Language of document : ECLI:EU:T:2018:881

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

6 ta’ Diċembru 2018 (*)

“FAEŻR – Spejjeż esklużi mill-finanzjament – Spejjeż imwettqa mill-Portugall – Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Assenza ta’ prova tad-dubju serju u raġonevoli – Verifiki ewlenin – Verifiki sekondarji”

Fil-Kawża T‑22/17,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn P. Estêvão, L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u J. Saraiva de Almeida, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Rechena, A. Sauka u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2018, tal-15 ta’ Novembru 2016, li teskludi mill-finanzjament infiq speċifiku mwettaq mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2016, L 312, p. 26), sa fejn din teskludi l-ħlasijiet imwettqa taħt il-FAEŻR mill-aġenzija tal-ħlas kompetenti tar-Repubblika Portugiża għal ammont totali ta’ EUR 1 990 810.30.

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat il-programm ta’ żvilupp rurali tar-reġjun awtonomu tal-Azores (il-Portugall) għas-snin 2007–2013 Prorural, stabbilit mir-Repubblika Portugiża, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU L 206M, p. 23).

2        Konformement mal-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), il-Kummissjoni organizzat, bejn is-17 u l-21 ta’ Ġunju 2013, verifiki f’Ponta Delgada (il-Portugall) rigward l-implimentazzjoni tal-Prorural.

3        Permezz tal-ittra tat-12 ta’ Settembru 2013, bir-referenza Ares 3036530 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-12 ta’ Settembru 2013”), il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2006, L 171, p. 90) ippreżentat il-konstatazzjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Portugiżi. Għalhekk, hija informat lil dawn tal-aħħar dwar in-nuqqasijiet li hija kienet ikkonstatat fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi li hija kienet wettqet taħt l-Artikolu 24(2)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU 2011, L 25, p. 8, rettifika fil-ĠU 2011, L 201, p. 20), li ssostitwixxa l-Artikolu 26(2)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006, tas-7 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali (ĠU L 330M p. 74).

4        B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-verifiki amministrattivi mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi ma kinux ippermettew l-evalwazzjoni b’mod xieraq tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati minn tliet benefiċjarji tal-għajnuna favur il-kompetittività tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija dwar miżuri intiżi għar-ristrutturazzjoni u l-iżvilupp tal-potenzjal fiżiku kif ukoll għall-promozzjoni tal-innovazzjoni permezz taż-żieda fil-valur miżjud tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija, imsemmija fl-Artikolu 20(b)(iii), tar-Regolament Nru 1698/2005 u li tikkorrispondi għall-miżura 123 kodifikata fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 322M, p. 305) (iktar ’il quddiem il-“miżura 123”), li kellhom in-numri ta’ identifikazzjoni rispettiv ta’ 4715781, 4716022 u 5221903 (iktar ’il quddiem it-“tliet benefiċjarji inkwistjoni”).

5        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Portugiżi wieġbu għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

6        Fit-18 ta’ Frar 2014, saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Portugiżi u tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006.

7        Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Settembru 2014, bir-referenza Ares 3174958 (iktar ’il quddiem l-“ittra tas-26 ta’ Settembru 2014”), il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006, ikkomunikat uffiċjalment lill-awtoritajiet Portugiżi l-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom fuq il-bażi tal-informazzjoni rċevuta fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità. F’din il-komunikazzjoni, minn naħa, il-Kummissjoni, b’riferiment għad-dokument Nru VI/5330/97 tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida dwar il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru VI/5330/97”), ippreżentat l-evalwazzjoni tal-ispejjeż b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-miżura 123 li hija kienet tipprevedi li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005. Min-naħa l-oħra, hija fakkret lill-awtoritajiet Portugiżi li dawn setgħu jirrikorru għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 885/2006.

8        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2014, l-awtoritajiet Portugiżi informaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jużaw din il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

9        Wara l-proċedura ta’ konċiljazzjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2018, tal-15 ta’ Diċembru 2016, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2016, L 312, p. 26, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-pagamenti mwettqa mill-aġenzija tal-ħlas kompetenti tar-Repubblika Portugiża taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fil-kuntest tal-miżura 123, għal ammont totali ta’ EUR 1 990 810.30.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2017, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat dan ir-rikors.

