Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja) fit-18 ta’ April 2019 – BY u CZ vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-321/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BY, CZ

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

Persuna suġġetta għat-tariffa tat-triq tista’ individwalment tinvoka quddiem il-qrati nazzjonali l-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ kalkolu tat-tariffi tat-triq previsti fl-Artikolu 7(9) u fl-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62/KE kif emendata bid-Direttiva 2006/83/KE 1 (indipendentement mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7a(3) ikkunsidrati flimkien mal-Anness III li jinsab fiha) meta, fl-iffissar mil-liġi tar-rati tat-tariffi tat-triq, l-Istat Membru ma jkunx osserva dawn id-dispożizzjonijiet fl-intier tagħhom jew ikun implimentahom b’mod żbaljat għad-dannu tal-persuna suġġetta għat-tariffa tat-triq?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni inkwantu spejjeż tal-operat tan-netwerk ta’ infrastruttura fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62/KE kif emendata bid-Direttiva 2006/38/KE?

Qbiż tal-ispejjeż ta’ infrastruttura li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-tariffa tat-triq medja meqjusa li tvarja

aa)    sa 3.8 % b’mod partikolari meta jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż li, diġà bħala prinċipju, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni,

bb)    sa 6 %

iwassal għal ksur tal-projbizzjoni ta’ qbiż tal-ispejjeż skont l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62/KE kif emendata bid-Direttiva 2006/38/KE bil-konsegwenza li d-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward ma huwiex applikabbli?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt (b) tat-tieni domanda:

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2000 (C-205/98, punt 138) 2 għandha tinftiehem fis-sens li qbiż kunsiderevoli tal-ispejjeż ma jistax iktar jiġi paċut minn kalkolu a posteriori tal-ispejjeż, prodott fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u intiż sabiex jiġi pprovat li r-rata tat-tariffa tat-triq stabbilita bħala riżultat effettivament ma taqbiżx l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattv għall-punt (a) tat-tielet domanda:

Kalkolu tal-ispejjeż a posteriori tal-iskadenza tal-perijodu ta’ kalkolu għandu jsir skont l-ispejjeż reali u d-dħul minn tariffi tat-toroq li effettivament inġabru fl-intier tagħhom, jiġifieri mhux permezz ta’ ipoteżijiet li saru f’dan ir-rigward fil-kalkolu ta’ previżjoni inizjali?

____________

1 ĠU 2006, L 157, p. 8.

2 ĠU 2000, C 335, p. 10.