Language of document : ECLI:EU:C:2017:592

OPINJONI 1/15 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Lulju 2017

Werrej


I. It-talba għal opinjoni

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago

B. Il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

C. Il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka

D. Id-Direttiva 95/46/KE

E. Id-Direttiva 2004/82/KE

III. Il-fatti li wasslu għall-ftehim maħsub

IV. L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub

V. Il-ftehim maħsub

VI. Evalwazzjonijiet ifformulati mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu

A. Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub

B. Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

VII. Sommarju tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

B. Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub

C. Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta

VIII. Teħid ta’ pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

B. Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub

1. Fuq l-għan u l-kontenut tal-ftehim maħsub

2. Fuq il-bażi legali adatta fid-dawl tat-Trattat FUE

3. Fuq il-kompatibbiltà tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 16(2) u fl-Artikolu 87(2)(a) TFUE

C. Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta

1. Fuq id-drittijiet fundamentali kkonċernati u l-indħil f’dawn id-drittijiet

2. Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil li jirriżulta mill-ftehim maħsub

a) Fuq il-bażi għall-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub

b) Fuq l-għan ta’ interess ġenerali u r-rispett tal-essenza tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni

c) Fuq l-idoneità tal-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika

d) Fuq in-natura neċessarja tal-indħil li jinvolvi l-ftehim maħsub

1) Fuq id-data PNR prevista mill-ftehim maħsub

i) Fuq in-natura suffiċjentement preċiża tal-ftehim maħsub fir-rigward tad-data PNR li għandha tiġi ttrasferita

ii) Fuq id-data sensittiva

2) Fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR

3) Fuq l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data PNR

i) Prevenzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew tal-kriminalità transnazzjonali serja

ii) Għanijiet oħra

4) Fuq l-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-ftehim maħsub

5) Fuq il-passiġġieri tal-ajru kkonċernati

6) Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR

i) Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR qabel il-wasla tal-passiġġieri tal-ajru, waqt is-soġġorn tagħhom fil-Kanada u mal-ħruġ tagħhom

ii) Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru mill-Kanada

7) Fuq l-iżvelar tad-data PNR

i) Komunikazzjoni tad-data PNR lil awtoritajiet pubbliċi

ii) Żvelar tad-data PNR lil individwi

3. Fuq id-drittijiet individwali tal-passiġġieri tal-ajru

a) Fuq id-dritt għal informazzjoni, għal aċċess u għal rettifika

b) Fuq id-dritt għal rimedju

4. Fuq is-sorveljanza tal-garanziji fil-qasam tal-protezzjoni tad-data PNR

IX. Risposta għat-talba għal opinjoni


“Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Abbozz ta’ ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea – Trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mill-Unjoni lejn il-Kanada – Bażijiet legali adatti – L-Artikolu 16(2), il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE – Kompatibbiltà mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-proċedura għal opinjoni 1/15,

li għandha bħala suġġett talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE, imressqa fit-30 ta’ Jannar 2015 mill-Parlament Ewropew,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, M. Berger, A. Prechal u M. Vilaras, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Levits, D. Šváby, E. Jarašiūnas u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Parlament Ewropew, minn F. Drexler, A. Caiola u D. Moore, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u E. Petranova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL, u minn C. Doyle, BL,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u M. Sampol Pucurull, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Brodie u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn D. Beard, QC, u S. Ford, barrister,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M.‑M. Joséphidès, S. Boelaert u E. Sitbon, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Van Nuffel, D. Nardi, D. Maidani u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

–        għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), minn A. Buchta, G. Zanfir u R. Robert, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Opinjoni

I.      It-talba għal opinjoni

1        It-talba għal opinjoni mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Parlament Ewropew hija fformulata b’dan il-mod:

“Il-ftehim maħsub [bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea fuq it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri] huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (Artikolu 16 TFUE) u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [Artikoli 7, 8 u 52(1)] sa fejn huwa kkonċernat id-dritt tal-persuni fiżiċi għall-protezzjoni tad-data personali?

[Il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1)] u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE jikkostitwixxu l-bażi legali adegwata għall-att tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub jew dan l-att għandu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 16 TFUE?”

2        Fost dokumenti oħrajn, il-Parlament ippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja, bħala annessi mat-talba għal opinjoni tiegħu:

–        l-abbozz ta’ ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem il-“ftehim maħsub”);

–        l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub”), u

–        l-ittra tas-7 ta’ Lulju 2014, li biha l-Kunsill talab l-approvazzjoni tal-Parlament fuq l-imsemmi abbozz ta’ deċiżjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Konvenzjoni ta’ Chicago

3        Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 15, Nru 102, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), ġiet irratifikata mill-Kanada kif ukoll mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, iżda din tal-aħħar ma hijiex hija nnifisha parti fil-konvenzjoni msemmija.

4        L-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li:

“Il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Stat kontraenti dwar id-dħul jew il-ħruġ mit-territorju tiegħu tal-passiġġieri, ekwipaġġi jew merkanzija tal-ajruplani, bħar-regolamenti relattivi għad-dħul, għal-leave, għall-immigrazzjoni, għall-passaporti, għad-dwana u għas-saħħa, għandhom jiġu osservati mad-dħul, mal-ħruġ jew ġewwa t-territorju ta’ dan l-Istat, mill-imsemmija passiġġieri jew ekwipaġġi, jew f’isimhom, u għall-merkanzija.”

5        Il-Konvenzjoni ta’ Chicago stabbilixxiet l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (OIAĊ), li, skont l-Artikolu 44 ta’ din l-istess konvenzjoni, għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniċi tan-navigazzjoni tal-ajru internazzjonali.

B.      Il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

6        L-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2010, C 83, p. 295, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 21”) jipprovdi:

“Suġġett għall-Artikolu 3, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandomx jieħdu parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandhom ikunu meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jkunu jeħtieġu li jiġu adottati unanimament.

[…]”

7        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi protokoll huwa fformulat kif ġej:

“Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tlett xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, li huma jkunu jixtiequ li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ xi uħud minn dawk il-miżuri proposti, meta allura dak l-Istat ikun intitolat li jagħmel hekk.”

C.      Il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka

8        It-tielet sal-ħames paragrafi tal-preambolu tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka (ĠU 2010, C 83, p. 299, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 22”)], jipprovdu li l-partijiet kontraenti:

“[huma konxji] mill-fatt li l-kontinwazzjoni taħt it-Trattati tas-sistema legali li oriġinat fid-deċiżjoni ta’ Edinburgu ser tillimita b’mod sinifikattiv il-parteċipazzjoni tad-Danimarka f’oqsma importanti ta’ koperazzjoni ta’ l-Unjoni, u li jkun fl-aħjar interess ta’ l-Unjoni li tiġi assigurata l-integrità ta’ l-acquis fl-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja,

[huma xewqana] għaldaqstant li jistabbilixxu qafas legali li joffri lid-Danimarka l-possibbiltà li tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ miżuri proposti msejsa fuq it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea u jilqgħu l-intenzjoni tad-Danimarka li tagħmel użu minn din il-possibiltà meta jkun possibbli skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha,

[filwaqt li jinnutaw] li d-Danimarka mhix ser iżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jkomplu jiżviluppaw il-koperazzjoni ta’ bejniethom fir-rigward ta’ miżuri li ma jorbtux lid-Danimarka”.

9        L-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll jipprovdi:

“Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tad-Danimarka, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati unanimament.

Għall-finijiet ta’ l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”

10      L-Artikolu 2 tal-imsemmi protokoll huwa mfassal b’dan il-mod:

“Ebda dispożizzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe tali dispożizzjoni jew miżura jew kull miżura emendata jew emendabbli skond dak it-Titolu m’għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-acquis tal-Komunità jew ta’ l-Unjoni u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet ta’ l-Unjoni kif dawn japplikaw għad-Danimarka. B’mod partikolari, atti ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li huma emendati għandhom ikomplu jorbtu lil u jkunu applikabbli għad-Danimarka mingħajr bidla.”

11      L-Artikolu 2a tal-istess protokoll jipprovdi:

“L-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għal dawk ir-regoli stabbiliti abbażi ta’ l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw [l-ipproċessar tad-]data ta’ tip personali mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ l-imsemmi Trattat.”

D.      Id-Direttiva 95/46/KE

12      L-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), huwa mfassal b’dan il-mod:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu li t-trasferiment lil pajjiż terz ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment jista’ jsir biss jekk, bla ħsara għal konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva, il-pajjiż terz jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni.

2.      Jekk il-livell ta’ protezzjoni mogħti minn pajjiż terz ikunx adekwat għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data; għandu jittieħed kont partikolarment tan-natura tad-data, l-għan u t-tul ta’ żmien ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet proposti ta’ l-ipproċessar, il-pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż tad-destinazzjoni finali, ir-regoli tal-liġi, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, fis-seħħ fil-pajjiż terz in kwistjoni u r-regoli professjonali u l-miżuri ta’ sigurtà li jitħarsu f’dak il-pajjiż.

[...]

6.      Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2), li pajjiż terz ikun qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew ta’ l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, partikolarment meta jintemmu n-negozjati msemmija fil-paragrafu 5, għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet bażiċi ta’ l-individwu.

[...]”

E.      Id-Direttiva 2004/82/KE

13      L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 74), jipprovdi:

“1.      Stati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jistabilixxu obbligi għal trasporatturi sabiex jittrasmettu fuq it-talba ta’ l-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni fi fruntieri esterni, sa l-aħħar taċ-check in, informazzjoni li tikkonċerna passiġġieri li jittrasportaw lil fruntiera awtorizzata bħala punt ta’ qsim, li minnha dawn il-persuni jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-informazzjoni msemmija fuq għandha tinkludi:

–        n-numru u t-tip ta’ document ta’ vvjaġġar użat,

–        ċittadinanza,

–        ismijiet sħaħ,

–        id-data tat-twelid,

–        il-punt ta’ qsim fuq il-fruntiera bħala dħul fit-territorju ta’ l-Istati Membri,

–        il-kodiċi tat-trasport,

–        il-ħin tat-tluq u tal-wasla tat-trasport,

–        in-numru totali ta’ passiġġieri ttrasportati,

–        il-punt inizjali ta’ imbark.”

III. Il-fatti li wasslu għall-ftehim maħsub

14      Fit-18 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/230/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar l-ipproċessar ta’ data tal-API/PNR (ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 344), li permezz tagħha dan approva l-ftehim imsemmi (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2006”). Konformement mal-preambolu tiegħu, dan il-ftehim ġie konkluż fid-dawl tar-“rekwiżit impost mill-Gvern tal-Kanada fuq it-trasportaturi bl-ajru li jġorru persuni lejn il-Kanada li jipprovdu data dwar Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u Rekord ta’ l-Ismijiet tal-Passiġġieri (minn hawn ’il quddiem ‘API/PNR’) lill-awtoritajiet Kanadiżi kompetenti, saħansitra li tinġabar u tinżamm fis-sistemi awtomatizzati ta’ prenotazzjoni tat-trasportaturi u fis-sistemi ta’ kontroll tat-tluq (DCS)”.

15      Skont l-Artikolu 1(1) tal-ftehim tal-2006, dan kellu l-“għan [...] li jiġi żgurat li l-fornitura tad-data ta’ l-API/PNR ta’ persuni fuq vjaġġi pertinenti issir bir-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għall-privatezza”. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan il-ftehim, il-“[p]artijiet [kienu qablu] li d-data ta’ l-API/PNR ta’ persuni fuq vjaġġi pertinenti jiġu proċessati skond il-modalitajiet deskritti fl-Impenji assunti mill-awtorità kompetenti li tingħata d-data ta’ l-API/PNR”. L-awtorità kompetenti għall-Kanada kienet, konformement mal-Anness I tal-imsemmi ftehim, l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada (CBSA).

16      Abbażi ta’ dawn l-impenji, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat, fis-6 ta’ Settembru 2005, id-Deċiżjoni 2006/253/KE dwar il-ħarsien xieraq tad-data personali miżmuma fir-Rekord ta’ Isem il-Passiġġier (PNR) tal-passiġġieri tal-ajru li tiġi trasferita lill-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntieri tal-Kanada (ĠU 2006, L 118M, p. 515). L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi li, “[g]ħall-finijiet ta’ l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva [95/46], [is-CBSA] hija kkunsidrata li tagħti livell ta’ ħarsien xieraq għal data tal-PNR trasferita mill-Komunità dwar titjiriet lejn il-Kanada, skond l-[impenji tas-CBSA fir-rigward tal-programm PNR tagħha] elenkati fl-Anness” tad-deċiżjoni msemmija. Skont l-Artikolu 7 tagħha, din l-istess deċiżjoni kienet tipprovdi li din “[kienet] tiskadi fi żmien tliet snin u 6 xhur wara d-data tan-notifika tagħha, sakemm ma tiġix estiża skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva [95/46]”. Tali estensjoni ma saritx.

17      Peress li l-perjodu ta’ validità tal-ftehim tal-2006 kien, konformement mal-Artikolu 5(1) u (2) tiegħu, marbut ma’ dak tad-Deċiżjoni 2006/253, dan il-ftehim skada f’Settembru 2009.

18      Fil-5 ta’ Mejju 2010, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar it-tnedija ta’ negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada (ĠU 2011, C 81 E, p. 70). Fil-punt 7 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament talab “li jkun hemm approċċ koerenti dwar l-użu tad-data tal-PNR għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi u ta’ sigurtà, filwaqt li tiġi stabbilita sensiela waħda ta’ prinċipji li sservi bħala bażi għall-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi” u stieden “lill-Kummissjoni biex […] tippreżenta proposta għal mudell uniku bħal dan u abbozz ta’ mandat għan-negozjati mal-pajjiżi terzi”, filwaqt li stabbilixxa, fil-punt 9 tar-riżoluzzjoni msemmija, ir-rekwiżiti minimi li għandhom jiġu ssodisfatti f’dak li jikkonċerna l-użu tad-data tal-passiġġieri tal-ajru fil-pajjiżi terzi.

19      Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni kif ukoll direttivi ta’ negozjati, li jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex, f’isem l-Unjoni, tiftaħ in-negozjati mal-Kanada bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar it-trasferiment u l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem id-“data PNR”), intiż għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u ta’ forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali u għall-ġlieda kontrihom.

20      Il-ftehim maħsub, li rriżulta min-negozjati mal-Kanada, ġie inizjalat fis-6 ta’ Mejju 2013. Fit-18 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri [COM(2013) 528 final, iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub”] kif ukoll proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri [COM(2013) 529 final].

21      L-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub kien fiha s-siltiet segwenti:

“Il-leġiżlazzjoni Kanadiża tagħti s-setgħa [lis-CBSA] li titlob lil kull trasportatur bl-ajru li jopera fuq titjiriet għall-passiġġieri li jtiru lejn jew mill-Kanada, biex jipprovdilha aċċess elettroniku għad-dejta [PNR] qabel il-wasla tal-passiġġieri fil-Kanada jew it-tluq tagħhom minnha. It-talbiet tal-awtoritajiet Kanadiżi huma bbażati fuq it-Taqsima 107.1 tal-Att dwar id-Dwana, ir-Regolamenti (Dwana) dwar l-Informazzjoni ta’ Passiġġieri, il-paragrafu 148(1)(d) tal-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-Ħarsien tar-Refuġjati u r-Regolament 269 tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni u l-Ħarsien tar-Refuġjati.

Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tikseb id-dejta tal-PNR b’mod elettroniku qabel il-wasla tat-titjira u għalhekk tenfasizza b’mod sinifikanti l-abbiltà tas-[CBSA] li jwettaq bil-quddiem valutazzjonijiet effiċjenti u effettivi tar-riskju ppreżentat mill-passiġġieri u li jiffaċilita l-ivvjaġġar b’bona fide, u b’hekk issaħħaħ is-sigurtà tal-Kanada. L-Unjoni Ewropea, b’kooperazzjoni mal-Kanada fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra, tara t-trasferiment tad-dejta tal-PNR lill-Kanada bħala trawwim tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja. Dan se jinkiseb permezz tal-qsim ta’ informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR mill-Kanada mal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri, kif ukoll mal-Europol u l-Eurojust fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom.

