Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (ir-Rumanija) fit-2 ta’ Awwissu 2019 – Academia de Studii Economice din Bucureşti vs Organismul Intermediar pentru Programul Operaţional Capital Uman - Ministerul Educaţiei Naţionale

(Kawża C-585/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Academia de Studii Economice din Bucureşti

Konvenut: Organismul Intermediar pentru Programul Operaţional Capital Uman - Ministerul Educaţiei Naţionale

Domandi preliminari

Il-Kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, li huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser “kwalunkwe perjodu li matulu l-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu” abbażi ta’ kuntratt wieħed (full-time) jew inkella abbażi tal-kuntratti kollha (ta’ xogħol) konklużi minn dan il-ħaddiem?

Ir-rekwiżiti imposti fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88/KE (obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perijodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11-il siegħa konsekuttivi f’perijodu ta’ 24-siegħa) u mill-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE (iffissar tat-tul medju ta’ xogħol fil-ġimgħa għal-limitu massimu ta’ 48 siegħa, inklużi s-sigħat ta’ sahra) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistabbilixxu limiti fir-rigward ta’ kuntratt wieħed jew inkella fir-rigward tal-kuntratti kollha konklużi mal-istess persuna li timpjega jew ma’ diversi persuni li jimpjegaw?

Fil-każ li r-risposti għall-ewwel u għat-tieni domandi jinvolvu interpretazzjoni li teskludi l-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirregolaw, fuq livell nazzjonali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE għal kull kuntratt, fl-assenza ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirregola l-fatt li l-mistrieħ ta’ kuljum minimu u l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa għandhom ikunu fil-konfront tal-ħaddiem (irrispettivament minn kemm il-kuntratt ta’ xogħol huwa jikkonkludi mal-istess persuna li timpjega jew ma’ diversi persuni li jimpjegaw), istituzzjoni pubblika ta’ Stat Membru, li taġixxi f’isem l-Istat, hija f’pożizzjoni li tinvoka l-applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE u li tissanzjona lill-persuna li timpjega għan-nuqqas ta’ osservanza tal-limiti previsti fid-direttiva fir-rigward tal-mistrieħ ta’ kuljum u/jew tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381