Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-676/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Condou-Durande, C. Cattabriga, G. von Rintelen, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li billi ma adottax, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 1 , jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skont l-Atikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva;

timponi fuq ir-Renju tal-Belġju, konformement mal-Artikolu 260(3) TFUE, il-pagament ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 49 906.50 għal kuljum b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/36/UE li għandu jsir f’kont li jiġi indikat mill-Kummissjoni;

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Istati Membri kienu marbuta, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2014/36/UE, jieħdu l-miżuri nazzjonali meħtieġa sabiex jittrasponu l-obbligi ta’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2016. Fl-assenza ta’ notifika tal-miżuri kollha ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Belġju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadixxi lil-Qorti tal-Ġustizzja.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi impost fuq il-Belġju pagament ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 49 906.50. L-ammont tal-pagament ta’ penalità ġie kkalkolat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità, it-tul tal-ksur u kif ukoll l-effett dissważiv fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru.

____________

1 Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU 2014 L 94, p. 375).