[...]

It-trasportaturi bl-ajru għandhom l-obbligu li jagħtu l-aċċess [lis-CBSA] għal ċerta dejta tal-PNR, kemm-il darba din tkun tinġabar u tkun tinsab fis-sistemi awtomatizzati ta’ riżervazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq tat-trasportaturi bl-ajru.

Il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta ma jippermettux li t-trasportaturi Ewropej jew li trasportaturi oħra li joperaw fuq titjiriet mill-[Unjoni], jittrażmettu d-dejta tal-PNR tal-passiġġieri tagħhom lil pajjiżi terzi li ma jassigurawx livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta personali mingħajr ma jippreżentaw salvagwardji xierqa. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni li tipprovdi l-bażi legali għat-trasferiment mill-Unjoni Ewropea tad-dejta tal-PNR lejn il-Kanada bħala rikonoxximent tan-neċessità u tal-importanza tal-użu tad-dejta tal-PNR fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, filwaqt li tiġi ggarantita ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata b’mod omoġenju madwar l-Unjoni Ewropea kollha sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru u r-rispett tad-drittijiet tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll is-sigurtà fiżika tagħhom.

[...]”

22      Fit-30 ta’ Settembru 2013, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ta l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-proposti ta’ deċiżjoni. It-test sħiħ ta’ din l-opinjoni, li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea(ĠU 2014, C 51, p. 12), huwa disponibbli fis-sit Internet tal-KEPD.

23      Fil-5 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri. Fl-istess jum, din l-istituzzjoni ddeċidiet li titlob l-approvazzjoni tal-Parlament għall-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha relatata mal-konklużjoni tal-ftehim maħsub.

24      Il-ftehim maħsub ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014.

25      B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill talab l-approvazzjoni tal-Parlament għall-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill relatata mal-konklużjoni tal-ftehim maħsub.

26      Fil-25 ta’ Novembru 2014, il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni dwar it-tiftix ta’ opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) (ĠU 2016, C 289, p. 2).

IV.    L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub

27      L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub jipprevedi bħala bażijiet legali ta’ din id-deċiżjoni l-punt d tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE.

28      Il-premessi 5 u 6 ta’ dan l-abbozz ta’ deċiżjoni huma fformulati kif ġej:

“(5)      B’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll [(Nru 21)], [ir-Renju Unit u l-Irlanda] nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)      B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll [(Nru 22)], id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u la hija marbuta bil-Ftehim u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.”

29      L-Artikolu 1 tal-imsemmi abbozz ta’ deċiżjoni jipprovdi:

“Il-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.”

V.      Il-ftehim maħsub

30      Il-ftehim maħsub huwa mfassal b’dan il-mod:

“Il-Kanada

u

L-Unjoni Ewropea

il-‘Partijiet’

Waqt li jfittxu li jipprevjenu, jiġġieldu kontra, jrażżnu u jeliminaw it-terroriżmu u r-reati marbuta mat-terroriżmu, kif ukoll forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, bħala mezz biex jipproteġu s-soċjetajiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri komuni bil-għan li jippromwovu s-sigurtà u l-istat tad-dritt;

Waqt li jirrikonoxxu l-importanza li jipprevjenu, jiġġieldu kontra, jrażżnu u jeliminaw it-terroriżmu u r-reati marbuta mat-terroriżmu, kif ukoll forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, filwaqt li jippreservaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta;

Waqt li jfittxu li jsaħħu u li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-ispirtu ta’ sħubija bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea;

Waqt li jirrikonoxxu li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija element essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kriminalità relatata u forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, u li f’dan il-kuntest, l-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huwa strument importanti ferm biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

Waqt li jirrikonoxxu li, sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà pubblika u għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi, għandhom jiġu stipulati regoli li jirregolaw it-trasferiment tad-dejta tal-PNR mit-trasportatur tal-ajru lejn il-Kanada;

Waqt li jirrikonoxxu li l-Partijiet jikkondividu valuri komuni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni u l-privatezza tad-dejta, li huma riflessi fil-liġi rispettiva tagħhom;

Konxji mill-impenji tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u neċessità dwar id-dritt għall-ħajja privata u familjari, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni ta’ dejta personali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Dejta Personali[, iffirmata fi Strasbourg fit-28 ta’ Jannar 1981] u l-Protokoll addizzjonali tagħha 181[, iffirmat fi Strasbourg fit-8 ta’ Novembru 2001];

Waqt li jikkunsidraw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta Kanadiża dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet u l-leġiżlazzjoni Kanadiża dwar il-privatezza;

Waqt li jinnutaw l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux imwaqqfa milli jikkonformaw mal-liġi Kanadiża dwar it-trasferiment tad-dejta tal-PNR li tkun ġejja mill-Unjoni Ewropea lejn il-Kanada f’konformità ma’ dan il-Ftehim;

Waqt li jirrikonoxxu s-suċċess li kellu r-rieżami konġunt fl-2008, tal-Ftehim tal-2006 bejn il-Partijiet dwar it-trasferiment tal-PNR;

Waqt li jirrikonoxxu li dan il-Ftehim mhuwiex maħsub biex japplika għal Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri li tinġabar u tiġi trażmessa mit-trasportaturi tal-ajru lejn il-Kanada għall-finijiet tal-kontroll fuq il-fruntieri;

Waqt li jirrikonoxxu wkoll li dan il-Ftehim ma jipprevjenix lill-Kanada milli, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u fejn ikun meħtieġ, tkompli tipproċessa l-informazzjoni mit-trasportaturi tal-ajru sabiex timmitiga kwalunkwe theddida serja u immedjata għat-trasport bl-ajru jew għas-sigurtà nazzjonali, filwaqt li tirrispetta l-limitazzjonijiet stretti stipulati fil-liġi Kanadiża u fi kwalunkwe każ, mingħajr ma tmur lil hinn mil-limitazzjonijiet previsti f’dan il-Ftehim;

Waqt li jinnutaw l-interess tal-Partijiet, kif ukoll tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, fl-iskambju tal-informazzjoni dwar il-metodu ta’ trażmissjoni tal-PNR kif ukoll dwar id-divulgazzjoni [l-iżvelar] tal-PNR ’il barra mill-Kanada, kif spjegat fl-artikoli rilevanti ta’ dan il-Ftehim, u waqt li jinnutaw ukoll l-interess tal-Unjoni Ewropea fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u ta’ rieżami spjegat f’dan il-Ftehim;

Waqt li jinnutaw li l-Partijiet jistgħu jeżaminaw in-neċessità u l-fattibbiltà ta’ Ftehim simili għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR fis-settur tat-trasport marittimu;

Waqt li jinnutaw li l-Kanada timpenja ruħha biex l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tipproċessa d-dejta tal-PNR bl-iskop li jiġu prevenuti, skoperti, investigati jew proċessati kriminalment reati terroristiċi u forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali f’konformità stretta mas-salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali, kif stabbilit f’dan il-Ftehim;

Waqt li jagħmlu enfasi fuq l-importanza tal-kondiviżjoni tal-PNR u ta’ informazzjoni analitika rilevanti u xierqa li jkun fiha dejta tal-PNR, miksuba mill-Kanada skont dan il-Ftehim mal-awtoritajiet tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u mal-Europol u l-Eurojust, biex tittrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

Waqt li jaffermaw li dan il-Ftehim ma jikkostitwixxix preċedent għal kwalunkwe arranġament futur bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea, jew bejn xi waħda mill-Partijiet u kwalunkwe Parti oħra, fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta tal-PNR jew fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta;

Waqt li jikkunsidraw l-impenn reċiproku tal-Partijiet fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp ulterjuri tal-istandards internazzjonali għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR;

Ftiehmu kif ġej:

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

L-Għan tal-Ftehim

F’dan il-Ftehim, il-Partijiet jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-trasferiment u għall-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku u jippreskrivu l-mezzi li bihom tiġi protetta d-dejta.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)      ‘trasportatur tal-ajru’ tfisser kumpanija ta’ trasport kummerċjali li tuża inġenji tal-ajru bħala mezzi ta’ trasport għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea;

(b)      ‘[dejta PNR]’) tfisser ir-rekords maħluqa minn trasportatur tal-ajru għal kull vjaġġ irriservat minn kwalunkwe passiġġier jew inkella rriservat f’ismu, li jkunu meħtieġa għall-ipproċessar u l-kontroll tal-prenotazzjonijiet. B’mod speċifiku, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dejta tal-PNR tikkonsisti mill-elementi elenkati fl-Anness ta’ ma’ dan il-Ftehim;

(c)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li ssir/jsiru fuq id-dejta tal-PNR, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrar, l-organizzazzjoni, il-ħażna, l-adattament jew l-alterazzjoni, il-prelevazzjoni, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, it-trasferiment, id-disseminazzjoni, id-divulgazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, l-allinjament jew it-tqabbil, l-imblukkar, is-satra, it-tħassir jew il-qerda;

(d)      ‘Awtorità Kanadiża Kompetenti’ tfisser l-awtorità Kanadiża inkarigata li tirċievi u tipproċessa d-dejta tal-PNR, skont dan il-Ftehim;

(e)      ‘dejta sensittiva’ tfisser kwalunkwe informazzjoni li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija f’xi trejdjunjin, jew l-informazzjoni dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali ta’ persuna.

Artikolu 3

Użu ta’ data tal-PNR

1.      Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tipproċessa d-dejta tal-PNR li tkun irċeviet skont dan il-Ftehim, strettament bl-iskop li jkunu prevenuti, skoperti, investigati jew proċessati kriminalment reati terroristiċi jew forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali.

2.      Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-terminu ‘reati terroristiċi’ jinkludi:

(a)      atti jew ommissjonijiet li jkunu twettqu għal skopijiet, objettivi jew kawżi politiċi, reliġjużi jew ideoloġiċi bl-intenzjoni li jintimidaw lill-pubbliku f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tiegħu, inkluża s-sigurtà ekonomika tiegħu, jew bl-intenzjoni li jisfurzaw lil persuni, gvernijiet jew organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali biex iwettqu jew biex ma jwettqux kwalunkwe atti, u li jagħmlu dan intenzjonalment

(i)      jikkawżaw mewt jew offiża serja fuq il-persuna;

(ii)      iqiegħdu fil-periklu l-ħajja ta’ individwu;

(iii)      jikkawżaw riskju serju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-pubbliku;

(iv)      jikkawżaw dannu sostanzjali fuq proprjetà li aktarx iwassal għall-ħsara msemmija fil-punti minn (i) sa (iii); jew

(v)      joħolqu interferenza jew interruzzjoni serja f’servizz, f’faċilità jew f’sistema essenzjali, li ma tkunx tirriżulta minn promozzjoni, protesti, dissens jew waqfien fuq ix-xogħol, bħal strajks, kemm jekk legali u kemm jekk illegali, li ma tkunx maħsuba biex tikkawża l-ħsara msemmija fil-punti (i) sa (iii); jew

(b)      attivitajiet li jikkostitwixxu reat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjonijiet u tal-protokolli internazzjonali applikabbli li jikkonċernaw it-terroriżmu u skont kif definit fihom; jew

(c)      kwalunkwe parteċipazzjoni intenzjonata jew kontribut f’xi attività li jkollha l-għan li ttejjeb il-kapaċità ta’ entità terroristika fl-iffaċilitar jew fit-twettiq ta’ atti jew ommissjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punti (a) jew (b), jew kwalunkwe struzzjoni mogħtija lil persuni, gruppi jew organizzazzjonijiet f’dan ir-rigward; jew

(d)      it-twettiq ta’ reati li jwasslu għal atti ta’ akkuża, fejn l-atti jew l-ommissjonijiet li jkunu jikkostitwixxu r-reati inkwistjoni, ikunu twettqu għall-ġid ta’ xi entità terroristika, taħt it-tmexxija tagħha jew f’assoċjazzjoni magħha; jew

(e)      il-ġbir ta’ proprjetà, l-istedina lil persuni, gruppi jew organizzazzjonijiet biex jipprovdu jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni proprjetà jew servizzi finanzjarji jew servizzi oħra relatati bl-iskop li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), jew l-użu jew il-pussess ta’ proprjetà bl-iskop li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b); jew

(f)      it-tentattiv jew it-theddida li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), il-komplotti, l-iffaċilitar jew l-għoti ta’ struzzjonijiet jew ta’ pariri b’rabta mal-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), jew il-kompliċità wara li jseħħ il-fatt, jew il-protezzjoni jew il-ħabi tiegħu bl-iskop li l-entità terroristika tkun tista’ tiffaċilita jew twettaq l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b).

(g)      Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, ‘entità terroristika’ tfisser:

(i)      persuna, grupp jew organizzazzjoni li, fost skopijiet jew attivitajiet oħra, jiffaċilitaw jew iwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b); jew

(ii)      persuna, grupp jew organizzazzjoni li taġixxi intenzjonalment f’isem il-persuna, grupp jew organizzazzjoni msemmija fil-punt (i) jew li taġixxi taħt it-tmexxija tagħha jew f’assoċjazzjoni magħhom.

3.      Kriminalità transnazzjonali serja tfisser kwalunkwe reat punibbli fil-Kanada bi privazzjoni massima ta’ libertà ta’ mill-anqas erba’ snin jew b’piena aktar ħarxa u hekk kif definiti mil-liġi Kanadiża, jekk l-att kriminali inkwistjoni jkun ta’ natura transnazzjonali.

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, att kriminali jitqies ta’ natura transnazzjonali jekk jitwettaq:

(a)      f’aktar minn pajjiż wieħed;

(b)      f’pajjiż wieħed iżda parti sostanzjali tal-preparazzjoni, tal-ippjanar, id-direzzjoni jew il-kontroll tiegħu jseħħu f’pajjiż ieħor;

(c)      f’pajjiż wieħed iżda jkun jikkonċerna grupp ta’ kriminalità organizzata li jkun involut f’attivitajiet kriminali f’aktar minn pajjiż wieħed;

(d)      f’pajjiż wieħed iżda jkollu effetti sostanzjali fuq pajjiż ieħor; jew

(e)      f’pajjiż wieħed u t-trasgressur ikun jinsab f’pajjiż ieħor jew ikollu l-intenzjoni li jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor.

4.      F’każijiet eċċezzjonali, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tista’ tipproċessa d-dejta tal-PNR meta dan ikun neċessarju, biex tipproteġi l-interessi vitali ta’ kwalunkwe individwu, bħal f’każ ta’:

(a)      riskju ta’ mewt jew ta’ korriment gravi; jew

(b)      riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika, b’mod partikolari skont kif meħtieġ mill-istandards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali.

5.      Il-Kanada tista’ wkoll tipproċessa d-dejta tal-PNR fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex:

(a)      tiżgura s-sorveljanza jew ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika; jew

(b)      tikkonforma mat-taħrikiet jew mal-mandati ta’ arrest maħruġa minn xi qorti jew mal-ordnijiet li tkun tat.

Artikolu 4

Għoti żgurat ta’ dejta tal-PNR

1.      L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux impediti milli jittrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti, f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

2.      Il-Kanada ma għandhiex tesiġi li trasportatur tal-ajru jipprovdi elementi tad-dejta tal-PNR li ma jkunux diġà nġabru jew nżammu mit-trasportatur tal-ajru għall-prenotazzjoni.

3.      F’konformità ma’ dan il-Ftehim, il-Kanada għandha tħassar kwalunkwe dejta trasferita lilha minn trasportatur tal-ajru hekk kif tirċeviha, jekk dak l-element tad-dejta li tkun irċeviet mhuwiex elenkat fl-Anness.

4.      Il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jistgħu jitrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti permezz ta’ aġenti awtorizzati, li jaġixxu f’isem it-trasportatur tal-ajru jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u skont il-kundizzjonijiet stipulati fih.

