’ Oracle jinkludu, taħt it-titolu “Dritt konċess”, il-klawżola li ġejja:
“Il-pagament tas-servizzi jagħtik id-dritt ta’ użu għal żmien indeterminat, mhux esklużiv, mhux trasferibbli u gratuwitu, irriżervat għal użu professjonali intern, tal-prodotti u servizzi kollha li Oracle tiżviluppa u tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek abbażi ta’ dan il-kuntratt.”
20. UsedSoft, li tikkumerċjalizza liċenzji ta’ softwer “użat”, ipproponiet, fix-xahar ta’ Ottubru 2005, liċenzji ta’ Oracle “diġà użati”, billi indikat li dawn kienu aġġornati, fis-sens li l-kuntratt ta’ manutenzjoni sottoskritt minn min akkwista l-liċenzja inizjalment mingħand Oracle kien għadu validu u li l-legalità tal-bejgħ kienet ġiet ikkonfermata permezz ta’ ċertifikat notarili.
21. Il-klijenti ta’ UsedSoft, li kien għad ma għandhomx is-softwer ikkonċernat ta’ Oracle, kienu jniżżlu, wara li jkunu akkwistaw liċenzja “użata”, dan is-softwer direttament minn fuq is-sit internet ta’ Oracle. Il-klijenti li diġà kellhom l-imsemmi softwer u li kienu xtraw liċenzji addizzjonali għal utenti supplimentari, kienu jniżżlu s-softwer għal fuq il-memorja ċentrali tal-workstations ta’ dawk l-utenti l-oħra.
22. Wara li Oracle kienet ippreżentat kawża quddiem il-Landgericht München I sabiex twaqqaf dawn il-prattiki, din il-qorti laqgħet it-talba tagħha. Peress li l-appell ippreżentat minn UsedSoft kontra din id-deċiżjoni kien ġie miċħud, hija sussegwentement ippreżentat appell fuq punti ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja).
III – Id-domandi preliminari
23. Il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-persuna li tista’ tinvoka eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm ta’ kompjuter hija “persuna li tikseb legalment” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 [...]?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: id-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter hija eżawrita, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 [...], meta l-persuna li tikseb tkun wettqet il-kopja bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt, billi tniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet?
3) Fil-każ li anki t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: il-persuna li tikseb liċenzja ta’ softwer “użata”, tista’ wkoll tinvoka, għat-twettiq ta’ kopja ta’ programm bħala “persuna li tikseb legalment”, skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE […], l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm ta’ kompjuter li l-ewwel persuna li tikseb legalment, bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt, tkun wettqet billi tniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet, jekk l-ewwel persuna li tikseb legalment tkun neħħiet il-kopja tagħha jew ma tużahiex iktar?”
IV – Analiżi tiegħi
A – L-osservazzjonijiet preliminari
24. Il-qorti tar-rinviju tassumi li l-klijenti ta’ UsedSoft, billi jniżżlu l-programmi tal-kompjuter mis-sit internet ta’ Oracle jew minn sostenn informatiku għal fuq il-memorja ċentrali ta’ kompjuters addizzjonali, iwettqu atti ta’ riproduzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2009/24, li jimpinġu fuq id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ta’ Oracle. Barra minn hekk, peress li l-kundizzjonijiet tal-liċenzja ta’ Oracle jispeċifikaw li d-dritt ta’ użu “mhux trasferibbli”, il-Bundesgerichtshof tirrileva li l-klijenti ta’ Oracle ma setgħux validament jittrasferixxu d-dritt ta’ riproduzzjoni lil UsedSoft li, konsegwentement, ma setgħetx tittrasferixxihom lill-klijenti tagħha stess.
25. Minn dan il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-klijenti ta’ UsedSoft jistgħux jinvokaw l-Artikolu 69d(1) tal-UrhG, li jittrasponi l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 fid-dritt Ġermaniż, filwaqt li jeżenta mill-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-dritt ir-riproduzzjoni neċessarja sabiex tippermetti lil min jiksbu legalment juża l-programm ta’ kompjuter b’mod konformi mal-finalità tiegħu.
26. Skont il-qorti tar-rinviju, din id-domanda tinqasam fi tliet sottodomandi dwar, l-ewwel waħda, il-kwalità ta’ “min jiksbu legalment” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, tal-persuna li tista’ tinvoka l-eżawriment tad-dritt distribuzzjoni, it-tieni, il-kwistjoni dwar jekk hemmx l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni f’każ li kopja tal-programm titniżżel mill-internet bl-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-dritt, u t-tielet, dwar il-possibbiltà għal min ikun kiseb liċenzja użata li jinvoka dan l-eżawriment meta l-ewwel akkwirent ikun ħassar il-kopja tiegħu jew ma baqax jużaha.
27. Għalkemm il-qorti tar-rinviju għamlet it-tieni domanda biss f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, jien tal-fehma li għandha l-ewwel nett tingħata risposta għal din id-domanda. Fil-fatt, qabel ma neżaminaw jekk il-persuna li tista’ tinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “min jikseb legalment” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, għad irid jiġi rrilevat jekk it-tniżżil tal-programmi ta’ Oracle minn persuna residenti fit-territorju tal-Unjoni għandux l-effett li jwassal għall-eżawriment “Komunitarju” tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ dawn il-programmi, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. Din id-domanda, li tittratta l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju tal-eżawriment japplikax għat-tniżżil mill-internet, għandha titqies domanda preliminari.
28. Sussegwentement, ser neżamina l-ewwel u t-tielet domandi flimkien, li jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk min jikseb liċenzja użata jistax, abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, jinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja tal-programm tal-kompjuter imniżżel mill-ewwel akkwirent sabiex iwettaq, bħala akkwirent legali, kopja ġdida tal-programm fil-każ fejn l-ewwel akkwirent ikun ħassar il-kopja tiegħu jew ma jibqax jużaha.
B – Fuq it-tieni domanda
29. Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm ta’ kompjuter huwiex eżawrit, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, meta l-akkwirent iwettaq il-kopja, bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt, billi jniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet.