11      Ir-Repubblika Portugiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni pagamenti mwettqa taħt il-FAEŻR mill-aġenzija tal-ħlas kompetenti tagħha għal ammont totali ta’ EUR 1 990 810.30;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Portugiża tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005 u, it-tieni wieħed, fuq “nuqqas ta’ motivazzjoni” li jirriżulta, essenzjalment, minn naħa, mill-assenza ta’ dubju serju u raġonevoli dwar in-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123 u, min-naħa l-oħra, min-nuqqas ta’ osservanza tad-dokument Nru VI/5330/97.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005

14      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat, korrezzjoni finanzjarja għall-ispejjeż imwettqa matul is-snin 2010 u 2011, sa fejn dawn l-ispejjeż kienu ta’ iktar minn 24 xahar qabel in-notifika tal-ittra tat-12 ta’ Settembru 2013.

15      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Portugiża.

16      Skont l-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005, rifjut ta’ finanzjament ma jistax jolqot “l-infiq fuq miżuri fil-programmi, kif indikat fl-Artikolu 4 [ta’ dan ir-regolament] għajr dawk imsemmija [fl-Artikolu 31(4)(b) tal-imsemmi regolament), li jitwettaq il-ħlas għalihom, jew skont il-każ, il-ħlas tal-bilanċ mill-aġenzija tal-ħlas, aktar minn [24] xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-kitba dwar ir-riżultati tal-kontroll tagħha.”

17      Għalhekk, mill-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005 jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni spejjeż mhux konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-pagament jew, skont il-każ, il-pagament tal-bilanċ, ikun twettaq fl-24 xahar li jippreċedu l-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat dwar ir-riżultati tal-verifiki tagħha.

18      Ir-Regolament Nru 885/2006, li huwa r-regolament ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005, jispeċifika, fl-Artikolu 11(1) tiegħu, il-kontenut tal-komunikazzjoni bil-miktub li biha l-Kummissjoni tikkomunika r-riżultat tal-verifiki tagħha lill-Istati Membri.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-data determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk pagament seħħx fit-terminu ta’ 24 xahar hija dik li fiha jiġi stabbilit l-ammont definittiv tal-għajnuna u li fiha jitħallas il-bilanċ mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-24/11 P, EU:C:2012:266, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, skont barra minn hekk it-termini użati fl-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005, li jirreferi għal “infiq” li għalih “ħlas” jew, skont il-każ, “ħlas tal-bilanċ” ikun seħħ qabel il-bidu tal-perijodu ta’ 24 xahar rilevanti, il-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjoni finanzjarja għall-pagamenti mwettqa qabel il-bidu ta’ dan il-perijodu meta dawn ikunu relatati ma’ spejjeż li għalihom l-ammont definittiv huwa stabbilit u l-bilanċ jitħallas mill-Istat Membru kkonċernat wara l-bidu tal-perijodu ta’ 24 xahar rilevanti.

20      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Kummissjoni, permezz tal-ittra tat-12 ta’ Settembru 2013, ikkomunikat, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, ir-riżultat tal-verifiki tagħha lir-Repubblika Portugiża.

21      Minn dan isegwi li l-perijodu ta’ 24 xahar imsemmi fl-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005 beda fit-12 ta’ Settembru 2011 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ 24 xahar rilevanti”).

22      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-korrezzjoni finanzjarja kellha tiġi applikata għal ċerti pagamenti mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi qabel it-12 ta’ Settembru 2011, sa fejn dawn il-pagamenti kienu marbuta ma’ proġetti li għalihom kienu twettqu pagamenti oħra matul il-perijodu ta’ 24 xahar rilevanti.

23      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja antiċipi jew pagamenti intermedji li saru qabel il-perijodu ta’ 24 xahar rilevanti, sa fejn dawn l-antiċipi jew pagamenti intermedji ma jkunux previsti mid-dritt Portugiż u mill-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005.

