Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Lulju 2019 – Jebsen & Jessen (GmbH & Co.) KG vs Hauptzollamt Hamburg

(Kawża C-543/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Jebsen & Jessen (GmbH & Co.) KG

Konvenut: Hauptzollamt Hamburg

Domandi preliminari

Għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali, l-eżenzjoni, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 1 , mid-dazju antidumping stabbilit bl-Artikolu 1 tal-istess regolament hija eskluża minħabba li fattura tal-impenn fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-regolament ma ssemmix id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/87 2 imsemmija fil-punt 9 tal-anness tal-istess regolament, iżda d-Deċiżjoni 2008/899/KE 3 ?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: fattura tal-impenn li tissodisfa r-rekwiżiti tal-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/82 tista’ tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura intiża għar-rimbors ta’ dazji antidumping sabiex tinkiseb, konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, l-eżenzjoni mid-dazju antidumping stabbilit bl-Artikolu 1 tal-istess regolament?

____________

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 tal-21 ta’ Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u ta’ rieżamijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 15, p. 8).

2 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/87 tal- 21 ta’ Jannar 2015 li taċċetta l-impenji offruti b’konnessjoni mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2015, L 15, p. 75).

3 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Diċembru 2008 li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2008, L 323, p. 62).