1. L-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-Gvernijiet u tal-Kummissjoni Ewropea
30. UsedSoft ssostni prinċipalment li l-kliem tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jippermetti li tiġi applikata r-regola tal-eżawriment għal trasferimenti online ta’ softwer, peress li, min-naħa, il-frażi “kopja ta’ programm” tista’ tinftiehem bħala proċess li jippermetti lill-akkwirent jirreġistra l-programm u li, min-naħa l-oħra, il-frażi l-“ewwel bejgħ” ma timplikax it-trasferiment tal-proprjetà fil-forma ta’ distribuzzjoni ta’ sostenn informatiku, peress li dak li jgħodd huwa pjuttost l-għan ekonomiku finali tat-tranżazzjoni, li huwa l-programm ikun jista’ jintuża b’mod permanenti. Filwaqt li ssostni li l-bejgħ ser ikun ikkaratterizzat, indipendentement mid-distribuzzjoni ta’sostenn informatiku, mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dritt ta’ użu għal żmien indeterminat u kontra ħlas ta’ somma f’daqqa, UsedSoft targumenta li mill-kliem tad-Direttiva 2009/24 jirriżulta li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jseħħ fil-mument li l-klijent ta’ Oracle iwettaq kopja bil-kunsens tat-titulari tad-dritt billi jniżżel il-programm fuq sostenn informatiku.
31. UsedSoft issostni wkoll li din l-interpretazzjoni, ibbażata fuq il-kliem tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, hija sostnuta mill-għan tar-regola tal-eżawriment, li huwa li jinstab bilanċ bejn l-interessi ekonomiċi tal-awtur fir-rigward tal-isfruttament tax-xogħol tiegħu u l-interess tal-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi. Peress li hija tqis li f’kaz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni permanenti ta’ softwer permezz ta’ ħlas ta’ somma, it-titulari tad-dritt għandu il-possibbiltà jisfrutta kummerċjalment ix-xogħol kreattiv tiegħu bil-bejgħ tal-oġġett protett, UsedSoft tikkunsidra li dan l-awtur ma jistax jiddeċiedi jekk japplikax il-prinċipju tal-eżawriment billi jagħżel bejn żewġ modi ta’ distribuzzjoni li huma madankollu strettament ekwivalenti minn perspettiva ekonomika. Jekk dan ikun il-każ, jirriżulta monopolju ta’ distribuzzjoni li r-regola tal-eżawriment għandha proprju l-għan li tevita. Jekk jitqies li t-tranżazzjoni għandha tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ servizzi, il-prinċipju tal-eżawriment jibqa’ applikabbli, peress li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija wkoll parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni.
32. UsedSoft tippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-eżawriment għall-forom ta’ tranżazzjonijiet tipikament intanġibbli, bħad-drittijiet ta’ rappreżentazzjoni, ta’ eżekuzzjoni jew ta’ xandir, mhux minħabba n-natura intanġibbli tagħhom, iżda għaliex dawn id-drittijiet jagħtu lok għall-ħlas ta’ miżata għal kull użu u, konsegwentement, l-interessi ekonomiċi tal-awtur ma jiġux issoddisfatti bl-ewwel tqegħid għaċ-ċirkulazzjoni.
33. UsedSoft issostni li ebda argument f’sens kuntrarju ma jista’ jinsilet mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29 jew mill-premessa 29 ta’ din id-direttiva, li jindirizzaw biss il-każ speċjali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi għal użu ad hoc għal żmien limitat għall-konnessjoni mas-server tal-awtur. B’differenza għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ servizzi għal użu permanenti permezz ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa, servizzi intiżi li jiġu pprovduti ripetutament bi ħlas ma jistgħux jissodisfaw l-interessi ekonomiċi tat-titulari tad-dritt meta jiġu pprovduti għall-ewwel darba.
34. Oracle tqis li t-tniżżil ta’ kopji tal-programmi tal-kompjuter ma jikkostitwixxix bejgħ, peress li r-remunerazzjoni ma tintalabx għas-sempliċi tniżżil tal-programm, iżda titħallas abbażi tal-kuntratt tal-liċenzja, bħala korrispettiv għad-dritt ta’ użu mogħti b’dan il-kuntratt. Meta jiġi konkluż kuntratt ta’ manutenzjoni, l-ewwel akkwirent ma jistax ibigħ il-verżjoni li kien niżżel oriġinarjament, iżda biss verżjoni differenti, kompluta u aġġornata.
35. Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari għas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et (11), għad-dikjarazzjonijiet komuni dwar it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur kif ukoll għar-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-implementazzjoni u l-effetti tad-Direttiva 91/250, tal-10 ta’ April 2000 (12), Oracle ssostni wkoll li jista’ jkun hemm eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni biss fil-każ ta’ trasferiment ta’ proprjetà ta’ oġġett tanġibbli, u dan jeskludi t-tranżazzjoni, totalment immaterjali, tat-tniżżil. Skont din il-kumpannija, “kopja ta’ programm”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 tista’ biss tkun oġġett fiżiku, jiġifieri “prodott”. Dan il-kunċett huwa konformi mas-sens u mal-finalità tal-prinċipju tal-eżawriment, li għandu l-għan li jiżgura l-moviment liberu ta’ kopji fiżiċi li jkunu tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni minn qabel bil-kunsens tat-titulari tad-drittijiet, u mhux li jirrendi adegwati għaċ-ċirkulazzjoni kopji li nħolqu mill-utent innifsu.
36. Oracle tosserva, fi kwalunkwe każ, li, anki jekk ikollha tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni li jirriżulta meta jitniżżel programm ma jawtorizzax lill-ewwel akkwirent jittrażmetti l-kopja għal lejn sostenn ieħor. Dan jippermettilu biss li jittrasferixxi materjalment is-sostenn innifsu, li jkun jeħtieġ, pereżempju, li huwa jneħħi d-diska li fuqha huwa jkun niżżel il-programm.
37. Oracle tispjega li ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk il-programm ta’ kompjuter ikunx inkiseb bl-akkwiżizzjoni ta’ CD-ROM jew billi jitniżżel online peress li, fiż-żewġ każijiet, l-użu tal-kopja tal-programm tippreżumi l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja.