Artikolu 5

Adegwatezza

Suġġett għall-konformità ma’ dan il-Ftehim, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti titqies li, fis-sens tal-liġi tal-Unjoni Ewropea rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta, tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni meta tipproċessa u tuża d-dejta tal-PNR. Trasportatur tal-ajru li jipprovdi lill-Kanada b’dejta tal-PNR taħt dan il-Ftehim jitqies konformi mar-rekwiżiti legali tal-Unjoni Ewropea għat-trasferiment tad-dejta mill-Unjoni Ewropea lill-Kanada.

Artikolu 6

Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja

1.      Hekk kif ikun prattikabbli, il-Kanada għandha tikkondividi informazzjoni analitika rilevanti u adatta li jkun fiha dejta tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, mal-Europol u mal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom, jew mal-pulizija jew ma’ xi awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru. Il-Kanada għandha tiżgura li din l-informazzjoni tkun kondiviża f’konformità ma’ ftehimiet u arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Europol, il-Eurojust jew l-Istat Membru kkonċernat.

2.      Il-Kanada għandha tikkondividi, fuq talba min-naħa tal-Europol jew tal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom jew min-naħa tal-pulizija jew ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, id-dejta tal-PNR jew informazzjoni analitika li jkun fiha dejta tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, f’każijiet speċifiċi biex ikunu prevenuti, skoperti, investigati jew proċessati kriminalment, fl-Unjoni Ewropea, reati terroristiċi jew forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali. Il-Kanada għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni, f’konformità ma’ ftehimiet u arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi, il-kooperazzjoni ġudizzjarja jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, bejn il-Kanada u l-Europol, il-Eurojust jew l-Istat Membru kkonċernat.

Is-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR

Artikolu 7

In-nondiskriminazzjoni

Il-Kanada għandha tiżgura li s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR japplikaw għall-passiġġieri kollha fuq bażi ugwali mingħajr diskriminazzjoni illegali.

Artikolu 8

L-użu ta’ dejta sensittiva

1.      Jekk id-dejta tal-PNR li tinġabar dwar xi passiġġier, ikun fiha dejta sensittiva, il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tostor id-dejta sensittiva permezz ta’ sistemi awtomatizzati. Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti ma tipproċessax ulterjorment dejta ta’ dan it-tip, apparti fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5.

2.      Il-Kanada tipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea b’lista ta’ kodiċijiet u termini li jidentifikaw id-dejta sensittiva li l-Kanada tintalab tostor. Il-Kanada tipprovdi din il-lista fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

3.      F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kanada tista’ tipproċessa d-dejta sensittiva fuq bażi ta’ każ b’każ, fejn tali pproċessar huwa indispensabbli minħabba li l-ħajja ta’ individwu tkun fil-periklu jew minħabba li jkun hemm riskju ta’ korriment gravi.

4.      Il-Kanada tiżgura li l-ipproċessar tad-dejta sensittiva skont il-paragrafu 3 isir biss skont miżuri proċedurali stretti, li jinkludu dawn li ġejjin:

(a)      L-ipproċessar ta’ dejta sensittiva jiġi approvat mill-Kap tal-Awtorità Kanadiża Kompetenti;

(b)      Id-dejta sensittiva tiġi pproċessata biss minn uffiċjal li jkun ġie speċifikament u individwalment awtorizzat biex jagħmel dan; u

(c)      Ladarba d-dejta sensittiva tkun inkixfet, din ma tiġix ipproċessata permezz ta’ sistemi awtomatizzati.

5.      Il-Kanada tħassar id-dejta sensittiva sa mhux aktar tard minn 15-il jum mid-data li fiha tkun irċevietha, sakemm ma żżommhiex f’konformità mal-Artikolu 16(5).

6.      Jekk, f’konformità mal-paragrafi 3, 4 u 5, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tipproċessa d-dejta sensittiva li tikkonċerna individwu li jkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat dwar l-ipproċessar malajr kemm jista’ jkun. Il-Kanada għandha toħroġ din in-notifika f’konformità ma’ ftehimiet u arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi, jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 9

Is-sigurtà u l-integrità tad-dejta

1.      Il-Kanada għandha timplimenta miżuri regolatorji, proċedurali jew tekniċi biex tipproteġi d-dejta tal-PNR minn aċċess, ipproċessar jew telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat.

2.      Il-Kanada għandha tiżgura li jsiru verifiki tal-konformità u tiggarantixxi l-protezzjoni, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-dejta. Il-Kanada:

(a)      tapplika proċeduri ta’ kriptaġġ, ta’ awtorizzazzjoni u ta’ dokumentazzjoni għad-dejta tal-PNR;

(b)      tillimita l-aċċess għad-dejta tal-PNR għall-uffiċjali awtorizzati;

(c)      taħżen id-dejta tal-PNR f’ambjent fiżiku sigur li jkun protett b’kontrolli tal-aċċess; u

(d)      tistabbilixxi mekkaniżmu li jiżgura li l-mistoqsijiet marbuta mal-PNR isiru b’mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 3.

3.      Jekk id-dejta tal-PNR ta’ individwu tiġi aċċessata jew divulgata mingħajr awtorizzazzjoni, il-Kanada għandha tieħu miżuri biex tinnotifika lill-individwu kkonċernat dwar dan, tnaqqas ir-riskju ta’ ħsara, u tieħu azzjoni ta’ rimedju.

4.      Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma minnufih lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe inċidenti sinifikanti li jkunu jinvolvu l-aċċess, l-ipproċessar jew it-telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat tad-dejta tal-PNR.

5.      Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-dejta, b’mod partikolari dak li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali jew għat-telf aċċidentali, l-alterazzjoni, id-divulgazzjoni jew l-aċċess mhux awtorizzat jew għal kwalunkwe forma illegali ta’ pproċessar, ikun suġġett għal miżuri korrettivi effettivi u dissważivi li jistgħu jinkludu sanzjonijiet.

Artikolu 10

Sorveljanza

1.      Is-salvagwardji fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR taħt dan il-Ftehim se jkunu suġġetti għal sorveljanza minn awtorità pubblika indipendenti, jew minn awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi, li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta’ awtonomija (‘l-awtorità ta’ sorveljanza’. Il-Kanada għandha tiżgura li d l-awtorità ta’ sorveljanza jkollha setgħat effettivi biex tinvestiga l-konformità mar-regoli relatati mal-ġbir, l-użu, id-divulgazzjoni, iż-żamma, jew it-tħassir tad-dejta tal-PNR. L-awtorità ta’ sorveljanza tista’ twettaq rieżamijiet u investigazzjonijiet ta’ konformità, tkun tista’ tirrapporta s-sejbiet tagħha u tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti. Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtorità ta’ sorveljanza għandha s-setgħa li, meta jkun xieraq, tirreferi ksur tal-liġi marbuta ma’ dan il-Ftehim għall-prosekuzzjoni jew għal azzjoni dixxiplinarja.

2.      Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtorità ta’ sorveljanza tiżgura li l-ilmenti relatati ma’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim jiġu rċevuti, investigati, imwieġba, u rimedjati b’mod xieraq.

Artikolu 11

Trasparenza

1.      Il-Kanada għandha tiżgura li fuq il-websajt tagħha, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti jkollha disponibbli:

(a)      lista tal-leġiżlazzjoni li tawtorizza l-ġbir tad-dejta tal-PNR;

(b)      ir-raġuni għall-ġbir tad-dejta tal-PNR;

(c)      il-mod li bih tiġi protetta d-dejta tal-PNR;

(d)      il-mod li bih tista’ tiġi divulgata d-dejta u sa liema punt jista’ jsir dan;

(e)      l-informazzjoni dwar l-aċċess, il-korrezzjoni tad-dejta, in-notazzjonijiet u r-rimedji; u

(f)      l-informazzjoni ta’ kuntatt għall-mistoqsijiet.

2.      Il-Partijiet għandhom jaħdmu ma’ partijiet interessati, bħall-industrija tal-ivvjaġġar bl-ajru, biex jippromwovu t-trasparenza, preferibbilment fil-mument tal-ibbukkjar, billi jipprovdu lill-passiġġieri bl-informazzjoni li ġejja:

(a)      ir-raġunijiet għall-ġbir tad-dejta tal-PNR;

(b)      l-użu tad-dejta tal-PNR;

(c)      il-proċedura biex jintalab aċċess għad-dejta tal-PNR; u

(d)      il-proċedura biex tintalab korrezzjoni tad-dejta tal-PNR.

Artikolu 12

L-aċċess għall-individwi

1.      Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe individwu jkollu aċċess għad-dejta tal-PNR tiegħu.

2.      Il-Kanada għandha tiżgura li, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti:

(a)      tipprovdi kopja tad-dejta tal-PNR lill-individwu interessat jekk dan ikun għamel talba bil-miktub biex jirċievi d-dejta tal-PNR tiegħu;

(b)      tirrispondi bil-miktub għal kwalunkwe talba li ssirilha;

(c)      tipprovdi lill-individwu interessat b’aċċess għal informazzjoni rreġistrata li tikkonferma li d-dejta tal-PNR tal-individwu tkun ġiet divulgata, jekk l-individwu jitlob li jingħata din il-konferma;

(d)      tagħti r-raġunijiet legali jew fattwali għal kull meta tirrifjuta li tippermetti l-aċċess għad-dejta tal-PNR tal-individwu;

(e)      tinforma lill-individwu jekk id-dejta tal-PNR ma tkunx teżisti;

(f)      tinforma lill-individwu dwar il-possibbiltà li jressaq ilment u dwar il-proċedura tal-ilmenti.

3.      Il-Kanada tista’ tiddivulga kwalunkwe informazzjoni, sakemm tkun konformi ma’ rekwiżiti u limitazzjonijiet legali raġonevoli, inklużi kwalunkwe limitazzjoni neċessarja biex ikunu prevenuti, skoperti, investigati jew proċessati kriminalment reati terroristiċi, jew għall-protezzjoni tal-pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali, fir-rispett dovut tal-interessi leġittimi tal-individwu kkonċernat.

Artikolu 13

Il-korrezzjoni jew l-annotazzjoni għall-individwi

1.      Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe individwu jkun jista’ jitlob li ssir korrezzjoni tad-dejta tal-PNR tiegħu.

2.      Il-Kanada għandha tiżgura li, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tikkunsidra t-talbiet kollha għal korrezzjoni li jsirulha bil-miktub u:

(a)      tikkoreġi d-dejta tal-PNR u tinnotifika lill-individwu kkonċernat li l-korrezzjoni tkun saret; jew

(b)      tirrifjuta l-korrezzjoni kollha jew parti minnha u:

(i)      tehmeż nota mad-dejta tal-PNR li tkun tirrifletti kwalunkwe korrezzjoni mitluba li tkun ġiet irrifjutata;

(ii)      tinnotifika lill-individwu li:

i.      it-talba għal korrezzjoni ġiet irrifjutata, u tagħti r-raġunijiet legali jew fattwali għal dan;

ii.      in-nota taħt is-subparagrafu (i) ġiet mehmuża mad-dejta tal-PNR; u

(c)      tinforma lill-individwu dwar il-possibbiltà li jressaq ilment u dwar il-proċedura tal-ilmenti.

Artikolu 14

Ir-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji

1.      Il-Kanada għandha tiżgura li awtorità pubblika indipendenti jew awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta’ awtonomija, tirċievi, tinvestiga u tirrispondi għall-ilmenti mressqa mill-individwi fir-rigward tat-talba tagħhom għal aċċess, korrezzjoni jew annotazzjoni tad-dejta tal-PNR tagħhom. Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtorità rilevanti tinnotifika lir-rikorrent tal-ilment dwar il-mezzi biex jikseb rimedju ġudizzjarju, hekk kif previst fil-paragrafu 2.

2.      Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe individwu li jikkunsidra li d-drittijiet tiegħu nkisru b’deċiżjoni jew azzjoni marbuta mad-dejta tal-PNR tiegħu jista’ jitlob rimedju ġudizzjarju [effettiv] f’konformità mal-liġi Kanadiża permezz ta’ rieżami ġudizzjarju, jew kwalunkwe rimedju ieħor li jista’ jinkludi kumpens.

Artikolu 15

Deċiżjonijiet ibbażati fuq l-ipproċessar awtomatizzat

Il-Kanada ma għandhiex tieħu deċiżjonijiet li jkunu jolqtu passiġġier b’mod sinifikattivament negattiv abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta tal-PNR.

Artikolu 16

Iż-żamma tad-dejta tal-PNR

1.      Il-Kanada ma għandhiex iżżomm dejta tal-PNR għal aktar minn ħames snin mid-data li fiha tirċievi d-dejta tal-PNR.

2.      Il-Kanada għandha tirrestrinġi l-aċċess għal għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward.

3.      Il-Kanada għandha tagħmel anonima d-dejta tal-PNR billi tostor l-ismijiet tal-passiġġieri kollha 30 jum wara li tirċeviha.

Sentejn wara li tirċievi d-dejta tal-PNR, il-Kanada għandha tagħmilha aktar anonima billi taħbi dan li ġej:

(a)      ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fil-PNR

(bi)      l-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluż informazzjoni dwar l-oriġinatur)

(c)      ir-rimarki ġenerali li jinkludu informazzjoni supplimentari oħra (OSI), informazzjoni speċjali dwar is-servizz (SSI) u informazzjoni dwar talba għal servizz speċjali (SSR), sa fejn ikunu jinkludu xi informazzjoni li twassal għall-identifikazzjoni ta’ persuna fiżika; u

(d)      kwalunkwe dejta marbuta mal-informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (API) li tkun inġabret minħabba l-prenotazzjoni, sa fejn tkun tinkludi xi informazzjoni li twassal għall-identifikazzjoni ta’ persuna fiżika.

4.      Il-Kanada tista’ tiżvela d-dejta tal-PNR biss jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ikun meħtieġ li jitwettqu xi investigazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3, kif ġej:

(a)      minn 30 jum għal sentejn wara l-ewwel riċevuta, id-dejta tkun tista’ tinkixef biss minn għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward; u

(b)      minn sentejn sa ħames snin wara l-ewwel riċezzjoni, biss bil-permess minn qabel tal-Kap tal-Awtorità Kanadiża Kompetenti, jew ta’ uffiċjal anzjan li jkollu mandat speċifiku mill-Kap.

5.      Minkejja l-paragrafu 1:

(a)      il-Kanada tista’ żżomm id-dejta tal-PNR li tkun tenħtieġ għal xi azzjoni speċifika, rieżami, investigazzjoni, azzjoni ta’ infurzar, proċediment ġudizzjarju, prosekuzzjoni, jew infurzar ta’ penali, sakemm tintemm l-azzjoni inkwistjoni;

(b)      il-Kanada żżomm id-dejta tal-PNR imsemmija fil-punt (a) għal perjodu addizzjonali ta’ sentejn biss biex tiżgura r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika jew biex tissorveljaha, bil-għan li d-dejta tkun tista’ tiġi ddivulgata lill-passiġġieri li jagħmlu talba għaliha.

6.      Il-Kanada għandha teqred id-dejta tal-PNR hekk kif jintemm il-perjodu ta’ żamma tad-dejta tal-PNR.

Artikolu 17

Ir-reġistrazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR

Il-Kanada għandha tirreġistra l-ipproċessar kollu tad-dejta tal-PNR. Il-Kanada għandha tuża reġistru jew dokument biss biex:

(a)      tagħmel awto-monitoraġġ u tivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-dejta;

(b)      tiżgura l-integrità adegwata tad-dejta;

(c)      tiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar tad-dejta; u

(d)      tiżgura s-sorveljanza u r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika.

Artikolu 18

Id-divulgazzjoni fil-Kanada

1.      Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti ma tiddivulgax dejta tal-PNR lil awtoritajiet governattivi oħra fil-Kanada sakemm ma jkunux sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata lill-awtoritajiet governattivi li l-funzjonijiet tagħhom ikunu relatati direttament mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3;

(b)      id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata biss fuq bażi ta’ każ b’każ;

(c)      iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ irendu d-divulgazzjoni neċessarja għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3;

(d)      jiġi ddivulgat biss l-ammont minimu ta’ dejta tal-PNR meħtieġ;

(e)      l-awtorità governattiva riċeventi toffri protezzjoni li tkun ekwivalenti għas-salvagwardji deskritti f’dan il-Ftehim; u

(f)      l-awtorità governattiva riċeventi ma tiddivulgax id-dejta tal-PNR lil entità oħra sakemm id-divulgazzjoni ma tkunx ġiet awtorizzata mill-Awtorità Kanadiża Kompetenti, b’rispett lejn il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-paragrafu.