24      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, kif issemma fil-punt 16 iktar ’il fuq, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Portugiża, li l-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005 jirreferi espressament għall-ħlas tal-bilanċ tal-ispejjeż inkwistjoni, li jimplika neċessarjament il-possibbiltà ta’ pagamenti proviżorji bil-quddiem tal-għajnuna mitluba, indipendentement mill-fatt li tali possibbiltà ma tkunx prevista mil-liġi nazzjonali inkwistjoni.

25      It-tieni nett, mit-termini tal-ittra tas-26 ta’ Settembru 2014 jirriżulta li, kif spjegat il-Kummissjoni b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ġiet indirizzata lilha, ċerti benefiċjarji tal-miżura 123 effettivament irċevew pagamenti bil-quddiem, li n-natura provviżorja tagħhom hija kkonfermata mill-fatt li l-imsemmija benefiċjarji kellhom, fejn xieraq, jirrimborżaw parti minn dawn il-pagamenti meta l-ammont tagħhom kien ogħla mill-ammont finali tal-għajnuna dovuta.

26      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Portugiża ma tikkontestax li l-pagamenti li twettqu qabel it-12 ta’ Settembru 2011 identifikati mill-Kummissjoni fl-ittra tas-26 ta’ Settembru 2014 huma effettivament marbuta ma’ spejjeż li għalihom il-pagament tal-bilanċ twettaq mill-aġenzija tal-ħlas inkwistjoni jew, minn tal-inqas, l-ammont definittiv ġie stabbilit wara l-bidu tal-perijodu ta’ 24 xahar rilevanti.

27      Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat, ġustament, li l-pagamenti li twettqu qabel it-12 ta’ Settembru 2011 li hija kienet identifikat fl-ittra tas-26 ta’ Settembru 2014 setgħu jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni, b’tali mod li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq “nuqqas ta’ motivazzjoni”

28      It-tieni motiv tar-Repubblika Portugiża huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-assenza ta’ dubju serju u raġonevoli fir-rigward tal-konformità tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi mar-regoli tal-Unjoni u, it-tieni waħda, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dokument Nru VI/5330/97.

29      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Portugiża.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ provi tad-dubju serju u raġonevoli

30      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-eżistenza ta’ dubju serju u raġonevoli fir-rigward tal-verifiki, imwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi, tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123 sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

31      Skont l-Artikolu 26(2)(d), tar-Regolament Nru 1975/2006, li ssostitwixxa l-Artikolu 24(2)(d), tar-Regolament Nru 65/2011, il-verifika amministrattiva tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna mill-Istati Membri tirrigwarda n-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati, li għandhom jiġu evalwati bl-għajnuna ta’ sistema ta’ evalwazzjoni xierqa, bħal spejjeż ta’ referenza, it-tqabbil ta’ offerti differenti jew kumitat ta’ evalwazzjoni.

32      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-FAEŻR jiffinanzja biss l-interventi mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2015, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, T-503/12, EU:T:2015:597, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija obbligata tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tikkonstata l-assenza jew id-difetti fil-kontrolli implimentati mill-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata mhux li turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-verifiki mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, iżda li tipproduċi prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija kellha fir-rigward ta’ dawn il-verifiki jew ta’ dawn iċ-ċifri (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-157/00, EU:C:2003:5, punti 15 u 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-300/02, EU:C:2005:103, punti 32 sa 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Min-naħa tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat, ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu stess permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema affidabbli u operattiva ta’ kontroll. Sakemm huwa ma jirnexxilux juri li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ sistema xierqa u effettiva ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll (ara b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-157/00, EU:C:2003:5, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-300/02, EU:C:2005:103, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Dan it-tnaqqis tar-rekwiżit tal-oneru tal-prova għall-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-FAEŻR u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jippreżenta l-prova l-iktar dettaljata u kompluta tal-veraċità tal-verifiki tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-157/00, EU:C:2003:5, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-300/02, EU:C:2005:103, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-verifiki implimentati mill-awtoritajiet Portugiżi ma kinux ippermettew l-evalwazzjoni b’mod xieraq tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mit-tliet benefiċjarji inkwistjoni.