38. Il-Gvernijiet ta’ Spanja u ta’ Franza, l-Irlanda kif ukoll il-Gvern Taljan isostnu li d-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ programm ta’ kompjuter ikun eżawrit biss meta l-kopja ta’ dak il-programm titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni b’mod tanġibbli. Il-Gvern Franċiż, l-Irlanda u l-Gvern Taljan jibbażaw ruħhom fuq il-qafas leġiżlattiv li fid-dawl tiegħu għandha tiġi interpretata d-Direttiva 2009/24, b’mod partikolari fuq id-Direttiva 2001/29.
39. L-Irlanda ssostni, barra minn hekk, li anki jekk il-liċenzja mogħtija mit-titulari tad-dritt għandha tiġi kklassifikata bħala bejgħ, il-kopji li fir-rigward tagħhom ingħatat il-liċenzja ma humiex dawk li jitniżżlu jew jinkisbu minn subakkwirent. Hija tfakkar li r-regola tal-eżawriment, li żviluppat fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija, ma għandhiex l-effett li teżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni tat-titulari ta’ privattiva fir-rigward ta’ lottijiet oħra minbarra dawk li jkunu ġew ikkummerċjalizzati bil-kunsens tiegħu. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1985, Pharmon (13), l-Irlanda tqis li l-każ tal-kawża preżenti huwa simili għas-sitwazzjoni li fiha prodotti jkunu ġew ikkummerċjalizzati abbażi ta’ liċenzja obbligatorja. Hija żżid li l-awtorizzar tal-użu ta’ liċenzji mingħajr il-kunsens tat-titulari tad-dritt huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-innovazzjoni u jippreġudika l-interessi leġittimi tal-awtur tal-programm.
40. Il-Gvern Franċiż iżid mal-argumenti bbażati fuq il-kuntest leġiżlattiv fid-dritt tal-Unjoni numru ta’ kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt internazzjonali u fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (14). Huwa jargumenta li ma jistax ikun hemm eżawriment f’każ ta’ tniżżil peress li hemm inkwistjoni offerta permezz ta’ servizz online u jsostni li l-kuntratt ta’ manutenzjoni huwa, evidentement, wieħed ta’ provvista ta’ servizzi.
41. Il-Gvern Taljan, li jqis li għandha ssir distinzjoni bejn l-istatus ta’ proprjetarju ta’ kopja tas-softwer u l-istatus ta’ utent li huwa awtorizzat juża s-softwer bis-saħħa ta’ liċenzja, jargumenta li, sa fejn, f’każ ta’ trasmissjoni online ta’ kopja elettronika ta’ softwer, id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa irrilevanti, il-limitu rappreżentat mill-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni huwa inapplikabbli. Huwa jikkunsidra li approċċ differenti jikkomprometti l-protezzjoni tas-softwer skont id-dritt tal-Unjoni.
42. Il-Kummissjoni, li tfakkar li l-kawża tikkonċerna, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-bejgħ mill-ġdid ta’ programm ta’ kompjuter huwiex awtorizzat u jekk id-drittijiet tat-titulari humiex eżawriti meta l-programm ta’ kompjuter jitqiegħed għad-dispożizzjoni sabiex jitniżżel minn fuq server b’kundizzjonijiet li jillimitaw id-drittijiet tal-utent li jittrażmetti l-programm lil oħrajn, tqis li jirriżulta mhux biss mill-premessa 28 tad-Direttiva 2001/29, iżda wkoll mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, u mid-dikjarazzjonijiet komuni li jikkonċernaw dan it-Trattat, li t-traspożizzjoni tiegħu hija waħda mill-għanijiet tad-Direttiva 2001/29, li l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2009/24, minkejja l-kliem tiegħu, ma jkoprix id-distribuzzjoni ta’ xogħol mhux inkorporat f’oġġett materjali, li jkun kopert biss mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li d-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku imsemmi fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva ma jiġix eżawrit, peress li l-premessa 29 tikkonferma, barra minn hekk, li l-kwistjoni tal-eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi inġenerali u ta’ servizzi online b’mod partikolari.
2. L-evalwazzjoni tiegħi
43. Il-prinċipju tal-eżawriment, li joħroġ mid-dritt Ġermaniż u Amerikan (15), huwa intiż sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-protezzjoni neċessarja tad-drittijiet intellettwali, li jikkonferixxu fil-prinċipju lit-titulari tagħhom monopolju ta’ użu, u r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija. Dan il-prinċipju, li jillimita d-dritt esklużiv tat-titulari tal-proprjetà intellettwali għall-ewwel tqegħid għaċ-ċirkulazzjoni tal-prodott kopert bid-dritt inkwistjoni, huwa “l-espressjoni […] tal-idea ġuridika [...] li [dan] id-dritt ma jippermettix li wieħed jipprekludi d-distribuzzjoni ta’ prodott awtentiku, ladarba dan ikun tqiegħed fis-suq” (16).
44. L-għan ta’ ħolqien ta’ żona mingħajr fruntieri interni wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tintegra din ir-regola fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon (17), hija ddikjarat li “l-eżerċizzju, minn manifattur ta’ sostenni tal-ħoss, tad-dritt esklużiv ta’ tqegħid għaċ-ċirkulazzjoni tal-oġġetti protetti li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, sabiex jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni f’dan l-Istat ta’ prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq minnu stess jew bil-kunsens tiegħu fi Stat Membru ieħor, għar-raġuni biss li dan it-tqegħid għaċ-ċirkulazzjoni ma kienx seħħ fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, jikser ir-regoli li jipprevedu l-moviment liberu tal-prodotti fis-suq komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
45. Bis-saħħa tar-regola tal-eżawriment, it-titulari tad-drittijiet intellettwali li jqiegħed l-prodotti tiegħu għaċ-ċirkulazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru jitlef il-possibbiltà li jinvoka l-monopolju tiegħu ta’ użu sabiex jopponi l-importazzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor. Din ir-regola hija ġġustifikata, ekonomikament, mill-kunsiderazzjoni li t-titulari tad-drittijiet paralleli ma jistax jieħu profitt indebitu mill-użu tad-dritt tiegħu, li jkun il-każ jekk huwa jkun jista’ jibbenefika mill-vantaġġ ekonomiku li jingħatalu kull darba li hemm moviment lejn fruntiera interna fl-Unjoni.