2.      Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 19

Id-divulgazzjoni barra mill-Kanada

1.      Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti ma tiddivulgax id-dejta tal-PNR lill-awtoritajiet governattivi f’pajjiżi oħra li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunux sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata lill-awtoritajiet governattivi li l-funzjonijiet tagħhom ikunu relatati direttament mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3;

(b)      id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata biss fuq bażi ta’ każ b’każ;

(c)      id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata biss jekk dan ikun meħtieġ għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3;

(d)      jiġi ddivulgat biss l-ammont minimu ta’ dejta tal-PNR meħtieġ;

(e)      l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tkun sodisfatta li:

(i)      l- awtorità barrnaija li tirċievi d-dejta tal-PNR tapplika standards biex tipproteġi d-dejtaPN R li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan il-Ftehim, skont ftehimiet u arranġamenti li jinkorporaw dawk l-istandards; jew

(ii)      l-awtorità barranija tapplika l-istandards għall-protezzjoni tad-dejta tal-PNR li dwarhom sar qbil mal-Unjoni Ewropea.

2.      Jekk, f’konformità mal-paragrafu 1, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tiddivulga d-dejta tal-PNR ta’ individwu li jkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinnotifika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bid-divulgazzjoni malajr kemm jista’ jkun. Il-Kanada għandha toħroġ din in-notifika f’konformità ma’ ftehimiet jew arranġamenti dwarl-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Istat Membru kkonċernat.

3.      Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 20

Il-metodu tat-trasferiment

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti biss fuq il-bażi tal-metodu ‘push’ u f’konformità mal-proċeduri segwenti li għandhom jiġu osservati mit-trasportaturi tal-ajru:

(a)      jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b’mezzi elettroniċi f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi tal-Awtorità Kanadiża Kompetenti jew, f’każ ta’ ħsara teknika, b’mezz ieħor kwalunkwe li jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà tad-dejta;

(b)      jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b’format tal-messaġġi li jkun reċiprokament aċċettat;

(c)      jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b’mod sigur billi jużaw il-protokolli komuni meħtieġa mill-Awtorità Kanadiża Kompetenti.

Artikolu 21

Il-frekwenza tat-trasferimenti

1.      Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti titlob lit-trasportatur tal-ajru biex jittrasferixxi d-dejta tal-PNR:

(a)      fuq bażi ta’ skeda fejn l-aktar kmieni jkun sa 72 siegħa qabel it-tluq skedat; u,

(b)      għal massimu ta’ ħames darbiet, għal titjira partikolari.

2.      Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma lit-trasportaturi tal-ajru bil-ħinijiet speċifiċi għat-trasferimenti.

3.      F’każijiet speċifiċi, fejn ikun hemm indikazzjoni li jkun meħtieġ aċċess addizzjonali għal reazzjoni kontra xi theddida speċifika relatata mal-kamp ta’ applikazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 3, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tista’ titlob lit-trasportatur tal-ajru jipprovdi d-dejta tal-PNR qabel, bejn jew wara t-trasferimenti skedati. Fl-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni, il-Kanada għandha taġixxi b’mod ġudizzjuż u proporzjonat u tuża l-metodu ta’ trasferiment deskritt fl-Artikolu 20.

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u finali

Artikolu 22

Id-dejta tal-PNR riċevuta qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim

Il-Kanada għandha tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-dejta tal-PNR kollha li tkun qed iżżomm fiż-żmien meta dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ.

Artikolu 23

Reċiproċità

1.      Jekk l-Unjoni Ewropea tadotta reġim tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR għall-Unjoni Ewropea, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw jekk il-Ftehim għandux jiġi emendat biex jiżguraw li jkun hemm reċiproċità sħiħa.

2.      L-awtoritajiet tal-Kanada u tal-Unjoni Ewropea għandhom jikkooperaw bejniethom biex ifittxu l-koerenza tar-reġimi tagħhom tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR b’tali mod li tissaħħaħ ulterjorment is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Kanada, tal-Unjoni Ewropea u ta’ bnadi oħra.

Artikolu 24

Nonderogabbiltà

Dan il-Ftehim m’għandux jiġi interpretat bħala li jidderoga minn kwalunkwe obbligu bejn il-Kanada u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew pajjiżi terzi biex issir u biex tiġi mwieġba talba għall-assistenza taħt strument ta’ assistenza reċiproka.

[...]

Artikolu 26

Konsultazzjoni, rieżami u emendi

[...]

2.      Il-Partijiet għandhom jagħmlu rieżami konġunt tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, minn hemm ’il quddiem b’intervalli regolari, u addizzjonalment jekk jintalab minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u jiġi deċiż konġuntement.

[...]

Artikolu 28

Tul ta’ żmien

1.      Suġġett għall-paragrafu 2, dan il-Ftehim jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ seba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.      Fi tmiem kull perjodu ta’ seba’ snin, dan il-Ftehim jiġġedded awtomatikament għal seba’ snin oħra, ħlief jekk xi Parti tavża lill-oħra li ma jkollhiex intenzjoni li ġġedded dan il-Ftehim. Il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub u b’mezzi diplomatiċi, mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ seba’ snin.

3.      Il-Kanada għandha tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-dejta tal-PNR kollha li tkun inkisbet qabel it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

[...]

Anness

L-elementi, imsemmijin fl-Artikolu 2(b), tad-dejta [PNR]

1.      Il-kodiċi lokalizzatur tal-PNR

2.      Id-data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett

3.      Id-data/dati tal-vjaġġ intenzjonat

4.      L-isem/ismijiet

5.      L-informazzjoni disponibbli dwar vjaġġaturi frekwenti u dwar il-benefiċċji (biljetti b’xejn, titjib fil-klassi tal-ivvjaġġar eċċ.)

6.      Ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fil-PNR

7.      L-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluż informazzjoni dwar l-oriġinatur)

8.      L-informazzjoni kollha disponibbli dwar ħlas/ħruġ ta’ kontijiet (mhux inklużi dettalji oħra ta’ tranżazzjonijiet marbuta ma’ karta tal-kreditu jew kont u mhux marbuta mat-tranżazzjoni tal-ivvjaġġar)

9.      L-itinerarju kollu tal-vjaġġ għal PNR speċifiku

10.      L-aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar

11.      L-informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċijiet

12.      L-informazzjoni maqsuma/diviża

13.      L-istatus tal-ivvjaġġar tal-passiġġier (inklużi l-konfermi u l-istatus tar-reġistrazzjoni)

14.      L-informazzjoni dwar il-qtugħ ta’ biljetti, inkluż in-numru tal-biljett, il-biljetti mingħajr ritorn u d-dettalji tal-Kwotazzjoni Awtomatizzata tal-Prezz ta’ Biljett (Automated Ticket Fare Quote)

15.      Kull informazzjoni dwar il-bagalji

16.      L-informazzjoni dwar is-sit, inkluż in-numru tas-sit

17.      Rimarki ġenerali inkluża Informazzjoni Supplimentari Oħra (OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (SSI) u Informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (SSR)

18.      Kwalunkwe dejta dwar Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) li tkun inġabret minħabba l-prenotazzjoni

19.      Il-bidliet storiċi kollha għad-dejta PNR elenkati fin-numri minn 1 sa 18.”

VI.    Evalwazzjonijiet ifformulati mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu

A.      Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub

31      Skont il-Parlament, għalkemm il-ftehim maħsub ifittex, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi l-metodi li permezz tagħhom id-data PNR għandha tkun protetta, madankollu, l-għan aħħari tiegħu huwa l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ din in-natura tipprekludi t-trasferiment tad-data PNR lejn pajjiżi terzi li ma jiżgurawx livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data personali. B’hekk, il-ftehim maħsub huwa intiż biex joħloq forma ta’ “deċiżjoni ta’ adegwatezza”, fis-sens tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, biex joffri bażi legali għat-trasferiment tad-data PNR mill-Unjoni lejn il-Kanada. Dan l-approċċ huwa identiku għal dak adottat qabel fil-ftehim tal-2006 u fid-Deċiżjoni 2006/253, fejn din tal-aħħar ittieħdet abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46.

32      B’hekk, l-għażla tal-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE bħala bażijiet legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub hija żbaljata. Din id-deċiżjoni għandha minflok tkun ibbażata fuq l-Artikolu 16 TFUE, peress li dan l-artikolu japplika għall-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk imsemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, relattiv għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, liema ħaġa hija kkonfermata mid-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernamentali li adottat it-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 345).

33      Il-kontenut tal-ftehim maħsub jikkonferma, skont il-Parlament, l-evalwazzjoni tiegħu li tgħid li l-komponent prinċipali ta’ dan il-ftehim jirrigwarda l-protezzjoni tad-data personali. Fil-fatt, il-maġġoranza l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub, b’mod partikolari l-artikoli prinċipali tiegħu li huma l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5, li jikkostitwixxu l-bażi legali tat-trasferiment legali tad-data PNR mill-Unjoni lejn il-Kanada, jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, dan il-ftehim jipprevedi mhux it-trasferiment tad-data PNR mill-awtoritajiet Ewropej lill-awtoritajiet Kanadiżi, iżda t-trasferiment ta’ din id-data minn individwi, jiġifieri l-kumpanniji tal-ajru, lil dawn l-awtoritajiet. B’hekk, huwa diffiċli li jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu proprjament taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja u dik tal-pulizija. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-ftehim maħsub, intitolat “Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja”, għandu biss natura anċillari meta mqabbel mal-Artikoli 4 u 5 tiegħu, peress li ma jistax japplika mingħajr ma dawn l-aħħar artikoli jkunu ġew huma stess applikati qabel. Fil-fatt, il-Kanada ma tkunx tista’ tikkomunika l-informazzjoni inkwistjoni mingħajr ma tkun irċeviet minn qabel id-data PNR min-naħa tat-trasportaturi tal-ajru, li, min-naħa tagħhom, jistgħu biss jittrażmettu d-data PNR lill-Kanada abbażi ta’ “deċiżjoni ta’ adegwatezza”. Barra minn hekk, dan l-istess Artikolu 6 ma jirregolax l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ikkonċernati u jirreferi biss għall-ftehimiet internazzjonali l-oħra f’dan il-qasam.

34      Jekk madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-ftehim maħsub ifittex għanijiet indissoċjabbli minn xulxin, b’hekk, id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tkun tista’ tiġi bbażata fuq l-Artikolu 16, fuq il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. Fir-rigward ta’ eventwali applikabbiltà tal-Protokolli Nri 21 u 22, il-Parlament ifakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 49), li tgħid li ma għandhiex impatt fuq il-legalità tal-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni l-konsegwenza li dan jista’ jkollu fir-rigward tal-applikazzjoni jew le ta’ wieħed mill-protokolli annessi mat-Trattati.

B.      Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

35      Fid-dawl tad-dubji serji espressi mill-KEPD b’mod partikolari fl-opinjoni tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2013, u tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), il-Parlament iqis li hemm inċertezza legali fir-rigward tal-kwistjoni jekk ftehim maħsub huwiex kompatibbli mal-Artikolu 16 TFUE kif ukoll mal-Artikolu 7, mal-Artikolu 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

36      Skont il-Parlament, it-trasferiment tad-data PNR mill-Unjoni lejn il-Kanada għall-finijiet ta’ aċċess eventwali għal din id-data mill-awtoritajiet Kanadiżi, kif previst mill-ftehim maħsub, jidħol fil-kuntest tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fil-fatt, din id-data, ikkunsidrata b’mod sħiħ, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna fir-rigward tal-ħajja privata tal-persuni li d-data PNR tagħhom tiġi pproċessata, bħall-post ta’ residenza permanenti jew temporanja tagħhom, il-vjaġġi u l-attivitajiet tagħhom. B’hekk dan il-ftehim jinvolvi indħil ta’ firxa wiesgħa u ta’ serjetà partikolari fid-drittijiet fundamentali żgurati mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

37      Filwaqt li jfakkar ir-rekwiżiti li jinsabu, minn naħa, fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 8(2) tagħha, il-Parlament iqis għandu jiġi mistoqsi jekk il-ftehim maħsub jikkostitwixxix “liġi”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u jekk jistax iservi bħala bażi għal limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet żgurati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Issa, filwaqt li t-terminu “liġi” jikkoinċidi mal-kunċett ta’ “att leġiżlattiv” previst mit-Trattat FUE, ftehim internazzjonali ma jikkostitwixxix tali att leġiżlattiv, b’mod li tqum il-kwistjoni jekk ikunx iktar adattat li jiġi adottat att intern, ibbażat fuq l-Artikolu 16 TFUE, pjuttost milli jiġi konkluż ftehim internazzjonali, abbażi tal-Artikolu 218 TFUE, bħall-ftehim maħsub.

38      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Parlament jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 47 u 48) u jqis li, f’dan il-każ, is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tinsab ridotta u li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn dan il-prinċipju għandu jkun strett peress li, b’mod partikolari, hemm inkwistjoni indħil fi drittijiet fundamentali.

39      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont is-sentenza tal-Qorti EDB tal-1 ta’ Lulju 2008, Liberty et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0701JUD005824300, §§ 62 u 63), u minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja skont is-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-ftehim maħsub għandu jipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta b’mod effettiv din id-data kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data.

40      Fl-ewwel lok, il-Parlament jistaqsi, b’mod ġenerali, dwar in-natura neċessarja, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tal-implementazzjoni ta’ “sistema PNR”. Fil-fatt, sa issa, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma pprovawx, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-konklużjoni tal-ftehim maħsub hija effettivament neċessarja.

41      Fit-tieni lok, il-Parlament isostni li l-ftehim maħsub jikkonċerna b’mod globali lill-passiġġieri tal-ajru kollha, mingħajr ma dawn ikunu jinsabu f’sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal proċeduri kriminali u mingħajr ma hija meħtieġa relazzjoni bejn id-data PNR tagħhom u t-theddida għas-sigurtà pubblika. Ma’ dan in-nuqqas ġenerali ta’ limiti jiżdied il-fatt li l-kriterji u l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-ftehim huma vagi u ma jippermettux limitazzjoni tal-ipproċessar tad-data PNR mill-awtoritajiet Kanadiżi għall-minimu neċessarju. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ftehim imsemmi ma jissuġġettax l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet Kanadiżi għal verifika minn qabel imwettqa jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, intiża sabiex dan l-aċċess kif ukoll l-użu tad-data msemmija jkunu limitati għall-minimu neċessarju għall-finijiet tal-kisba tal-għan imfittex, u jsir wara talba mmotivata indirizzata lil din il-qorti jew entità, ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali.

42      Fit-tielet lok, fir-rigward tat-tul tal-konservazzjoni tad-data PNR, iffissat għal ħames snin mill-Artikolu 16 tal-ftehim maħsub, dan japplika mingħajr ebda distinzjoni għall-passiġġieri tal-ajru kollha. Barra minn hekk, il-Kunsill ma pprovda ebda ġustifikazzjoni, ibbażata fuq kriterji oġġettivi, f’dak li jikkonċerna l-għażla ta’ tali tul ta’ żmien. Jekk jitqies li t-tul ta’ tliet snin u nofs previst mill-ftehim tal-2006 kien ammissibbli, tqum il-kwistjoni għal liema raġuni dan it-tul ta’ żmien kellu jiżdied għal ħames snin.

43      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Parlament isostni li l-ftehim maħsub ma jiżgurax li l-miżuri li jkollhom jadottaw l-awtoritajiet Kanadiżi ser ikunu xierqa u jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 8 tal-Karta u tal-Artikolu 16 TFUE.