36      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni ma identifikat l-ebda nuqqas fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123 u li l-awtoritajiet Portugiżi implimentaw, minkejja l-ostakoli inerenti għas-suq tal-Azores, sistema xierqa għall-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati minn dawn il-benefiċjarji, skont l-Artikolu 26(2)(d), tar-Regolament Nru 1975/2006 u l-Artikolu 24(2)(d), tar-Regolament Nru 65/2011, sa fejn din is-sistema kienet ibbażata fuq spejjeż ta’ referenza. Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni ma invokat ebda irregolarità fir-rigward tal-verifika tar-realtà tal-ispejjeż iddikjarati mill-imsemmija benefiċjarji u tat-twettiq ta’ verifiki fil-binjiet tal-operazzjoni ssussidjata jew fis-sit tal-investiment.

37      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni, fl-ittra tat-12 ta’ Settembru 2013, identifikat b’mod konkret u dettaljat nuqqasijiet fir-rigward tal-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet Portugiżi, tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mit-tliet benefiċjarji inkwistjoni.

38      Għalhekk, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari, l-ewwel nett, li l-listi tal-ispejjeż ta’ referenza stabbiliti mill-awtoritajiet Portugiżi kienu xi drabi bbażati esklużivament fuq il-prezzijiet tal-impriżi magħżula fl-aħħar nett mill-benefiċjarji, b’tali mod li l-awtoritajiet Portugiżi sempliċement, f’ċerti każijiet, wettqu paragun tal-prezzijiet ġejjin minn impriża waħda sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet ta’ din l-impriża kinux raġonevoli jew le, it-tieni nett, li l-ispejjeż ta’ referenza setgħu jkunu sa 4.5 darbiet ogħla mill-prezzijiet tal-impriżi magħżula mill-benefiċjarji, li, skont il-Kummissjoni, kien jindika li ma kien hemm l-ebda rabta bejn l-ispejjeż ta’ referenza u l-prezzijiet tas-suq, u, it-tielet nett, li l-ġustifikazzjoni f’dak li jirrigwarda ċerti pagamenti li l-ammont tagħhom kien jirrappreżenta diversi mijiet ta’ eluf ta’ euro setgħet tkun jew ineżistenti, jew insuffiċjenti.

39      Issa, għandu jiġi nnotat li r-Repubblika Portugiża ma tikkontestax l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq.

40      Fit-tieni lok, il-fatt li l-awtoritajiet Portugiżi implimentaw sistema ta’ evalwazzjoni bbażata fuq il-paragun tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123 mal-ispejjeż ta’ referenza ma jfissirx li l-imsemmija sistema kienet xierqa fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq.

41      Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta espliċitament li l-awtoritajiet Portugiżi kellhom l-għażla tas-sistema ta’ evalwazzjoni li huma riedu jimplimentaw, b’tali mod li huma setgħu jagħżlu sistema ta’ evalwazzjoni oħra għalkemm, fil-prattika, ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti l-ispejjeż ta’ referenza.

42      Għaldaqstant, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ evalwazzjoni bbażata fuq il-paragun tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123 mal-ispejjeż ta’ referenza kienet diffiċli minħabba l-ostakoli inerenti għall-insularità kif ukoll minħabba d-daqs limitat tas-suq tal-Azores, madankollu l-awtoritajiet Portugiżi setgħu jimplimentaw sistema ta’ evalwazzjoni oħra li kienet tkun kemm affidabbli u operattiva sabiex tikkontrolla n-natura raġonevoli tal-isepjjeż ippreżentati mill-imsemmija benefiċjarji, bħalma hija, pereżempju, sistema li tinvolvi kumitat ta’ evalwazzjoni.

43      Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża ma tipprovdi ebda element li jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ sistema affidabbli u operattiva ta’ verifika konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq.