46. Il-prinċipju ta’ eżawriment, li għandu oriġini ġudizzjarja, ġie adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li għamel riferiment għalih f’diversi direttivi, b’mod partikolari dwar it-trademarks (18), id-databases (19), il-varjetajiet tal-pjanti (20), id-dritt tal-kiri u ta’ xiri ta’ xogħlijiet protetti (21), id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni u programmi tal-kompjuter. Għalkemm il-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tifforma d-“duttrina tal-eżawriment Komunitarju”, li tista’ tiġi applikata b’mod uniformi għad-drittijiet kollha ta’ proprjetà intellettwali, il-fatt jibqa’ li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u l-portata tar-regola jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv abbażi tal-karatteristiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni u tad-dispożizzjonijiet partikolari li jirregolawh.
47. Fir-rigward b’mod partikolari tal-programmi tal-kompjuter, ir-regola ta’ eżawriment hija stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24, li ttenni l-kliem tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250 filwaqt li taqsam dan l-Artikolu f’żewġ paragrafi distinti.
48. Filwaqt li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24 jiddistingwi minn fost id-drittijiet esklużivi tal-awtur tal-programm, id-dritt ta’ riproduzzjoni permanenti jew temporanja, id-dritt ta’ pproċessar u d-dritt li jwettaq jew jawtorizza “kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinal tal-kompjuter jew kopji tiegħu”, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-eżawriment japplika biss għad-dritt ta’ distribuzzjoni, bl-eċċezzjoni tad-“dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri [ulterjuri] tal-programm”. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huwa biss id-dritt ta’ distribuzzjoni li huwa suġġett għall-eżawriment, u mhux id-dritt ta’ riproduzzjoni jew ta’ pproċessar. Barra minn hekk, għalkemm id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa ddefinit b’mod wiesa’, forma waħda biss ta’ distribuzzjoni, il-bejgħ, twassal għall-applikazzjoni tar-regola tal-eżawriment, filwaqt li, ladarba din ir-regola tkun daħlet fis-seħħ, l-effetti tagħha jestendu għal kull forma ta’ distribuzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kiri.
49. Il-mistoqsija dwar jekk ir-regola ta’ eżawriment, kif ifformulata fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, tistax tinkludi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ softwer “użat” imniżżel mill-internet qajmet kontroversji importanti fost l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-Ġermanja (22), liema kontroversja hija riflessa, fl-Istati Uniti, fid-diskussjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-“first sale doctrine” fil-qasam diġitali (23).
50. Peress li l-eżawriment huwa suġġett għall-ewwel “bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter” fl-Unjoni mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu, għandu qabelxejn jiġi ddeterminat jekk dan il-kunċett li, fl-adozzjoni tad-Direttiva 2009/24, qajjem mistoqsijiet numerużi (24), għandux jiġi interpretat b’mod uniformi.
51. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżit tal-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment speċifiku għal-liġi tal-Istati Membri sabiex tiddetermina t-tifsira u l-għan tagħha għandha normalment tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni(25). Peress li d-Direttiva 2009/24 ma tagħmel ebda riferiment għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tas-sinjifikat li għandu jingħata lill-frażi “bejgħ ta’ kopja”, din għandha titqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tindika kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-termini tagħha u l-kuntest li fih hija tintuża kif ukoll l-għanijiet mixtieqa kemm mid-Direttiva kif ukoll mid-dritt internazzjonali (26).
52. Mill-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2009/24 jirriżulta li din għandha l-għan li telimina d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li jippreġudika b’mod sinjifikanti s-suq intern. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (27), li l-kunċett ta’ kunsens, li jikkostitwixxi element deċiżiv tat-tmiem tad-dritt esklużiv, għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi sabiex jintlaħaq l-għan tal-“istess protezzjoni skont is-sistemi legali tal-Istati Membri” (28), hekk ukoll għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar il-bejgħ ta’ programm ma għandhiex tvarja skont interpretazzjonijiet differenti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti.
53. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-kunċett ta’ “bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, jistax japplika għal ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.
54. Oracle issostni li r-remunerazzjoni mitluba mingħand il-klijent ma hijiex sempliċement għat-tniżżil tal-programm u lanqas sabiex jingħata kodiċi, iżda bħala korrispettiv għall-kuntratt ta’ użu mogħti bil-kuntratt ta’ liċenzja. Oracle iżżid li, ħafna drabi, il-klijent jikkonkludi wkoll kuntratt ta’ manutenzjoni li jippermettilu jaġġorna l-programm u l-korrezzjoni ta’ żbalji, u dan jikkostitwixxi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi. Minn dan hija tikkonkludi li ma hemmx bejgħ fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24.
55. Din l-analiżi jidhirli li hija żbaljata.
56. Fil-fehma tiegħi, skont id-Direttiva 2009/24 jirriżulta b’mod ċar li d-distinzjoni bejn il-bejgħ u l-kiri hija s-“summa divisio” li minnha jiddependu kemm l-applikazzjoni jew le tar-regola tal-eżawriment (29) kif ukoll il-portata ta’ din ir-regola (30). Il-premessa 12 ta’ din id-direttiva tiddefinixxi l-kiri bħala li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u għal finijiet ta’ qligħ, programm ta’ kompjuter jew kopja tiegħu. A contrario, programm ta’ kompjuter jew ta’ kopja tiegħu għandu jitqies mibjugħ, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, meta, indipendentement mill-klassifikazzjoni li jagħtuha l-partijiet, it-tranżazzjoni hija kkaratterizzata mit-trasferiment tal-proprjetà ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter, għal żmien indeterminat, bi ħlas ta’ somma f’daqqa. Din id-distinzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li eskludiet l-eżawriment f’każ ta’ kiri (31), filwaqt li applikatu f’każ ta’ trasferiment tal-proprjetà (32).