VII. Sommarju tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

44      Osservazzjonijiet bil-miktub relattivi għal din it-talba għal opinjoni ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Bulgaru u dak Estonjan, mill-Irlanda, mill-Gvernijiet ta’ Spanja, ta’ Franza u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

45      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet għal risposta bil-miktub lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, skont l-Artikolu 196(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, stiednet ukoll lill-KEPD biex jirrispondihom. Dan ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

46      Il-Gvern Franċiż u l-Kunsill għandhom dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tieni domanda ta’ din it-talba għal opinjoni. Fil-fatt, minn naħa, meta jressaq din id-domanda, il-Parlament la jpoġġi indiskussjoni l-kompetenza tal-Unjoni li tikkonkludi l-ftehim maħsub u lanqas it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, l-użu, anki żbaljat, tal-Artikoli 82 u 87 TFUE ma għandu ebda impatt fuq il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill relattiva għall-konklużjoni tal-ftehim maħsub, peress li kemm l-applikazzjoni tal-Artikolu 16 TFUE kif ukoll dik tal-Artikoli 82 u 87 TFUE jeħtieġu li tingħata deċiżjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. B’hekk, fiż-żewġ każijiet, japplika l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, b’mod li hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlament.

B.      Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub

47      Il-Gvern Bulgaru u dak Estonjan, l-Irlanda, il-Gvern ta’ Franza u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-għan prinċipali tal-ftehim maħsub huwa li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza pubblika, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-ewwel sat-tielet u l-ħames paragrafi tal-preambolu tiegħu kif ukoll mill-Artikoli 1 u 3 tiegħu. Kieku l-protezzjoni tad-data personali kellha wkoll titqies li tikkostitwixxi għan ta’ dan il-ftehim, dan ikun anċillari fil-konfront tal-għan prinċipali.

48      Il-Kunsill u Il-Kummissjoni jżidu li, għalkemm huwa minnu li t-trasferiment tad-data PNR lejn pajjiżi terzi għandu jirrispetta l-Karta, madankollu, l-istipulazzjonijiet tal-ftehim maħsub dwar il-protezzjoni ta’ din id-data jikkostitwixxu biss l-istrument li permezz tiegħu dan il-ftehim isegwi l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. B’hekk, il-fatt li l-ftehim imsemmi jiffissa, permezz ta’ numru sinjifikattiv ta’ stipulazzjonijiet, il-metodi u l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tad-data PNR biex jiġu osservati d-drittijiet fundamentali u b’hekk joħloq forma ta’ “deċiżjoni ta’ adegwatezza” ma jneħħix il-fatt li l-għan prinċipali ta’ dan l-istess ftehim jibqa’ s-sigurtà u s-sikurezza pubblika. L-Artikolu 16 TFUE jkun jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa ta’ att biss meta l-għan prinċipali tiegħu jkun il-protezzjoni tad-data personali. Bil-kontra, atti intiżi għar-realizzazzjoni ta’ linji ta’ politika settorjali li jeżiġu ċertu pproċessar tad-data personali għandhom ikunu bbażati fuq il-bażi legali li tikkorrispondi għall-politika kkonċernata u għandhom josservaw kemm l-Artikolu 8 tal-Karta u l-atti tal-Unjoni adottati abbażi tal-Artikolu 16 TFUE.

49      Fir-rigward ta’ kumulu eventwali tal-Artikolu 16, tal-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE, bħala bażijiet legali materjali tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, il-Gvern Franċiż isostni, sussidjarjament, li tali kumulu huwa possibbli peress li dawn il-bażijiet legali huma kompatibbli bejniethom sa fejn kollha jipprevedu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ċertament, bħala prinċipju, fid-dawl tal-fatt li l-Irlanda u r-Renju Unit kif ukoll id-Danimarka ma jipparteċipawx, abbażi tal-Protokolli Nri 21 u 22, fl-adozzjoni tal-atti li jidħlu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, att ma jistax ikun ibbażat fl-istess ħin fuq dispożizzjonijiet li jidħlu taħt dan it-Titolu u fuq dispożizzjonijiet li ma jidħlux taħtu. Madankollu, f’każ ta’ adozzjoni, abbażi tal-Artikolu 16 TFUE, ta’ regoli li jikkonċernaw l-ipproċessar, mill-Istati Membri, ta’ data personali fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, l-Irlanda u r-Renju Unit kif ukoll id-Danimarka ma jipparteċipawx fl-adozzjoni tagħhom, peress li dawn l-Istati Membri ma humiex, konformement mal-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 u mal-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22, marbuta minn tali regoli.

50      Min-naħa l-oħra, skont il-Kunsill, il-kumulu tal-Artikolu 16 TFUE, minn naħa, u tal-Artikoli 82 u 87 TFUE, min-naħa l-oħra, ma huwiex legalment ammissibbli, fid-dawl tar-regoli speċifiċi li jirregolaw il-metodi ta’ votazzjoni fi ħdan il-Kunsill li jirriżultaw mill-Protokolli Nri 21 u 22 fir-rigward tal-parteċipazzjoni, rispettivament, tal-Irlanda u tar-Renju Unit kif ukoll tad-Danimarka.

C.      Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta

51      L-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonkludu, essenzjalment, favur il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta.

52      F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-Gvern Estonjan u dak Franċiż jingħaqdu mal-pożizzjoni adottata mill-Parlament li tgħid li l-ftehim maħsub jinvolvi tali indħil peress li, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, jobbliga lill-Unjoni biex ma tipprekludix it-trasferimenti tad-data PNR lill-awtorità Kanadiża kompetenti, u peress li, fl-Artikolu 3 tiegħu, jipprevedi l-ipproċessar ta’ din id-data mill-awtorità msemmija. Madankollu, il-Gvern Franċiż iqis li tali ndħil ma għandux jiġi kkwalifikat bħala partikolarment serju, fid-dawl tal-fatt li l-firxa tiegħu hija inqas vasta minn dik li kienet tirriżulta mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54), inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238). Barra minn hekk, id-data PNR ma tippermettix li wieħed jasal għal konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru.

53      L-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-ftehim maħsub isegwi għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja.

54      F’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu mal-Parlament u josservaw, b’mod partikolari, filwaqt li jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 54) kif ukoll għall-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 95/46, li l-ftehim maħsub għandu jipprovdi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-indħil inkwistjoni u garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta b’mod effettiv id-data personali kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data u kull użu tagħha ta’ natura illegali.

55      Fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura neċessarja tat-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tammetti li ma hemmx statistika preċiża li tippermetti li tkun magħrufa l-kontribuzzjoni ta’ din id-data għall-prevenzjoni u l-iskoperta tal-kriminalità u t-terroriżmu, kif ukoll għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fil-qasam. Madankollu, in-natura indispensabbli tal-użu tad-data PNR hija kkonfermata minn informazzjoni li toriġina minn pajjiżi terzi u minn Stati Membri li diġà jużaw din id-data għal finijiet ta’ repressjoni. B’mod partikolari, dwar dan is-suġġett, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-2 ta’ Frar 2011, dwar l-użu tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u delitti serji [COM(2011) 32 final], tipprovdi li l-esperjenza miksuba f’ċerti pajjiżi turi li l-użu tad-data PNR wassal b’mod partikolari għal progress sinjifikattiv fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu li ppermettiet li jinftiehmu aħjar il-kompożizzjoni u l-funzjonament tan-netwerks terroristiċi u tan-netwerks kriminali oħra.

56      Barra minn hekk, l-awtoritajiet Kanadiżi ppreżentaw informazzjoni li turi li d-data PNR ikkontribwixxiet b’mod deċiżiv għall-identifikazzjoni ta’ persuni suspetti potenzjali ta’ atti ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità serja. B’hekk, filwaqt li 28 miljun passiġġier tal-ajru taru bejn l-Unjoni u l-Kanada matul il-perijodu minn April 2014 sa’ Marzu 2015, din id-data ppermettiet li jiġu interpellati 178 persuna kif ukoll li jsir qbid ta’ drogi f’71 każ u ta’ materjal ta’ natura pedopornografika f’żewġ każijiet. Id-data msemmija għamlet ukoll possibbli l-bidu jew it-tkomplija ta’ investigazzjonijiet b’rabta mat-terroriżmu f’169 każ. Finalment, mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Settembru 2010, dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Pasiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi [COM(2010) 492 final, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni COM(2010) 492”], jirriżulta li l-Unjoni għandha l-obbligu “lejha nnifisha u lejn il-pajjiżi terzi li tikkoopera magħhom fil-ġlieda kontra [t-theddid terroristiku u l-forom serji ta’ kriminalità internazzjonali]”.

57      Il-Gvern Estonjan, l-Irlanda, il-Gvernijiet ta’ Spanja, ta’ Franza u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni huma, essenzjalment, tal-fehma li l-ftehim maħsub josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità u li dan il-każ huwa differenti minn dak inkwistjoni fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238). Il-mekkaniżmu previst minn dan il-ftehim iktar jixbah lil dak tal-kontroll sistematiku mwettaq mal-fruntieri esterni kif ukoll mal-kontrolli ta’ sigurtà mwettqa fl-ajruporti milli għall-konservazzjoni tad-data bħal dik stabbilita mid-Direttiva 2006/24. Barra minn hekk, il-ftehim imsemmi, li n-natura u l-effetti tiegħu huma ħafna iktar limitati minn dawk ta’ din id-direttiva, fih, diversament minn din, regoli stretti fir-rigward tal-kundizzjonijiet u limiti tal-aċċess għad-data u tal-użu ta’ din tal-aħħar, kif ukoll regoli relattivi għas-sigurtà tal-imsemmija data. Finalment, dan l-istess ftehim jipprevedi sorveljanza minn awtorità indipendenti tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, l-informazzjoni tal-persuni kkonċernati fir-rigward tat-trasferiment u tal-ipproċessar tad-data tagħhom, dritt ta’ aċċess u ta’ rettifika, kif ukoll rimedji amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet ta’ dawn il-persuni jiġu osservati.

58      Fir-rigward tal-argument tal-Parlament li jgħid li l-ftehim maħsub ma jissuġġettax it-trasferiment tad-data PNR għall-eżistenza ta’ theddida għas-sigurtà pubblika, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jargumentaw, essenzjalment, li l-użu ta’ tali data huwa intiż sabiex jippermetti li jiġu identifikati persuni li sa dak il-punt ma jkunux magħrufa mis-servizzi kompetenti bħala li jippreżentaw riskju potenzjali għas-sigurtà, peress li l-persuni magħrufa f’dan ir-rigward jistgħu jiġu identifikati fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura minn qabel dwar il-passiġġieri tal-ajru. B’hekk, kieku kienet awtorizzata biss it-trażmissjoni tad-data PNR li tikkonċerna lill-persuni diġà mmarkati bħala li jirrappreżentaw riskju għas-sigurtà, l-għan ta’ prevenzjoni ma jkunx jista’ jintlaħaq.

59      Fir-rigward tal-limiti dwar l-użu tad-data PNR, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li r-referenza għal-liġi Kanadiża li tinsab fl-Artikolu 3(3) tal-ftehim maħsub ma tippermettix li jiġi konkluż li dan il-ftehim huwa vag wisq. F’dan ir-rigward, dawn l-istituzzjonijiet josservaw li huwa diffiċli ħafna li, fi ftehim internazzjonali, jiġu inseriti biss kunċetti previsti mid-dritt tal-Unjoni. F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 3(5)(b) ta’ dan il-ftehim, l-imsemmija istituzzjonijiet josservaw li din id-dispożizzjoni tirrifletti l-obbligu impost mill-Kostituzzjoni Kanadiża fuq l-awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi kollha li jikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni maħruġa mill-awtorità ġudizzjarja u li għandha setgħa vinkolanti. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippreżupponi li l-aċċess għad-data PNR għandu jiġi eżaminat mill-awtorità ġudizzjarja fid-dawl tal-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità u li dan għandu jiġi mmotivat fid-deċiżjoni ġudizzjarja. Finalment, fil-prattika, l-awtoritajiet Kanadiżi qatt ma implementaw din id-dispożizzjoni mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim tal-2006.

60      Fir-rigward tal-limiti dwar l-awtoritajiet u l-persuni li għandhom aċċess għad-data PNR, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-assenza ta’ identifikazzjoni tal-awtorità Kanadiża kompetenti fil-ftehim previst hija kwistjoni ta’ natura proċedurali li ma taffettwax l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minn dan il-ftehim. F’kull każ, f’Ġunju 2014, il-Kanada informat lill-Unjoni li l-awtorità kompetenti Kanadiża, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-ftehim imsemmi, hija s-CBSA. Peress li, konformement mal-Artikolu 16(2) tal-ftehim maħsub, il-Kanada għandha tirrestrinġi l-aċċess għad-data PNR għal “għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward”, minn dan jirriżulta li huma biss l-aġenti tas-CBSA li huma awtorizzati li jirċievu u jipproċessaw din id-data. Finalment, garanziji addizzjonali huma inklużi fl-Artikolu 9(2)(a) u (b) kif ukoll fl-Artikolu 9(4) u (5) ta’ dan il-ftehim.

61      F’dak li jikkonċerna l-fatt li l-ftehim maħsub ma jissuġġettax l-aċċess għad-data PNR għal kontroll bil-quddiem minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva indipendenti, l-Irlanda tqis li tali kontroll ma huwiex indispensabbli fid-dawl tal-garanziji li jinsabu diġà fl-Artikoli 11 sa 14, 16, 18 u 20 ta’ dan il-ftehim. Il-Gvernijiet tal-Estonja u tar-Renju Unit iqisu li ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati bil-quddiem il-kriterji li jikkorrispondu għad-data PNR li għandha tiġi pproċessata, b’tali mod li ma tistax tiġi meħtieġa b’mod sistematiku l-kisba ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem. Għalhekk, tali awtorizzazzjoni tista’ biss tkun ġenerali u, għaldaqstant, ma tagħti ebda valur miżjud.

62      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-komunikazzjoni tad-data PNR lil awtoritajiet oħra, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikoli 1, 3, 18 u 19 tal-ftehim maħsub jiddefinixxu b’mod strett l-għanijiet għalfejn tista’ tiġi pproċessata din id-data kif ukoll il-kundizzjonijiet għat-tixrid tagħha. F’kull każ, hekk kif tenfasizza din l-istituzzjoni, kull komunikazzjoni tad-data PNR għandha, konformement mal-Artikolu 17 tal-imsemmi ftehim, tiġi rreġistrata u dokumentata, u għandha tkun is-suġġett ta’ kontroll a posteriori mill-awtorità indipendenti.

63      Fir-rigward tat-tul ta’ konservazzjoni tad-data PNR, il-Gvernijiet tal-Estonja u ta’ Franza, l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju fil-kuntest globali tal-ftehim maħsub. Fid-dawl tan-natura kumplessa u diffiċli tal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw fatti ta’ terroriżmu u ta’ kriminalità transnazzjonali serja, jista’ jkun li jgħaddi xi perijodu bejn il-vjaġġ imwettaq minn passiġġier ikkonċernat minn tali fatti u l-mument meta l-awtoritajiet repressivi jkollhom bżonn jaċċedu għad-data PNR, sabiex jiskopru, ifittxu jew jipproċedu kontra tali reati. L-għeluq ta’ proċeduri kriminali jista’, jekk ikun il-każ, iseħħ iktar minn ħames snin wara t-trażmissjoni tad-data PNR. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 ta’ dan il-ftehim li jimponu metodi stretti fir-rigward tal-iżvelar tad-data PNR, bil-għan li tiġi protetta iktar id-data personali, kif ukoll dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) tal-ftehim imsemmi, li jipprevedu sistema speċjali għad-data sensittiva.