44      Fit-tielet lok, il-fatt li n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni ma jirrigwardaw la l-verifika tar-realtà tal-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarji tal-miżura 123 u lanqas it-twettiq ta’ verifiki fil-bini tal-operazzjoni ssussidjata jew fis-sit tal-investiment ma huwiex ta’ natura li jikkontesta d-dubju serju u raġonevoli li l-Kummissjoni seta’ jkollha fir-rigward tal-verifiki, imwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi, tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123.

45      Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tan-nuqqasijiet imsemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni pproduċiet provi tad-dubju serju u raġonevoli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, li hija kellha fir-rigward tal-verifiki, imwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi, tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 32 sa 34 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Portugiża ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni li ma setgħetx hija stess tidentifika l-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123 li ma kinux raġonevoli.

47      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dokument Nru VI/5330/97

48      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li, fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati, il-korrezzjoni finanzjarja applikata mill-Kummissjoni tmur kontra d-dokument Nru VI/5330/97 kif ukoll l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005.

49      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, il-FAEŻR jiffinanzja biss l-interventi mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

50      Għalhekk, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni meta hija tikkonstata li l-ispejjeż ma jkunux saru skont ir-regoli tal-Unjoni u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Kummissjoni tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatata, filwaqt li jispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur kif ukoll id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni.

51      Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni, meta dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu minn dak il-ksur (sentenzi tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-418/06 P, EU:C:2008:247, punt 135, u tal-4 ta’ Settembru 2015, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, T-503/12, EU:T:2015:597, punt 53).

52      Fil-fatt, kif tfakkar, essenzjalment, fil-punt 34 iktar ’il fuq, il-ġestjoni tal-finanzjament tal-FAEŻR tistrieħ prinċipalment fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali inkarigati mis-sorveljanza tal-osservanza stretta tar-regoli tal-Unjoni u hija bbażata fuq il-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet tal-Unjoni. L-Istat Membru biss huwa f’pożizzjoni li jsir jaf u li jiddetermina bi preċiżjoni d-data neċessarja għall-elaborazzjoni tal-kontijiet tal-FAEŻR, peress li l-Kummissjoni ma tgawdix mill-prossimità neċessarja sabiex tikseb l-informazzjoni li hija jkollha bżonn mingħand l-uffiċjali ekonomiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-153/01, EU:C:2004:589, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Settembru 2015, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, T-503/12, EU:T:2015:597, punt 54).

53      Għal dak li jirrigwarda t-tip ta’ korrezzjoni applikata, għandu jitfakkar, fid-dawl tad-dokument Nru VI/5330/97, li, meta ma jkunx possibbli li jiġi evalwat preċiżament it-telf subit mill-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra korrezzjoni b’rata fissa (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2003, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-346/00, EU:C:2003:474, punt 53, u tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-418/06 P, EU:C:2008:247, punt 136). F’dan is-sens, għandu jingħad ukoll li, għalkemm id-dokument Nru VI/5330/97 inħareġ mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) u jinkludi, hekk kif jindika t-titolu tiegħu, il-linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, taqsima “Garanzija”, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tapplika dan id-dokument ukoll fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jattribwilha bil-għan tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEŻR (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2015, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, T-503/12, EU:T:2015:597, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Bulgarija vs Il-Kummissjoni, T-335/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:262, punt 86), liema fatt barra minn hekk ir-Repubblika Portugiża tammetti fir-replika.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fid-dawl tad-dokument Nru VI/5330/97, li, meta jsiru l-verifiki ewlenin kollha, iżda mingħajr ma tiġi osservata, b’mod partikolari, ir-reqqa ssuġġerita mir-regolamenti, għandha tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa li tammonta għal 5 %, peress li jista’ jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-verifiki ma joffrux il-livell mistenni ta’ regolarità tal-applikazzjonijiet u li r-riskju ta’ telf għall-FAEŻR huwa sinjifikattiv (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2015, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, T-503/12, EU:T:2015:597, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Mid-dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta wkoll li r-rata ta’ korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-parti tal-ispejjeż li kienet tikkostitwixxi riskju. Meta n-nuqqas jirriżulta min-nuqqas ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ verifika adegwata, il-korrezzjoni għandha, minħabba r-raġuni nnifisha tan-natura fissa tagħha, tiġi applikata għall-ispejjeż kollha li jaqgħu taħt il-miżura kkonċernata (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2015, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, T‑503/12, EU:T:2015:597, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni applikat, b’riferiment għad-dokument Nru VI/5330/97, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għall-ispejjeż relatati mal-miżura 123, li għalihom kienu saru pagamenti matul il-perijodu ta’ 24 xahar rilevanti. Hija ġġustifikat l-applikazzjoni ta’ din il-korrezzjoni permezz ta’ nuqqasijiet ikkonstatati f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mit-tliet benefiċjarji inkwistjoni.