57. Il-ħruġ ta’ liċenzja li tippermetti li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kopja ta’ programm ta’ kompjuter permezz ta’ tniżżil mill-internet hija operazzjoni kumplessa, li tista’ tkopri kemm kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jikkonċerna, b’mod partikolari, id-disponibbiltà, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ programm tal-kompjuter, u kuntratt ta’ bejgħ tal-kopja meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk is-servizzi (33). Il-kontenut tal-awtorizzazzjoni għall-użu hekk mogħtija jista’ jvarja.
58. Dan id-dritt ta’ użu jippreżenta l-karatteristiċi tal-kiri meta jingħata b’mod temporanju, permezz ta’ ħlas perijodu ta’ miżata, u meta l-fornitur ma jkunx ċeda l-proprjetà tal-kopja tal-programm tal-kompjuter, li għandha tiġi restitwita lilu mit-titulari tad-dritt. Jidhirli, għall-kuntrarju, li jeżistu l-karatteristiċi ta’ bejgħ meta l-klijent jakkwista, b’mod definittiv, id-dritt li juża l-kopja tal-programm tal-kompjuter, li l-fornitur ċedielu bil-ħlas ta’ somma f’daqqa.
59. Jiena nqis, fil-fatt, li, fid-dawl tal-għan tal-eżawriment, li huwa li jiġi llimitat id-dritt ta’ esklużività tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali meta t-tranżazzjoni ta’ kummerċ tkun ippermettiet lit-titulari tad-dritt jirrealizza l-valur ekonomiku tad-dritt tiegħu, it-terminu “bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa, li tinkludi l-forom kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li huma kkaratterizzati mill-għoti ta’ dritt ta’ użu ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter, għal żmien indeterminat, bil-ħlas ta’ somma f’daqqa. Interpretazzjoni ristretta żżejjed ta’ dan it-terminu ddgħajjef l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni billi ċċaħħad ir-regola tal-eżawriment minn kull skop, għaliex il-kummerċjalizzazzjoni tas-softwer ħafna drabi tieħu l-forma ta’ liċenzji għall-użu u li jkun biżżejjed għall-fornituri li jikklassifikaw il-kuntratt bħala “liċenzja” u mhux bħala “bejgħ” sabiex jevadu din ir-regola.
60. Jiena nikkonkludi li, anki jekk id-detentur tad-dritt iwettaq, bħal Oracle, distinzjoni, daqsxejn artifiċjali, bejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kopja tal-programm ta’ kompjuter u l-għoti tad-dritt ta’ użu, iċ-ċessjoni ta’ dritt ta’ użu ta’ kopja tal-programm ta’ kompjuter ċertament tikkostitwixxi bejgħ fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24.
61. Il-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni bħala “bejgħ” ma tikkostitwixxix, madankollu, fattur suffiċjenti sabiex iwassal għall-konklużjoni li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jista’ jseħħ f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.
62. Oracle, il-Gvern Spanjol u Franċiż, l-Irlanda, il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-eżawriment li jista’ jirriżulta mill-bejgħ tal-kopja tal-programm ta’ kompjuter għandu neċessarjament portata limitata, għaliex jaffettwa esklużivament id-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ kopja tal-programm ta’ kompjuter inkorporat f’sostenn materjali.
63. Diversi argumenti jimmilitaw favur din l-interpretazzjoni.
64. Qed jiġi sostnut li l-operazzjoni tat-tniżżil ta’ programm ta’ kompjuter mill-internet ma hijiex att ta’ distribuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda taqa’ taħt il-komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din l-aħħar direttiva. Madankollu, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29 jippreċiża li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ma huwiex is-suġġett ta’ eżawriment.
65. Barra minn hekk, mir-rapport tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ April 2000, imsemmi iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar li l-eżawriment tad-dritt tal-awtur japplika biss għall-bejgħ ta’ kopji, jiġifieri ta’ merkanzija, filwaqt li jkun eskluż f’każ ta’ offerta permezz ta’ servizzi online (34).
66. L-istess konċezzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ eżawriment tinsab fid-Direttiva 2001/29, li tipprovdi indizji ċari dwar il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita r-regola għal forma waħda biss ta’ distribuzzjoni tax-xogħol, ikkaratterizzata mill-bejgħ ta’ merkanzija li tinkludi l-programm tal-kompjuter.
67. Huwa sostnut, b’mod partikolari, li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni biss fil-każ tal-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment ieħor tal-proprjetà ta’ “oġġett”. Barra minn hekk, il-premessi 28 u 29 ta’ din id-direttiva jippreċiżaw, fir-rigward tal-ewwel, li l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur b’applikazzjoni tal-imsemmija Direttiva tinkludi “d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli [(35)]” u, fir-rigward tat-tieni, li “[i]l-kwistjoni ta’ eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi u servizzi on-line b’mod partikolari”. Din l-aħħar premessa żżid li “[d]in tapplika wkoll rigward kopja materjali ta’ xogħol jew suġġett magħmul minn utent ta’ servizz bħal dan bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet [u li] differenti minn CD-ROM jew CD-I, fejn proprjetà intellettwali hija inkorporta fil-medium tal-materjal, jiġifieri suġġett minn oġġetti, kull servizz on-line huwa fil-fatt att li għandu jkun regolat mill-awtorizzazzjoni fejn id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jipprovdu hekk”.
68. Barra minn hekk, il-premessa 29 tad-Direttiva 2001/29 tfasslet fuq il-premessa 33 tad-Direttiva 96/9, li kienet diġà tindika b’mod ċar il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita l-eżawriment fir-rigward biss taċ-ċirkulazzjoni ta’ prodott li jinkorpora kontenut materjali u kontenut intellettwali. Din il-volontà tirriżulta wkoll mill-premessa 43 ta’ din l-aħħar direttiva, li tippreċiża li, fil-każ ta’ trażmissjoni online, id-dritt li jiġi pprojbit użu mill-ġdid ma jkunx eżawrit, kemm għal database u kemm għal kopja materjali tad-database jew ta’ parti minnha li tkun twettqet mid-destinatarju tat-trażmissjoni bil-kunsens tat-titulari tad-dritt.