64      Il-Kunsill u Il-Kummissjoni jżidu li t-tul tal-konservazzjoni tad-data PNR għandu, konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46, jiġi ddeterminat skont in-natura neċessarja ta’ din id-data fir-rigward tat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-ġbir tagħha, b’tali mod li l-proporzjonalità ta’ tul ta’ konservazzjoni partikolari ma tistax tiġi stabbilita b’mod astratt. Dawn l-istituzzjonijiet jenfasizzaw li t-tul ta’ konservazzjoni ta’ ħames snin previst mill-ftehim maħsub tqies mill-partijiet f’dan il-ftehim li huwa strettament neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnu. Dawn iżidu li, min-naħa l-oħra, terminu ta’ tliet snin u nofs, bħal dak li kien previst fil-ftehim tal-2006, kien, skont il-Kanada, ta’ natura li jipprekludi li d-data PNR tintuża b’mod effettiv għall-iskoperta tas-sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju għoli ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità organizzata, fid-dawl tal-fatt li l-investigazzjonijiet jeħtieġu ż-żmien. Barra minn hekk, il-ftehim maħsub jipprovdi, fl-Artikolu 16(3) tiegħu, depersonalizzazzjoni inizjali tad-data PNR 30 ġurnata wara li tiġi rċevuta u depersonalizzazzjoni addizzjonali wara sentejn.

65      Fir-rigward tal-kontroll tal-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data minn awtorità indipendenti, kif rikjest mill-Artikolu 8(3) tal-Karta u mill-Artikolu 16(2) TFUE, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-fatt li l-ftehim previst ma jidentifikax l-awtorità Kanadiża kompetenti ma jpoġġix indiskussjoni l-adegwatezza tal-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Kanada. Dawn l-istituzzjonijiet iżidu li l-identità tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 10 u 14 ta’ dan il-ftehim ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni.

66      Fir-rigward tal-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 30), li tgħid li awtorità ta’ superviżjoni għandha tgawdi minn indipendenza li tippermettilha teżerċita l-missjonijiet tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għal influwenza esterna, il-Kummissjoni tosserva li l-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata huwa awtorità indipendenti kemm fuq livell istituzzjonali kif ukoll fuq livell funzjonali. Il-Kummissjoni żżid li, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlazzjoni Kanadiża ma tistabbilixxix dritt ta’ aċċess għall-barranin li ma jgħixux fil-Kanada, kellu jiġi previst, fl-Artikoli 10 u 14 tal-ftehim maħsub, l-istabbiliment ta’ “awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi” sabiex jiġi żgurat li l-persuni potenzjalment ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, inkluż fost dawn id-dritt ta’ aċċess.

VIII. Teħid ta’ pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, konformement mal-Artikoli 217 u 218 TFUE, jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punt 5, u tal-11 ta’ Marzu 2015, Oberto u O’Leary, C‑464/13 u C‑465/13, EU:C:2015:163, punt 29; opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 180]. Id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għalhekk għandhom ikunu kompletament kompatibbli mat-Trattati u mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

68      Skont l-Artikolu 218(11) TFUE, Stat Membru, il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati.

69      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tfittex li tevita l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minn kontestazzjonijiet legali dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata eventwalment, wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni, li dan il-ftehim huwa, jew minħabba l-kontenut tiegħu, jew minħabba l-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma tistax ma toħloqx, mhux biss fuq il-livell intern tal-Unjoni iżda wkoll fuq il-livell tar-relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u tista’ tikkawża preġudizzju lill-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż lill-Istati terzi [opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 145 u 146 u l-ġurisprudenza ċċitata].

70      Għandu għalhekk ikun possibbli li jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(1) TFUE l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jqajmu dubji dwar il-validità sostantiva jew proċedurali tal-ftehim fid-dawl tat-Trattati. F’dan ir-rigward, sentenza dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim mat-Trattati tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mhux biss minn dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kompetenza, il-proċedura jew l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Unjoni, iżda wkoll minn dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv [ara f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 300(6) KE, l-opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ rabtiet speċifiċi skont il-GATS), tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dan japplika wkoll fir-rigward ta’ kwistjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim internazzjonali mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TFUE u, konsegwentement, mal-garanziji rrikonoxxuti mill-Karta, peress li din tal-aħħar għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati.

71      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, għandu jitfakkar li l-għażla tal-bażi legali adatta għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali peress li l-Unjoni, li għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni, għandha torbot l-atti li hija tadotta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jagħtuha s-setgħa li tadotta tali atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 47).

72      Għaldaqstant, l-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’ jinvalida l-att ta’ konklużjoni nnifsu u, għalhekk, jivvizzja l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-ftehim li din tal-aħħar tkun iffirmat.

73      L-argument tal-Gvern Franċiż u tal-Kunsill, fis-sens li l-għażla eventwalment żbaljata tal-bażi legali, f’dan il-każ, ma għandhiex effett fuq il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-ftehim maħsub, fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f’dan ir-rigward, jew fuq il-proċedura għall-adozzjoni li għandha tiġi segwita, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-inammissibbiltà tat-tieni kwistjoni mqajma permezz ta’ din it-talba għal opinjoni.

74      Fil-fatt, fid-dawl tal-funzjoni, mfakkra fil-punt 69 ta’ din l-opinjoni, tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE, li tikkonsisti fil-prevenzjoni, permezz ta’ riferiment minn qabel lill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ eventwali komplikazzjonijiet, fuq il-livell tal-Unjoni u fuq livell internazzjonali, li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ att li jikkonkludi ftehim internazzjonali, is-sempliċi riskju ta’ tali dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa suffiċjenti sabiex jiġi ammess ir-riferiment lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar x’effetti prattiċi jkollha, f’każ partikolari, l-għażla żbaljata tal-bażi jew tal-bażijiet legali fuq il-validità ta’ att li jikkonkludi ftehim internazzjonali, bħad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, hija marbuta b’mod inseparabbli mal-eżami tal-mertu tal-kwistjoni dwar il-bażi legali adatta u għalhekk ma tistax tiġi evalwata fil-kuntest tal-ammissibbiltà ta’ talba għal opinjoni.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din it-talba għal opinjoni hija ammissibbli kollha kemm hi.

B.      Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub

76      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni, inkluż dak adottat bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑43/12, EU:C:2014:298, punt 29, u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan l-att ifittex li jilħaq żewġ għanijiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jista’ jiġi identifikat bħala l-għan jew il-komponent prinċipali filwaqt li l-ieħor huwa biss għan jew komponent anċillari, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti. Eċċezzjonalment, jekk, għall-kuntrarju, jiġi stabbilit li l-att ifittex li jilħaq diversi għanijiet simultanjament jew għandu diversi komponenti li huma marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed huwa anċillari għal ieħor, b’mod li huma applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat, tali miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Madankollu, l-użu ta’ bażi legali doppja huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal kull waħda minn dawn il-bażijiet ikunu inkompatibbli (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑155/07, EU:C:2008:605, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi ddeterminata l-bażi legali adatta għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub.

1.      Fuq l-għan u l-kontenut tal-ftehim maħsub

80      Kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-preambolu tal-ftehim maħsub, il-partijiet kontraenti għandhom l-intenzjoni li jsaħħu u li jħeġġu l-kooperazzjoni tagħhom permezz ta’ dan il-ftehim. Għal dan il-għan, l-Artikolu 1 tal-imsemmi ftehim, intitolat “L-Għan tal-Ftehim”, jipprovdi li “il-Partijiet jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-trasferiment u għall-użu tad-[data PNR] biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku u jippreskrivu l-mezzi li bihom tiġi protetta d-dejta”.

81      F’dak li jirrigwarda l-għan relatat mal-protezzjoni tas-sigurtà tas-sikurezza tal-pubbliku, previst f’dan l-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-ftehim maħsub jispeċifika, b’mod partikolari, li l-partijiet ifittxu li jipprevjenu, jiġġieldu kontra, jrażżnu u jeliminaw it-terroriżmu, ir-reati marbuta mat-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità transnazzjonali serja. F’din il-perspettiva, dan il-preambolu jenfasizza, fit-tieni u fir-raba’ paragrafi tiegħu, l-importanza, minn naħa, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-reati marbuta mat-terroriżmu u l-forom l-oħra ta’ kriminalità transnazzjonali serja u, min-naħa l-oħra, tal-użu tad-data PNR u tal-qsim tal-informazzjoni għall-finijiet ta’ din il-ġlieda. Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-ħames paragrafu tal-imsemmi preambolu jirrileva li għandhom jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw it-trasferiment ta’ data PNR mit-trasportaturi tal-ajru lejn il-Kanada sabiex tiġi ssalvagwardata s-sigurtà pubblika u għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Fl-aħħar nett, is-sittax-il paragrafu tal-istess preambolu jenfasizza l-importanza tal-qsim tad-data PNR u tal-informazzjoni analitika adatta u rilevanti li jkun fiha data PNR miksuba mill-Kanada mal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni, mal-Europol u mal-Eurojust, sabiex titrawwem il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja internazzjonali.

82      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-ftehim maħsub ifittex li jilħaq l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika permezz ta’ trasferiment ta’ data PNR lejn il-Kanada u tal-użu tagħha fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja, inkluż permezz tal-qsim ta’ din id-data mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni, kif ukoll mal-Europol u mal-Eurojust.

83      F’dak li jirrigwarda t-tieni għan previst fl-Artikolu 1 tal-ftehim maħsub, jiġifieri l-preskrizzjoni tal-mezzi ta’ protezzjoni tad-data PNR, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li t-tieni, is-sitt u s-seba’ paragrafi tal-preambolu ta’ dan il-ftehim jenfasizzaw in-neċessità li jiġu rrispettati, konformement mal-impenji tal-Unjoni skont l-Artikolu 6 TUE, id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, rispettivament, filwaqt li jfakkru li l-partijiet kontraenti jikkondividu valuri komuni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data u tal-ħajja privata.

84      Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-ftehim maħsub jirriżulta li r-regoli li l-awtorità Kanadiża kompetenti għandha tosserva fl-ipproċessar tad-data PNR jitqiesu li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni, meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, b’mod li dan il-ftehim ifittex li jilħaq ukoll l-għan li jiġi ggarantit tali livell ta’ protezzjoni tal-imsemmija data.

85      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Artikolu 1 tal-ftehim maħsub jipprevedi espressament iż-żewġ għanijiet li dan il-ftehim ifittex li jilħaq.

86      F’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-ftehim maħsub, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel parti tiegħu, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” (Artikoli 1 sa 6), tinkludi l-Artikolu 5 tiegħu, li jipprovdi li l-awtorità Kanadiża kompetenti, sakemm tikkonforma ruħha mal-imsemmi ftehim, titqies li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, meta tipproċessa u tuża d-data PNR, u li kull trasportatur tal-ajru li jipprovdi tali data lill-Kanada, b’eżekuzzjoni tal-istess ftehim, jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tat-trasferiment ta’ din id-data mill-Unjoni lill-Kanada. Din l-ewwel parti tinkludi wkoll l-Artikolu 4 tal-ftehim maħsub, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux impediti milli jittrasferixxu data PNR lill-awtorità Kanadiża kompetenti, liema awtorità, skont l-Artikolu 2(d) ta’ dan il-ftehim, hija inkarigata li tirċievi u li tipproċessa din id-data. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-imsemmi ftehim, li jistabbilixxi l-għanijiet li jiġġustifikaw l-ipproċessar tad-data PNR mill-awtorità Kanadiża kompetenti, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan l-ipproċessar huwa awtorizzat biss għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità transnazzjonali serja, filwaqt li, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu, jipprevedi eċċezzjonijiet limitati ferm għal din ir-regola. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 6 tal-istess ftehim, id-data PNR u l-informazzjoni analitika rilevanti u adatta li jkun fiha tali data għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija tal-Istati Membri, lill-Europol u lill-Eurojust jew għandha tiġi reża disponibbli lilhom, konformement mal-ftehimiet u mal-arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi jew l-iskambju ta’ informazzjoni.

87      Fit-tieni parti tagħha, intitolata “Is-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR” (Artikoli 7 sa 21), il-ftehim maħsub jistabbilixxi regoli u prinċipji li jirregolaw u jillimitaw l-użu tad-data PNR fil-Kanada mill-awtorità Kanadiża kompetenti kif ukoll l-iżvelar tagħha lil awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ dan il-pajjiż terz u lil awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi oħra. Għaldaqstant, il-ftehim maħsub jinkludi, fl-Artikolu 7 tiegħu, klawżola ta’ nondiskriminazzjoni u, fl-Artikolu 8 tiegħu, regola speċifika għad-data sensittiva flimkien ma’ kundizzjonijiet limitattivi fir-rigward tal-użu ta’ din id-data. Din it-tieni parti tipprevedi wkoll regoli, li jinsabu fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dan il-ftehim, rispettivament, u li jirrigwardaw, minn naħa, is-sigurtà u l-integrità tad-data PNR u, min-naħa l-oħra, is-sorveljanza tal-osservanza tal-garanziji li jinsabu fl-imsemmi ftehim. F’dak li jirrigwarda l-Artikoli 11 sa 14 tal-istess ftehim, dawn jipprevedu regola ta’ trasparenza u jistabbilixxu d-drittijiet tal-persuni li d-data PNR tagħhom hija kkonċernata, bħad-dritt ta’ aċċess għad-data, id-dritt li jitolbu l-korrezzjoni tagħha u d-dritt għal rimedju.

88      Fit-tieni parti wkoll, il-ftehim maħsub jeżiġi, fl-Artikolu 15 tiegħu, li l-Kanada ma tiħux deċiżjonijiet li jipproduċu effetti sinjifikattivi negattivi abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR u jipprevedi, fl-Artikolu 16 tiegħu, regoli relatati, b’mod partikolari, mat-tul taż-żamma ta’ din id-data kif ukoll mas-satra u mal-kxif tagħhom. Barra minn hekk, din it-tieni parti tistabbilixxi, fl-Artikoli 18 u 19 tagħha, regoli dwar l-iżvelar tal-imsemmija data mill-awtorità Kanadiża kompetenti u tipprevedi, fl-Artikoli 20 u 21 tagħha, regoli li jirregolaw il-metodu u l-frekwenza tat-trasferimenti tal-istess data.

89      Mid-diversi konstatazzjonijiet dwar il-kontenut tal-ftehim maħsub jirriżulta li dan tal-aħħar jirrigwarda, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ sistema komposta minn serje ta’ regoli intiżi li jipproteġu d-data personali u li, kif jiddikjara l-ħmistax-il paragrafu ta’ dan il-ftehim, il-Kanada timpenja ruħha li tosserva fl-ipproċessar tad-data PNR.

90      Fid-dawl kemm tal-għanijiet tiegħu kif ukoll tal-kontenut tiegħu, il-ftehim maħsub għalhekk għandu żewġ komponenti, wieħed li jirrigwarda n-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika u l-ieħor li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data PNR.

91      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar liema wieħed minn dawn iż-żewġ komponenti huwa predominanti, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li t-trasferiment tad-data PNR mit-trasportaturi tal-ajru lejn il-Kanada u l-użu tagħha mill-awtorità kompetenti Kanadiża huma ġġustifikati biss, bħala tali, mill-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika f’dan il-pajjiż u fi ħdan l-Unjoni.

92      Madankollu, il-kontenut tal-ftehim maħsub huwa kkostitwit, f’parti kbira tiegħu, minn regoli dettaljati li jiżguraw li t-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada bil-għan li tintuża għal finijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika u tas-sikurezza pubblika jitwettaq taħt kundizzjonijiet konformi mal-protezzjoni tad-data personali.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-trasferiment ta’ data personali, bħad-data PNR, mill-Unjoni lejn pajjiż terz tista’ sseħħ b’mod leġittimu biss jekk, f’dan il-pajjiż, ikunu jeżistu regoli li jiżguraw livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali li jkun essenzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 68 u 74).

94      Minn dan jirriżulta li ż-żewġ komponenti tal-ftehim maħsub huma marbuta b’mod inseparabbli. Għalhekk it-tnejn li huma għandhom jitqiesu li huma ta’ natura essenzjali.

2.      Fuq il-bażi legali adatta fid-dawl tat-Trattat FUE

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub hija marbuta, fl-ewwel lok, direttament mal-għan li jfittex li jilħaq l-Artikolu 16(2) TFUE.

96      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi, bla ħsara għall-Artikolu 39 TUE, bażi legali adatta meta l-protezzjoni tad-data personali tkun waħda mill-għanijiet jew komponenti essenzjali tar-regoli adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, inklużi dawk li jidħlu fil-qafas tal-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni mill-pulizija, kif jikkonfermaw l-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 u l-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22, kif ukoll id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 32 ta’ din l-opinjoni.