57      Ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, minħabba li l-Kummissjoni, matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità, u b’mod partikolari fl-ittra tat-12 ta’ Settembru 2013, ma identifikat ebda ommissjoni ta’ verifiki ewlenin, fis-sens tad-dokument Nru VI/5330/97, dwar in-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123, kemm fir-rigward tan-numru tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-frekwenza jew tar-reqqa tagħhom, bi ksur għalhekk tal-“garanzija proċedurali” prevista fl-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005. Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet invokat lilha, b’mod żbaljat, obbligu ta’ riżultat fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż u li, fi kwalunkwe każ, in-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni jikkonċernaw biss verifiki sekondarji, fis-sens tad-dokument Nru VI/5330/97, b’tali mod li hija biss korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % li kienet applikabbli.

58      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni, essenzjalment, ir-Repubblika Portugiża, in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, imsemmi fil-punt 18 iktar ’il fuq, li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni bagħtet l-ittra tat-12 ta’ Settembru 2013, jista’ jġib fix-xejn is-sustanza tal-garanzija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005, li kif ġie indikat fil-punt 16 iktar ’il fuq, tillimita ratione temporis l-ispejjeż li jistgħu jkunu koperti minn rifjut ta’ finanzjament mill-FAEŻR (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-300/02, EU:C:2005:103, punt 70).

59      Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2013, informat lill-awtoritajiet Portugiżi li l-verifiki li dawn tal-aħħar kienu wettqu, skont l-Artikolu 24(2)(d) tar-Regolament Nru 65/2011, li ssostitwixxa l-Artikolu 26(2)(d), tar-Regolament Nru 1975/2006, ma ppermettewx li tiġi evalwata b’mod xieraq in-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mit-tliet benefiċjarji inkwistjoni. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma kkontestatx in-numru jew il-frekwenza tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi, ma jistax jiġi sostnut li r-reqqa ta’ dawn il-verifiki, fis-sens tad-dokument Nru VI/5330/97 u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni.

60      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-Kummissjoni ma identifikatx b’mod preċiż, fl-ittra tat-12 ta’ Settembru 2013, liema spejjeż, fost dawk ippreżentati mit-tliet benefiċjarji inkwistjoni, ma kinux raġonevoli. Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, kien biżżejjed li l-Kummissjoni turi l-eżistenza ta’ dubju serju u raġonevoli li l-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi ma ppermettewx l-evalwazzjoni b’mod xieraq tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123 sabiex jiġi kkunsidrat li dawn il-verifiki ma kinux jikkonformaw mar-reqqa, fis-sens tad-dokument Nru VI/5330/97 u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, issuġġerita mir-Regolamenti Nru 1975/2006 u Nru 65/2011.

61      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx il-garanzija proċedurali mogħtija lir-Repubblika Portugiża mill-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005.

62      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, għalkemm il-fatt li proċedura tista’ tiġi varjata ma jiġġustifikax, fih innifsu, korrezzjoni finanzjarja, nuqqas sinjifikattiv fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni li jesponi l-FAEŻR għal riskju reali ta’ telf jew ta’ irregolarità jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-5/03, EU:C:2005:426, punt 51).

63      Issa, kif ġie indikat fil-punt 45 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wriet li seta’ jeżisti dubju serju u raġonevoli fir-rigward tar-reqqa tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li l-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-miżura 123 kienu sopravalutati u li, konsegwentement, kien ġie stabbilit riskju reali ta’ telf għall-FAEŻR.