69. Fl-aħħar nett, id-dritt internazzjonali jsostni interpretazzjoni restrittiva tal-eżawriment. Id-Direttiva 2001/29 għandha, b’mod partikolari, l-għan li timplementa, fl-Istati Membri, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur. Madankollu, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Peek & Cloppenburg, iċċitata iktar ’il fuq, id-dritt Komunitarju għandu, kemm jista’ jkun, jiġi interpretat b’mod li jkun konsistenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu speċifikament intiżi li jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (36). Għandu, konsegwentement, jiġi konkluż li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29, intiża li timplementa ċerti obbligi internazzjonali li jinsabu fit-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur u t-Trattat tad-WIPO fuq l-interpretazzjonijiet u eżekuzzjonijiet u fuq il-fonogrammi, adottat f’Ġinevra fl-20 ta’ Diċembru 1996 (37), għandha ssir fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet komuni dwar it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li jipprovdu li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni li jissemmew fl-Artikolu 6(2) ta’ dan it-Trattat jikkonċerna “esklużivament [...] kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli”.
70. Ma jidhirlix li dawn l-argumenti huma konvinċenti.
71. Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jiena ma naħsibx li d-distribuzzjoni ta’ programm ta’ kompjuter permezz tat-tniżżil minn fuq l-internet jista’ jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni ta’ “dritt ta’ distribuzzjoni” sabiex jaqa’ taħt id-definizzjoni tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku stabbilit fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ oġġezzjonijiet fundamentali importanti għal din l-interpretazzjoni.
72. L-ewwel nett, jekk naċċetta li d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 2001/29, li għandha speċifikament l-għan li tadatta d-dritt tal-awtur għall-qasam diġitali, jistgħu jiggwidaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċjali tad-Direttiva 2009/24, li hija limitata li tikkodifika d-Direttiva 91/250, adottata qabel ma żviluppa l-internet, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 jippreċiża li hija “għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti [tad-dritt tal-Unjoni] dwar […] il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters”. Sa fejn id-Direttiva 2009/24 ma tagħmel l-ebda riferiment għall-kunċett tad-dritt ta’ komunikazzjoni u tiddefinixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni b’mod l-iktar wiesa’, li jinkludi “kull forma ta’ distribuzzjoni […] lill-pubbliku tal-oriġinal ta’ programm tal-kompjuter jew kopji tiegħu”, jidhirli diffiċli li wieħed jikkunsidra, minn qari ta’ dawn iż-żewġ direttivi flimkien, li d-dritt ta’ tqegħid għad-dispozizzjoni lill-pubbliku imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huwa applikabbli għall-programmi tal-kompjuter. Barra minn hekk, jiena ma nikkunsidrax li s-sentenza Bezpečnostní softwarová asociace, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni sabiex issostni r-raġunament tagħha, tista’ tiġi interpretata f’dan is-sens (38).
73. Sussegwentement, fin-nuqqas ta’ kull definizzjoni, fid-Direttiva 2001/29, tad-drittijiet ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku u ta’ distribuzzjoni, l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, fid-dawl tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (39). Madankollu, l-Artikolu 6(1) ta’ dan it-Trattat jirreferi għad-dritt ta’ distribuzzjoni li huwa jiddefinixxi bħala d-dritt li jiġi awtorizzat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-oriġinali u ta’ kopji ta’ xogħol “permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ proprjetà”. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa inekwivoku. L-eżistenza ta’ trasferiment ta’ proprjetà kjarament tittrasforma sempliċi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku f’att ta’ distribuzzjoni.
74. Fit-tieni lok, l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-premessi tad-Direttiva 2001/29 la huma ċari u lanqas inekwivoċi.
75. Għalhekk, qari a contrario tal-ewwel sentenza tal-premessa 28 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li “[i]l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi [(40)] d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli”, jimplika li dan id-dritt jinkorpora wkoll forom oħra ta’ distribuzzjoni. Madankollu, it-tieni sentenza ta’ din il-premessa, dwar l-eżawriment, ma tillimitax dan id-dritt għal forma partikolari ta’ distribuzzjoni.
76. Il-premessa 29 tad-Direttiva 2001/29 ma hijiex inqas ambigwa. Filwaqt li tidher li tagħmel distinzjoni bejn il-bejgħ ta’ merkanzija, li għalih tapplika r-regola tal-eżawriment, u l-provvista ta’ servizzi, li għaliha din ir-regola għandha tkun inapplikabbli, ma huwiex inqas minnu li l-kunċett ta’ servizzi online, kif iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jinkludi l-bejgħ ta’ oġġetti online (41). GħalhCD-ROM li fiha hija inkorporata l-kopja ta’ programm tal-kompjuter. Madankollu, id-distinzjoni dwar jekk il-bejgħ seħħx mill-bogħod jew le tidhirli li hija rrilevanti għall-applikazzjoni ta’ din ir-regola.
77. Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 fis-sens li r-regola tal-eżawriment għandha tkun eskluża fil-każ ta’ tniżżil minn fuq l-internet, meta din il-forma ta’ kummerċjalizzazzjoni tintuża fil-parti l-kbira sabiex tiddistribwixxi programmi tal-kompjuter huma ddistribwiti taħt dik il-forma ta’ kummerċ, ikollha l-effett li tillimita b’mod kunsiderevoli ħafna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola u, fl-istess waqt, tillimita l-libertà tal-moviment.
78. Għalkemm l-Artikolu 36 TFUE jipprovdi li dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet relatati, b’mod partikolari, mal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, hija, madankollu, ġurisprudenza stabbilita li deroga bbażata fuq dan il-motiv hija ammessa biss sa fejn hija ġġustifikata bis-salvagwardja tad-drittijiet li jikkostitwixxu s-suġġett speċifiku ta’ din il-proprjetà (42). Dan il-prinċipju jimplika li jiġu ddeterminati, għal kull dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat, il-kundizzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli jew le mad-dritt tal-Unjoni.