97      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 16 TFUE.

98      Fit-tieni lok, din id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li, għall-finijiet tal-Artikolu 87(1) TFUE, li skontu l-Unjoni “għandha tistabbilixxi kooperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ l-Istati Membri”, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jistabbilixxu miżuri dwar “il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti”.

99      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-informazzjoni rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE, fl-oqsma tal-prevenzjoni jew tal-iskoperta tar-reati kriminali u tal-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward, jistgħu jinkludu data personali u, min-naħa l-oħra, li t-termini “ipproċessar” u “skambju” ta’ tali data jkopru kemm it-trasferiment tagħha lejn awtoritajiet tal-Istati Membri li jkunu kompetenti f’dan il-qasam kif ukoll l-użu tagħha minn dawn l-awtoritajiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, miżuri dwar it-trasferiment ta’ data personali lejn awtoritajiet kompetenti fl-oqsma tal-prevenzjoni jew tal-iskoperta tar-reati kriminali u tal-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward u dwar l-ipproċessar ta’ din id-data mill-istess awtoritajiet jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija prevista fl-Artikolu 87(2)(a) TFUE u jistgħu jkunu bbażati fuq din id-dispożizzjoni.

100    F’dan il-każ, il-ftehim maħsub jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli li jirregolaw kemm it-trasferiment tad-data PNR lejn l-awtorità Kanadiża kompetenti kif ukoll l-użu ta’ din id-data minn din l-awtorità. Skont l-Artikolu 2(d), moqri flimkien tal-Artikolu 3(1), ta’ dan il-ftehim, l-imsemmija awtorità hija kompetenti sabiex tipproċessa d-data PNR għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta, ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew tal-kriminalità transnazzjonali serja. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-imsemmi ftehim jipprovdi li l-Kanada għandha taqsam, minn naħa, hekk kif ikun prattikabbli, informazzjoni analitika rilevanti u adatta li jkun fiha data PNR mal-Europol u mal-Eurojust kif ukoll mal-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija ta’ Stat Membru. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu jipprovdi li, fuq talba ta’ dawn l-aġenziji u awtoritajiet, il-Kanada għandha taqsam, f’każijiet partikolari, id-data PNR jew informazzjoni analitika li jkun fiha din id-data, għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta, ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reat terroristiku jew ta’ att ta’ kriminalità transnazzjonali serja, fi ħdan l-Unjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 105 u 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess ftehim għalhekk jirrigwarda l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti fis-sens tal-Artikolu 87(2)(a) u huwa marbut ukoll, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 80 ta’ din l-opinjoni, mal-għan tal-Artikolu 87(1) TFUE.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-data PNR tinġabar inizjalment minn trasportaturi tal-ajru għal finijiet kummerċjali u mhux minn awtorità kompetenti fil-qasam tal-prevenzjoni jew tal-iskoperta tar-reati kriminali u tal-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward ma jistax, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, jipprekludi l-Artikolu 87(2)(a) TFUE milli jikkostitwixxi wkoll bażi legali adatta għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub.

102    Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni ma tistax tkun ibbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE, li jipprevedi l-possibbiltà għall-Parlament u għall-Kunsill li jadottaw miżuri li “jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet”.

103    Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub ma tfittex li tiffaċilita tali kooperazzjoni. F’dak li jirrigwarda l-awtorità Kanadiża kompetenti, din tal-aħħar la tikkostitwixxi awtorità ġudizzjarja u lanqas awtorità ekwivalenti.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 ta’ din l-opinjoni, id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha tkun ibbażata kemm fuq l-Artikolu 16(2) kif ukoll fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, sakemm tali kombinazzjoni ta’ bażijiet legali ma tkunx eskluża konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 78 ta’ din l-opinjoni.

3.      Fuq il-kompatibbiltà tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 16(2) u fl-Artikolu 87(2)(a) TFUE

105    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 TFUE, huma l-bażijiet legali sostantivi tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li jiddeterminaw it-tip ta’ proċedura applikabbli skont l-Artikolu 218(6) TFUE (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 58).

106    Iż-żewġ bażijiet legali sostantivi applikabbli f’dan il-każ, jiġifieri l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, jipprevedu l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li timplika l-vot bil-maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament. Għaldaqstant, l-użu konġunt ta’ waħda u tal-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jinvolvix, bħala prinċipju, proċeduri ta’ adozzjoni differenti.

107    Madankollu, il-Kunsill isostni essenzjalment li, minħabba d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Protokolli Nru 21 u Nru 22, ir-regoli tal-vot fi ħdan il-Kunsill ivarjaw skont jekk deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tkunx ibbażata fuq l-Artikolu 16(2) jew fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

108    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Protokolli Nru 21 u Nru 22 ma humiex ta’ natura li jkollhom kwalunkwe effett, ikun xi jkun, fuq il-kwistjoni tal-bażi legali adatta għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 73).

109    Madankollu, sa fejn differenza fir-regoli tal-vot fi ħdan il-Kunsill tista’ twassal għall-inkompatibbiltà tal-bażijiet legali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2006:4, punt 58, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 47 u 48), għandu jiġi vverifikat l-effett tal-imsemmija protokolli fuq ir-regoli tal-vot fi ħdan il-Kunsill fil-każ ta’ użu konġunt, bħala bażi għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

110    F’dak li jirrigwarda l-Protokoll Nru 21, mill-premessa 5 tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub jirriżulta li l-Irlanda u r-Renju Unit innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll ma huma ser ikollhom ebda effett fuq ir-regoli tal-vot fi ħdan il-Kunsill fil-każ ta’ użu konġunt, bħala bażi għall-imsemmija deċiżjoni, tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

111    F’dak li jirrigwarda l-Protokoll Nru 22, dan tal-aħħar ifittex li jistabbilixxi, kif jirriżulta mit-tielet sal-ħames paragrafi tal-preambolu tiegħu u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, qafas legali li jippermetti lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja permezz tal-adozzjoni, mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ miżuri li ma jorbtux lil dan l-Istat Membru, filwaqt li joffru lil dan tal-aħħar il-possibbiltà li jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ miżuri f’dan il-qasam u li jintrabat bihom taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tal-imsemmi protokoll.

112    Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 22 jistabbilixxi li r-Renju tad-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll jipprovdi li r-Renju tad-Danimarka ma huwiex marbut b’tali miżuri. Konformement mal-Artikolu 2a tal-imsemmi protokoll, dan l-Artikolu 2 għandu “japplika wkoll għal dawk ir-regoli stabbiliti abbażi ta’ l-Artikolu 16 [TFUE] li jikkonċernaw [l-ipproċessar tad-]data ta’ tip personali mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ l-imsemmi Trattat”, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali.

113    F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha tkun ibbażata kemm fuq l-Artikolu 16 kif ukoll fuq l-Artikolu 87 TFUE u, għalhekk, taqa’ taħt il-Kapitolu 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE sa fejn għandha tkun ibbażata fuq l-imsemmi Artikolu 87 TFUE, ir-Renju tad-Danimarka la ser ikun marbut, skont l-Artikoli 2 u 2a tal-Protokoll Nru 22, bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u lanqas, għaldaqstant, bil-ftehim maħsub. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll, ir-Renju tad-Danimarka ma huwiex ser jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

114    Kuntrarjament għal dak li jidher li jissuġġerixxi l-Kunsill, din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bil-fatt li l-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22 jillimita ruħu li jirreferi għall-Artikolu 2 mingħajr madankollu ma jeskludi espliċitament il-parteċipazzjoni tar-Renju tad-Danimarka fl-adozzjoni ta’ regoli li huma bbażata fuq l-Artikolu 16 TFUE u li huma previsti fih.

115    F’dan ir-rigward, minn qari sistematiku ta’ dan il-protokoll jirriżulta li l-Artikolu 2 tiegħu ma jistax jinqara u jiġi applikat indipendentement mill-Artikolu 1 tal-imsemmi protokoll. Fil-fatt, ir-regola, prevista fl-imsemmi Artikolu 2, li skontha r-Renju tad-Danimarka ma huwiex marbut bil-miżuri, bid-dispożizzjonijiet u bid-deċiżjonijiet previsti fih, hija marbuta intrinsikament mar-regola, prevista fl-imsemmi Artikolu 1, li skontha dan l-Istat Membru ma jipparteċipax fl-adozzjoni tal-miżuri li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, b’mod li dawn iż-żewġ regoli ma jistgħux jinftiehmu mingħajr xulxin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment tal-Artikolu 2a għall-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 22 għandu neċessarjament jiġi interpretat bħala li jirreferi wkoll għall-Artikolu 1 tiegħu.

116    Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, imur kontra l-għan tal-Protokoll Nru 22, imfakkar fil-punt 111 ta’ din l-opinjoni li r-Renju tad-Danimarka jitħalla jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni li l-bażi legali tiegħu huwa kemm l-Artikolu 16 TFUE kif ukoll waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, mingħajr ma jkun marbut b’dan l-att.

117    Għalhekk, f’dan il-każ, il-Protokoll Nru 22 ma jistax iwassal għal regoli tal-vot differenti fi ħdan il-Kunsill fil-każ ta’ użu konġunt tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda ta’ din it-talba għal opinjoni għandha tkun li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha tkun ibbażata konġuntament fuq l-Artikolu 16(2) u fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

C.      Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta

119    Sa fejn il-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta tirreferi għall-Artikolu 16 TFUE u għall-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet ifformulati mill-Parlament fit-talba tiegħu għal opinjoni, din l-istituzzjoni għandha titqies li qiegħda titlob l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub, b’mod partikolari, mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

120    Sa fejn l-evalwazzjonijiet segwenti jirrigwardaw il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, irrikonoxxut kemm mill-Artikolu 16(1) TFUE kif ukoll mill-Artikolu 8 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħmel riferiment biss għat-tieni dispożizzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li kemm waħda kif ukoll l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li kull persona għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha, huwa biss l-Artikolu 8 tal-Karta li jistabbilixxi b’mod iktar speċifiku, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kundizzjonijiet li taħthom tali data tista’ tiġi pproċessata.

1.      Fuq id-drittijiet fundamentali kkonċernati u l-indħil f’dawn id-drittijiet

121    Skont il-lista li tinsab fl-anness tal-ftehim maħsub, id-data PNR prevista minn dan il-ftehim tinkludi, b’mod partikolari, minbarra l-isem tal-passiġġier jew tal-passiġġieri tal-ajru, informazzjoni neċessarja għall-prenotazzjoni, bħad-dati previst tal-vjaġġ u l-itinerarju tal-vjaġġ, informazzjoni dwar il-biljetti, il-gruppi ta’ persuni rreġistrati taħt l-istess numru ta’ prenotazzjoni, id-dettalji tal-passiġġier jew tal-passiġġieri, informazzjoni dwar il-mezzi ta’ ħlas jew il-ħruġ tal-fattura, informazzjoni dwar il-bagalji u rimarki ġenerali dwar il-passiġġieri.

122    Għaldaqstant, peress li d-data PNR tinkludi informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati, jiġifieri l-passiġġieri tal-ajru li jtiru bejn l-Unjoni u l-Kanada, id-diversi forom ta’ pproċessar li, skont il-ftehim maħsub, din id-data tista’ tiġi suġġetta għalihom, jiġifieri t-trasferiment tagħha mill-Unjoni lejn il-Kanada, l-aċċess għaliha bil-għan li tintuża jew inkella li tinżamm, jaffettwaw id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta. Fil-fatt, dan id-dritt jikkonċerna kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew li tista’ tiġi identifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52; tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 42, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 26).

123    Barra minn hekk, l-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 8 tal-Karta minħabba l-fatt li jikkostitwixxi pproċessar tad-data personali fis-sens ta’ dan l-artikolu u, konsegwentement, għandu neċessarjament jissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data previsti fl-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 49; tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 52, u tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 29).

124    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-komunikazzjoni ta’ data personali lil terz, bħalma hija awtorità pubblika, tikkostitwixxi indħil fid-dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Artikolu 7 tal-Karta, ikun xi jkun l-użu sussegwenti tal-informazzjoni kkomunikata. Dan japplika wkoll għaż-żamma tad-data personali kif ukoll għall-aċċess għall-imsemmija data bil-għan li tintuża mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, ftit jimporta jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew li l-persuni kkonċernati jkunux batew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 74 u 75; tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 33 sa 35, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 87).

125    Għaldaqstant, kemm it-trasferiment tad-data PNR mill-Unjoni lejn l-awtorità Kanadiża kompetenti kif ukoll il-qafas ta’ regoli nnegozjat mill-Unjoni fir-rigward taż-żamma ta’ din id-data, tal-użu tagħha u tal-eventwali trasferimenti sussegwenti tagħha lil awtoritajiet Kanadiżi oħra, lill-Europol, lill-Eurojust, lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija tal-Istati Membri jew lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi oħra, li jippermettu, b’mod partikolari, l-Artikoli 3, 4, 6, 8, 12, 15, 16, 18 u 19 tal-ftehim maħsub, jikkostitwixxu indħil fid-dritt iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta.

126    Dawn l-operazzjonijiet jikkostitwixxu wkoll indħil fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, peress li jikkostitwixxu pproċessar tad-data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 25, u tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 36).

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ftehim maħsub jippermetti t-trasferiment sistematiku u kontinwu tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha li jtiru bejn l-Unjoni u l-Kanada.

128    Min-naħa l-oħra, anki jekk ċerta data PNR, meħuda waħedha, ma tidhirx li tista’ tiżvela informazzjoni importanti dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, jibqa’ l-fatt li, meħuda kumplessivament, l-imsemmija data tista’, inter alia, tiżvela itinerarju ta’ vjaġġ sħiħ, drawwiet ta’ vvjaġġar, relazzjonijiet eżistenti bejn żewġ persuni jew iktar kif ukoll informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-passiġġieri tal-ajru, id-drawwiet tal-ikel tagħhom jew l-istat ta’ saħħa tagħhom, u tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni sensittiva dwar dawn il-passiġġieri, kif iddefinita fl-Artikolu 2(e) tal-ftehim maħsub.

129    Il-karatteristiċi inerenti fir-regoli dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data PNR, previsti mill-ftehim maħsub, jikkonfermaw in-natura reali tal-indħil awtorizzat minn dan il-ftehim.

130    Fil-fatt, skont l-Artikolu 21(1) tal-ftehim maħsub, l-imsemmija data għandha tiġi ttrasferita, qabel it-tluq skedat tal-passiġġier tal-ajru kkonċernat u sservi prinċipalment, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-osservazzjoni tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-KEPD kif ukoll mill-punt 2.1 tal-Komunikazzjoni COM(2010) 492, bħala “għodda ta’ intelligence”.

131    Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-punt 2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni u kif ikkonfermaw b’mod partikolari l-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-KEPD fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-data PNR ittrasferita hija intiża, abbażi tal-ftehim maħsub, li tiġi analizzata b’mod sistematiku qabel il-wasla tal-ajruplan fil-Kanada b’mezzi awtomatizzati, ibbażati fuq mudelli u kriterji stabbiliti minn qabel. L-imsemmija data tista’ wkoll tiġi vverifikata awtomatikament permezz ta’ kontrolli inkroċjati ma’ databases oħra. Issa, tali pproċessar jista’ jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru.

132    Barra minn hekk, dawn l-analiżijiet jistgħu jagħtu lok għal verifiki addizzjonali fil-fruntieri fir-rigward tal-passiġġieri tal-ajru identifikati bħala li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika u, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ dawn il-verifiki, għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali li jkollhom effetti vinkolanti fil-konfront tagħhom. Barra minn hekk, l-imsemmija analiżijiet jitwettqu mingħajr ma jkunu jeżistu raġunijiet ibbażati fuq ċirkustanzi individwali li jippermettu li jitqies li l-persuni kkonċernati jistgħu jippreżentaw risku għas-sigurtà pubblika. Fl-aħħar nett, peress li t-tul ta’ żamma tad-data PNR, skont l-Artikolu 16(1) tal-ftehim maħsub, jista’ jestendi sa ħames snin, dan il-ftehim jippermetti li informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru tkun disponibbli għal tul ta’ żmien partikolarment twil.