64      Minn dan isegwi li, għalkemm l-awtoritajiet Portugiżi setgħu jagħżlu, kif tfakkar fil-punt 42 iktar ’il fuq, is-sistema ta’ evalwazzjoni li huma xtaqu jimplimentaw, huma madankollu kellhom iwettqu verifika affidabbli u operattivi sabiex ma jesponux il-FAEŻR għal riskju reali ta’ telf.

65      Fit-tielet lok, għandu jiġi nnotat li l-awtoritajiet Portugiżi ma ppreżentawx metodu ta’ kalkolu li jippermetti li jiġi stabbilit l-ammont reali tal-ispejjeż irregolari, jew lanqas li turi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw minn dan, peress li r-Repubblika Portugiża ma tikkontestax, barra minn hekk, fiha innifisha l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa.

66      Konsegwentement, sa fejn, kif ġie indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkritikat lill-awtoritajiet Portugiżi li ma osservawx ir-reqqa ssuġġerita mir-regolamenti applikabbli, kellha tiġi applikata, skont id-dokument Nru VI/5330/97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, skont l-Artikolu 31(1) u (2), tar-Regolament Nru 1290/2005.

67      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-allegazzjoni tar-Repubblika Portugiża li tgħid li l-verifika dwar in-natura raġonevoli tal-ispejjeż ippreżentati kienet tikkostitwixxi biss verifika sekondarja li l-ommissjoni, b’applikazzjoni tad-dokument Nru VI/5330/97, setgħet twassal biss għal korrezzjoni ta’ 2 %.

68      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont id-dokument Nru VI/5330/97, il-verifiki ewlenin li jikkorrispondu huma l-verifiki fiżiċi u amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu kkontrollati l-elementi dwar il-mertu, filwaqt li l-kontrolli sekondarji huma operazzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-ipproċessar korrett tat-talbiet, bħalma huma l-verifika tal-osservanza tat-termini li fihom dawn jiġu sottomessi, l-identifikazzjoni ta’ talbiet doppji għall-istess suġġett, l-analiżi tar-riskju, l-applikazzjoni ta’ penali u s-sorveljanza xierqa tal-proċeduri.

69      Issa, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Portugiża ma tissostanzjax id-dikjarazzjoni tagħha li l-verifiki previsti fl-Artikolu 26(2)(d), tar-Regolament Nru 1975/2006 u fl-Artikolu 24(2)(d), tar-Regolament Nru 65/2011 għandhom jiġu kkunsidrati bħala verifiki sekondarji u mhux bħala verifiki ewlenin.

70      Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li l-verifika tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż tikkostitwixxi verifika amministrattiva meħtieġa sabiex tiġi evitata s-sopravalutazzjoni tal-applikazzjonijiet. Dan huwa għalhekk il-kontroll ta’ wieħed mill-elementi tal-mertu ta’ dawn l-applikazzjonijiet, li għandu jiġi distint minn operazzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-ipproċessar tal-imsemmija applikazzjonijiet.

71      Fl-aħħar nett, mid-dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta li, għalkemm l-eżistenza ta’ riskju ta’ telf li tiġġustifika korrezzjoni ta’ 5 % tista’ tiġi preżunta peress li nuqqasijiet li jirrigwardaw verifiki ewlenin huma kkonstatati, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-eżistenza ta’ riskju ta’ telf għall-FAEŻR li tiġġustifika, b’mod definittiv, l-impożizzjoni ta’ tali korrezzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, T-230/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:259, punt 71, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-183/06, mhux ippubblikata, EU:T:2009:370, punt 99). Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Portugiża ma tipproduċi ebda element li jista’ juri li l-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu min-nuqqasijiet ikkonstatati fir-rigward tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi skont l-Artikolu 26(2)(d) tar-Regolament Nru 1975/2006 u tal-Artikolu 24(2)(d) tar-Regolament Nru 65/2011 huma inqas minn 5 %.

72      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

73      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

74      Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.