79. Madankollu, jiena niddubita kemm l-awtorizzazzjoni lit-titulari tad-dritt li jipprojbixxi persuna, li tkun legalment akkwistat il-proprjetà ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, milli tbiegħha mill-ġdid, taqa’ fis-salvagwardja tad-drittijiet li jikkostitwixxu s-suġġett speċifiku tad-dritt tal-awtur.
80. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tad-derogi għall-moviment liberu ġġustifikati bil-protezzjoni tad-dritt tal-awtur, tfittex jekk it-titulari tad-dritt tal-awtur iċċaħħadx jew le mir-remunerazzjoni li għaliha kellu legalment dritt.
81. Fis-sentenza tagħha, Football Association Premier League et, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li d-derogi għall-prinċipju tal-moviment liberu jistgħu jiġu ammessi biss sa fejn huma ġġustifikati bis-salvagwardja tad-drittijiet li jikkostitwixxu l-għan speċifiku tal-proprjetà intellettwali kkonċernata u li dan l-għan speċifiku huwa intiż b’mod partikolari li jiżgura lill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati il-protezzjoni tal-possibbiltà li jieħdu vantaġġ kummerċjali mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-oġġetti protetti, billi jagħtu liċenzji kontra l-pagament ta’ remunerazzjoni, iddikjarat li għan speċifiku bħal dan ma jiggarantixxix lill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jitolbu l-ogħla remunerazzjoni possibbli, iżda remunerazzjoni xierqa biss, jiġifieri b’relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut, għal kull użu tal-oġġetti protetti (43).
82. Sussegwentement, filwaqt li kkonstatat li l-ammont supplimentari mħallas minn organizzazzjonijiet ta’ xandir għall-għoti ta’ esklużività territorjali assoluta kien ta’ natura li jwassal għal differenzi fil-prezzijiet artifiċjali bejn is-swieq nazzjonali maqsuma f’kompartamenti, hija kkonkludiet li dan il-ħlas kien imur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jiżgura lill-proprjetarji tad-drittijiet remunerazzjoni xierqa (44).
83. Jiena naħseb li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, it-titulari tad-drittijiet irċieva remunerazzjoni xierqa meta huwa tħallas bħala korrispettiv għall-għoti ta’ dritt ta’ użu ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter. L-ammissjoni li huwa jista’ jikkontrolla l-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja u jeżigi, f’din l-okkażjoni, remunerazzjoni oħra, bl-iskuża li din il-kopja kienet ġiet stabbilita fuq sostenn informatiku mill-klijent, wara li jkun niżżilha minn fuq l-internet, minflok ma tkun ġiet inkorporata mit-titulari tad-drittijiet fuq sostenn li tkun tpoġġa għall-bejgħ, isservi mhux sabiex tipproteġi l-oġġett speċifiku tad-dritt tal-awtur, iżda sabiex iżżid il-monopolju ta’ użu ta’ dan tal-aħħar.
84. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter huwa eżawrit jekk it-titulari tad-dritt, li jkun awtorizza t-tniżżil mill-internet ta’ din il-kopja fuq sostenn informatiku, ikun awtorizza wkoll, bi ħlas, id-dritt ta’ użu ta’ din il-kopja għal żmien indeterminat. Fil-fatt, jikkostitwixxi bejgħ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull tqegħid għad-dispożizzjoni fl-Unjoni, fi kwalunkwe forma u b’kull mod, ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter bil-għan li tintuża matul perijodu indeterminat, bil-korrispettiv ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa.
C – Fuq l-ewwel u t-tielet domandi
85. Bl-ewwel u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, bħala “min jikseb legalment”, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, l-akkwirent tal-liċenzja ta’ użu jistax jinvoka r-regola tal-eżawriment prevista fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva sabiex jagħmel kopja ġdida tal-programm tal-kompjuter, meta l-ewwel akkwirent iħassar il-kopja tiegħu jew ma jibqax jużaha.
1. L-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-Gvernijiet u tal-Kummissjoni
86. UsedSoft issostni li l-prinċipju tal-eżawriment ikun mingħajr skop jekk jiġi kkonstatat li t-titulari tad-dritt ma jkunx jista’ jikkontrolla d-distribuzzjoni ulterjuri ta’ kopji tal-programmi iżda jkun jista’ jkompli jikkontrolla l-atti ta’ użu li jeħtieġu riproduzzjoni tal-programm.
87. UsedSoft issostni wkoll li l-fatt li l-ewwel akkwirent iħassar jew ma jibqax juża l-kopja tiegħu tal-programm ta’ kompjuter jippermetti li jiggarantixxi li s-softwer ittrasferit mill-manifattur ma jintużax darbtejn jew iktar.
88. Skont Oracle, il-kunċett ta’ “min jikseb legalment”, li jinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, jirreferi biss għall-akkwirent awtorizzat, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ liċenzja, li juża l-programm tal-kompjuter, filwaqt li l-kunċett ta’ “użu tal-programm tal-kompjuter [...] skont il-fini maħsub tiegħu” jirrigwarda użu konformi mad-dritt ta’ użu mogħti mit-titulari tad-dritt, b’mod li huwa għandu jiġi ddefinit, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tal-istipulazzjonijiet rilevanti tal-kuntratt tal-liċenzja li jiddefinixxu n-natura u l-portata tad-dritt ta’ użu.
89. Oracle issostni wkoll li l-eżawriment jikkonċerna biss id-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja tal-programm ta’ kompjuter li tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni u ma jistax jaffettwa d-dritt ta’ użu, li jinkludi dritt ta’ riproduzzjoni, fir-rigward ta’ programmi tal-kompjuter li l-użu tagħhom jimplika r-riproduzzjoni.
90. Skont Oracle, li targumenta b’analoġija mad-dritt tat-trademarks, is-sens u l-għan tal-prinċipju tal-eżawriment ma jikkonferixxux lil persuni minbarra t-titulari tad-dritt il-poter legali meħtieġ li jaqsam u jiżmonta d-dritt ta’ użu inizjali, li jikkorrispondi għal numru determinat ta’ utenti, f’numru ta’ diversi drittijiet addizzjonali ta’ użu. Il-prattika tal-bejgħ mill-ġdid ta’ liċenzji “użati” tippreżenta, barra minn hekk, l-inkonvenjent li jirrendi impossibbli l-kummerċ ta’ liċenzji bi prezz imnaqqas li jiffaċilita l-użu tal-programmi minn gruppi ta’ utenti finanzjarjament fraġli, bħal ma huma istituzzjonijiet edukattivi.
91. Oracle ssostni wkoll li la t-titulari tad-dritt u lanqas is-subakkwirent ma jistgħu jivverifikaw li l-ewwel akkwirent effettivament ħassar il-kopja tiegħu jew ma għadux jużaha.
92. Il-Gvern Franċiż, l-Irlanda u l-Gvern Taljan essenzjalment isostnu li hija biss l-persuna li tgawdi minn dritt ta’ użu tal-programm ta’ kompjuter mogħti mit-titulari tad-dritt li tista’ tiġi kkunsidrata bħala “min jikseb legalment” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24. Il-Gvern Franċiż u l-Irlanda jesponu, barra minn hekk, li l-persuna li ma tkunx akkwistat il-liċenzja mingħand it-titulari tad-dritt u li, konsegwentement, ma tkunx l-akkwirent legali, ma tistax tinvoka ir-regola tal-eżawriment.
93. Filwaqt li jqisu li l-persuna li tista’ tinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja tal-programm ta’ kompjuter hija “min jikseb legalment” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jqisu li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, għaliex huma irrispondew għat-tieni domanda fin-negattiv.
2. L-evalwazzjoni tiegħi
94. Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mid-distinzjoni bejn id-dritt ta’ distribuzzjoni, li huwa eżawrjenti, u d-dritt ta’ riproduzzjoni, li ma huwiex eżawrjenti.
95. Huwa paċifiku, f’din il-kawża, li l-liċenzja ta’ użu mogħtija minn Oracle tippermetti li, b’konnessjoni mas-sit tal-internet ta’ Oracle, li ssir riproduzzjoni mill-ġdid tal-programm tal-kompjuter. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li ċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ użu mogħtija b’din il-liċenzja ma taqax taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni, iżda taħt id-dritt ta’ riproduzzjoni.
96. Filwaqt li l-bejgħ mill-ġdid tal-kopja imniżżla mill-ewwel akkwirent jaqa’ taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni, iċ-ċessjoni ta’ liċenzja ta’ użu bħal dik mogħtija minn Oracle lill-klijenti tagħha tinvolvi l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, peress li hija tippermetti l-ħolqien ta’ kopja ġdida tal-programm billi jitniżżel minn fuq l-internet jew bir-riproduzzjoni minn fuq kopja li diġà tinsab għand l-utent.
97. Madankollu, jirriżulta mill-kliem ċar tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, li l-prinċipju tal-eżawriment jikkonċerna esklużivament id-distribuzzjoni ta’ kopja tal-programm ta’ kompjuter u ma għandux jaffettwa d-dritt ta’ riproduzzjoni, li ma jistax jiġi ppreġudikat mingħajr ma tinbidel is-sustanza nfisha tad-dritt tal-awtur.
98. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva ma jidhirlix li huwa ta’ natura li jippermetti li jingħeleb dan l-ostakolu. Fil-fehma tiegħi, l-oġġett ta’ din id-dispożizzjoni huwa llimitat li jippermetti lil min għandu diġà kopja tal-programm ta’ kompjuter jirriproduċi din il-kopja sabiex jużawha skont il-finijiet tiegħu. Għall-kuntrarju, dan l-artikolu ma għandux jawtorizza lil min ma għandux diġà kopja tal-programm jirriproduċi dan il-programm mhux sabiex jużah skont il-finijiet tiegħu, iżda sabiex sempliċement jużah. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni, li tirriżerva l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali partikolari, ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi applikata fir-rigward ta’ akkwirent kuntrattwalment marbut mat-titulari tad-dritt.
99. Ma jidhirlix li huwa possibbli, fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni, li r-regola tal-eżawriment, li hija marbuta b’mod inerenti mad-dritt ta’ distribuzzjoni, tiġi estiża għad-dritt ta’ riproduzzjoni. Jiena konxju mill-fatt li l-kompartimentalizzazzjoni tar-regola għal kopji li huma inkorporati materjalment fuq sostenn informatiku wara li jitniżżlu mill-internet, ser tillimita, fil-prattika, il-portata tagħha, iżda, anki jekk hija tista’ ssib appoġġ fin-neċessità li tinżamm l-effettività tar-regola tal-eżawriment u li tingħata prevalenza lill-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi, is-soluzzjoni kuntrarja, li sservi sabiex testendi l-applikazzjoni tar-regola tal-eżawriment lil hinn mill-portata maħsuba mil-leġiżlatur tal-Unjoni (45), ma tistax tiġi adottata minħajr ma jiddgħajjef il-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jeżiġi l-prevedibbiltà tad-dritt Ewropew.
100. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti nikkonkludi li l-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid tad-dritt ta’ użu tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter, it-tieni akkwirent ma jistax jinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja sabiex jirriproduċi l-programm billi joħloq kopja ġdida, anki jekk l-ewwel akkwirent ikun ħassar il-kopja tiegħu jew ma jkunx għadu jużaha.
V – Konklużjoni
101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta lill-Bundesgerichtshof kif ġej:
“1) L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter huwa eżawrit jekk it-titulari tad-dritt, li jkun awtorizza t-tniżżil mill-internet ta’ din il-kopja fuq sostenn informatiku, ikun awtorizza wkoll, bi ħlas, id-dritt ta’ użu ta’ din il-kopja għal żmien indeterminat.
Fil-fatt, jikkostitwixxi bejgħ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull tqegħid għad-dispożizzjoni fl-Unjoni, fi kwalunkwe forma u b’kull mod, ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter bil-għan li tintuża matul perijodu indeterminat, bil-korrispettiv ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa.
2) L-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid tad-dritt ta’ użu tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter, it-tieni akkwirent ma jistax jinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja sabiex jirriproduċi l-programm billi joħloq kopja ġdida, anki jekk l-ewwel akkwirent ikun ħassar il-kopja tiegħu jew ma jkunx għadu jużaha.”