2.      Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil li jirriżulta mill-ftehim maħsub

133    L-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tal-Karta jagħti espliċitament lil kull persuna d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

134    Dan id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jeżiġi, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-kontinwità tal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali mogħti mid-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni lejn pajjiż terz. Għalkemm il-mezzi intiżi li jiggarantixxu tali livell ta’ protezzjoni jistgħu jkunu differenti minn dawk implementati fi ħdan l-Unjoni sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-mezzi għandhom madankollu, fil-prattika, jirriżultaw li jkunu effettivi sabiex jiżguraw protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dik iggarantita fi ħdan l-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 72 sa 74).

135    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont ir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Karta, huwa neċessarju “li tiġi msaħħa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dawl ta’ l-evoluzzjoni tas-soċjetà, il-progress soċjali u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi”.

136    Madankollu, id-drittijiet irrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 80; tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 48, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 33).

137    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 8(2) tal-Karta, id-data personali għandha, b’mod partikolari, tiġi pproċessata “għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”.

138    Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza tagħhom. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni u tkun issodisfatta l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

139    Għandu jingħad ukoll li r-rekwiżit li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81).

140    F’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fuq il-livell tal-Unjoni teżiġi li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għaliha japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56; tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 51 u 52; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 92, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 96 u 103).

141    Sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’mod li l-persuni li d-data tagħhom tkun ġiet ittrasferita jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li d-data personali tagħhom tiġi protetta b’mod effikaċi mir-riskju ta’ abbuż. B’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. In-neċessità li jkun hemm tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari meta tkun inkwistjoni l-protezzjoni tal-kategorija partikolari ta’ data personali li hija d-data sensittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 54 u 55, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 109 u 117; ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2008, S. u Marper vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:1204JUD003056204, § 103).

a)      Fuq il-bażi għall-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub

142    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk it-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada u l-ipproċessar sussegwenti tagħha humiex ibbażati fuq il-“kunsens” tal-passiġġieri tal-ajru jew fuq “bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li tali pproċessar tad-data PNR ifittex li jilħaq għan differenti minn dak li għalih tinġabar din id-data mit-trasportaturi tal-ajru.

143    Għaldaqstant, tali pproċessar ma jistax jitqies li huwa bbażat fuq il-kunsens mogħti mill-passiġġieri tal-ajru sabiex din id-data tinġabar mit-trasportaturi tal-ajru għal finijiet ta’ prenotazzjoni, b’mod li jeħtieġ, bħala tali, jew kunsens speċifiku tal-passiġġieri tal-ajru jew bażi leġittima oħra stabbilita mil-liġi.

144    Peress li ebda dispożizzjoni tal-ftehim maħsub ma jissuġġetta t-trasferiment lejn il-Kanada tad-data PNR u l-ipproċessar sussegwenti tagħha għall-kunsens tal-passiġġieri tal-ajru kkonċernati, għandu jiġi vverifikat jekk dan il-ftehim jikkostitwixxix bażi leġittima oħra stabbilita mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta.

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-Parlament li l-ftehim maħsub ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “liġi”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta, u, għaldaqstant, tal-Artikolu 52(1) tagħha, peress li ma jikkostitwixxix “att leġiżlattiv”, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jirnexxi.

146    Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 218(6) TFUE jirrifletti, fuq livell estern, it-tqassim tas-setgħat bejn l-istituzzjonijiet applikabbli fuq livell intern u jistabbilixxi simetrija bejn il-proċedura għall-adozzjoni tal-miżuri tal-Unjoni fuq livell intern u l-proċedura għall-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, bil-għan li jiġi ggarantit li, fir-rigward ta’ qasam partikolari, il-Parlament u l-Kunsill ikollhom l-istess setgħat, b’osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 56). Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali li jkopru oqsma li għalihom, fuq livell intern, tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, prevista fl-Artikolu 294 TFUE, teħtieġ, skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, l-approvazzjoni tal-Parlament, b’mod li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 192 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali ftehim jista’ jitqies li huwa, fuq livell estern, l-ekwivalenti ta’ dak li huwa att leġiżlattiv fuq livell intern. Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma ġie sostnut f’din il-proċedura li l-ftehim maħsub jista’ ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà meħtieġa sabiex l-indħil li jinvolvi jista’ jitqies li huwa stabbilit mil-liġi fis-sens tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

147    Minn dan jirriżulta li t-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada huwa bbażat fuq “bażi oħra” li hija “stabbilita mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta. F’dak li jirrigwarda l-punt jekk din il-bażi hijiex leġittima, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, din il-kwistjoni tikkoinċidi, f’dan il-każ, mal-kwistjoni jekk l-għan li l-ftehim maħsub ifittex li jilħaq huwiex ta’ interess ġenerali, li ser tiġi eżaminata fil-punti 148 et seq ta’ din l-opinjoni.

b)      Fuq l-għan ta’ interess ġenerali u r-rispett tal-essenza tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni

148    Kif ġie kkonstatat fil-punt 82 ta’ din l-opinjoni, il-ftehim maħsub ifittex, b’mod partikolari, li jiggarantixxi s-sigurtà pubblika permezz ta’ trasferiment ta’ data PNR lejn il-Kanada u tal-użu tagħha fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja.

149    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-għan jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Barra minn hekk, il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 jipprevedi d-dritt ta’ kull persuna mhux biss għal-libertà, iżda wkoll għas-sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 42 u 44, u tal-15 ta’ Frar 2016, J.N.N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 53).

150    F’dak li jirrigwarda l-essenza tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, irrikonoxxut mill-Artikolu 7 tal-Karta, anki jekk id-data PNR tista’, jekk ikun il-każ, tiżvela informazzjoni preċiża ħafna dwar il-ħajja privata ta’ persuna, in-natura ta’ din l-informazzjoni hija limitata għal ċerti aspetti ta’ din il-ħajja privata, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-vjaġġi bl-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni. F’dak li jirrigwarda l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, irrikonoxxut mill-Artikolu 8 tal-Karta, il-ftehim maħsub, fl-Artikolu 3 tiegħu, jillimita l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data PNR u, fl-Artikolu 9 tiegħu, jipprevedi regoli intiżi li jiżguraw, b’mod partikolari, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità ta’ din id-data, kif ukoll li jipproteġuha mill-aċċess u mill-ipproċessar illegali.

151    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indħil li jinvolvi l-ftehim maħsub jista’ jkun iġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni u ma huwiex ta’ natura li jippreġudika l-essenza tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

c)      Fuq l-idoneità tal-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika

152    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk it-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada u l-ipproċessar sussegwenti tagħha f’dan il-pajjiż terz humiex idonei sabiex jiżguraw is-sigurtà pubblika, jirriżulta mill-punt 2.2 tal-Komunikazzjoni COM(2010) 492 li l-evalwazzjoni tar-riskji li jippreżentaw il-passaġġieri tal-ajru permezz tal-analiżi ta’ din id-data qabel il-wasla tagħhom “[t]iffaċilita ġeneralment u [t]ħaffef l-ispezzjonijiet tas-sigurtà u tal-kontroll tal-fruntiera”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, skont l-informazzjoni pprovduta mis-CBSA, l-ipproċessar tad-data PNR, fost riżultati oħra, kienet ippermettiet li jiġu arrestati 178 persuna fost it-28 miljun vjaġġatur li taru bejn l-Unjoni u l-Kanada bejn il-perijodu minn April 2014 sa’ Marzu 2015.

153    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada u l-ipproċessar sussegwenti tagħha jistgħu jitqiesu li huma idonei sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan relatat mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u tas-sikurezza pubblika, li l-ftehim maħsub ifittex li jilħaq.

d)      Fuq in-natura neċessarja tal-indħil li jinvolvi l-ftehim maħsub

154    F’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja tal-indħil li jinvolvi l-ftehim maħsub, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 140 u 141 ta’ din l-opinjoni, għandu jiġi vverifikat jekk dan huwiex limitat għal dak li huwa strettament neċessarju u, f’dan il-kuntest, jekk dan il-ftehim jipprevedix regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li jipprevedi.

1)      Fuq id-data PNR prevista mill-ftehim maħsub

i)      Fuq in-natura suffiċjentement preċiża tal-ftehim maħsub fir-rigward tad-data PNR li għandha tiġi ttrasferita

155    F’dak li jirrigwarda d-data prevista mill-ftehim maħsub, dan il-ftehim għandu jiddefinixxi b’mod ċar u preċiż id-data PNR li t-trasportaturi tal-ajru huma mitluba jittrasferixxu lejn il-Kanada b’applikazzjoni tal-imsemmi ftehim.

156    F’dan ir-rigward, għalkemm id-19-il intestatura tad-data PNR li jinsabu fl-anness tal-ftehim maħsub jikkorrispondu, skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, għall-Anness I tal-Linji gwida tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar id-data PNR, għandu madankollu jiġi enfasizzat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 217 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-intestatura 5, li tipprevedi l-“informazzjoni disponibbli dwar vjaġġaturi frekwenti u dwar il-benefiċċji (biljetti b’xejn, titjib fil-klassi tal-ivvjaġġar eċċ.)”, u l-intestatura 7, li tkopri “[l]-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluż informazzjoni dwar l-oriġinatur)”, ma jiddefinixxux b’mod suffiċjentement ċar u preċiż id-data PNR li għandha tiġi ttrasferita.

157    Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-intestatura 5, l-użu tat-terminu “eċċ.” ma jiddeterminax b’mod suffiċjenti l-portata tad-data li għandha tiġi ttrasferita. Barra minn hekk, it-termini ta’ din l-intestatura ma jippermettux li jsir magħruf jekk din tal-aħħar tikkonċernax informazzjoni biss dwar l-istatus tal-passiġġieri tal-ajru fi programmi ta’ lealtà jew jekk, għall-kuntrarju, tikkonċernax l-informazzjoni kollha dwar il-vjaġġi bl-ajru u dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ tali programmi.

158    Bl-istess mod, bil-fatt li tuża t-termini “[l]-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti”, l-intestatura 7 ma tiddeterminax b’mod suffiċjenti l-portata tad-data li għandha tiġi ttrasferita. B’mod partikolari, hija ma tispeċifikax liema tip ta’ informazzjoni dwar kuntatti tkopri u lanqas jekk din l-informazzjoni dwar kuntatti tkoprix ukoll, kif jista’ jiġi dedott mit-tweġiba bil-miktub tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dik ta’ terzi li jkunu wettqu l-prenotazzjoni tat-titjira għall-passiġġier tal-ajru, dik ta’ terzi li permezz tagħhom passiġġier tal-ajru jkun jista’ jiġi kkuntattjat, jew dik ta’ terzi li għandhom jiġu informati fil-każ ta’ emerġenza.

159    F’dak li jirrigwarda l-intestatura 8, din tirrigwarda “[l]-informazzjoni kollha disponibbli dwar ħlas/ħruġ ta’ kontijiet (mhux inklużi dettalji oħra ta’ tranżazzjonijiet marbuta ma’ karta tal-kreditu jew kont u mhux marbuta mat-tranżazzjoni tal-ivvjaġġar)”. Huwa minnu li din l-intestatura tista’ tidher li hija partikolarment wiesgħa inkwantu tuża l-espressjoni “[l]-informazzjoni kollha disponibbli”. Madankollu, kif jirriżulta mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija intestatura għandha titqies li tkopri biss l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ ħlas u dwar il-ħruġ tal-fattura għall-biljett tal-ajru, bl-esklużjoni ta’ kull informazzjoni oħra li ma hijiex marbuta direttament mat-titjira. Interpretata f’dan is-sens, l-istess intestatura 8 tista’ għalhekk titqies li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

160    F’dak li jirrigwarda l-intestatura 17, din tirrigwarda r-“[r]imarki ġenerali inkluża Informazzjoni Supplimentari Oħra (OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (SSI) u Informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (SSR)”. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija, b’mod partikolari, mill-Kummissjoni, din l-intestatura tikkostitwixxi intestatura msejħa “test liberu” (free text), li hija intiża li tinkludi “l-informazzjoni supplimentari kollha”, b’żieda ma’ dik li barra minn hekk hija elenkata fl-anness tal-ftehim maħsub. Għaldaqstant, tali intestatura ma tagħti ebda indikazzjoni dwar in-natura u l-portata tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, u tidher li tista’ saħansitra tinkludi informazzjoni li ma għandha ebda rabta mal-għan tat-trasferiment tad-data PNR. Barra minn hekk, peress li l-informazzjoni prevista fl-imsemmija intestatura hija pprovduta biss bħala eżempju, kif jidher mill-użu tat-terminu “inkluża”, l-istess intestatura ma tistabbilixxi ebda limitazzjoni dwar in-natura u l-portata tal-informazzjoni li tista’ tkun inkluża fiha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intestatura 17 ma tistax titqies li hija limitata b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti.

161    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-intestatura 18, din tirrigwarda “[k]walunkwe dejta dwar Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) li tkun inġabret minħabba l-prenotazzjoni”. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, din l-informazzjoni tikkorrispondi għall-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/82, jiġifieri n-numru u t-tip tad-dokument tal-vjaġġ użat, in-nazzjonalità, l-isem sħiħ, id-data tat-twelid, il-punt tal-qsim tal-fruntiera użat għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri, il-kodiċi tat-trasport, is-sigħat tat-tluq u tal-wasla tal-mezz ta’ trasport, in-numru totali ta’ persuni ttrasportati u l-punt ta’ mbark inizjali. Sa fejn din l-intestatura tiġi interpretata fis-sens li tkopri biss l-informazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, hija tista’ titqies li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

162    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) tal-ftehim maħsub, li jipprevedu l-obbligu tal-Kanada li tħassar kwalunkwe data PNR ittrasferita lilha jekk ma tinsabx fil-lista tal-anness ta’ dan il-ftehim, ma jippermettux li jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ preċiżjoni li bih huma vvizzjati l-intestaturi 5, 7 u 17 ta’ dan l-anness. Fil-fatt, sa fejn din il-lista ma tillimitax, bħala tali, b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti, id-data PNR li għandha tiġi ttrasferita, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex ta’ natura li jirrimedjaw l-inċertezzi dwar id-data PNR li għandha tiġi ttrasferita.

163    F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dak li jirrigwarda d-data PNR li għandha tiġi ttrasferita lejn il-Kanada, l-intestaturi 5, 7 u 17 tal-anness tal-ftehim maħsub ma jillimitawx b’mod suffiċjentement ċar u preċiż il-portata tal-indħil fid-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

ii)    Fuq id-data sensittiva

164    F’dak li jirrigwarda t-trasferiment tad-data sensittiva fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-ftehim maħsub, din id-dispożizzjoni tiddefinixxiha bħala l-informazzjoni kollha li tiżvela “l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija f’xi trejdunjin”, jew li tirrigwarda “is-saħħa jew il-ħajja sesswali ta’ persuna”. Għalkemm ebda waħda mid-19-il intestatura li jinsabu fl-anness ta’ dan il-ftehim ma tirreferi espliċitament għal data ta’ din in-natura, din tal-aħħar madankollu tista’ taqa’ taħt l-intestatura 17, kif ikkonfermat, b’mod partikolari, il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikoli 8 u 16 tal-ftehim maħsub jipprevedu regoli speċifiċi dwar l-użu u ż-żamma tad-data sensittiva jimplika neċessarjament li l-partijiet fl-istess ftehim aċċettaw il-possibbiltà li tali data tista’ tiġi ttrasferita lejn il-Kanada.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kull miżura bbażata fuq il-premessa li karatteristika waħda jew iktar li tinsab fl-Artikolu 2(e) tal-ftehim maħsub tista’, fiha nfisha u indipendentement mill-aġir individwali tal-ivjaġġatur ikkonċernat, tkun rilevanti fid-dawl tal-għan tal-ipproċessar tad-data PNR, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, tikser id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tagħha. Fid-dawl tar-riskju ta’ pproċessar ta’ data li jmur kontra l-Artikolu 21 tal-Karta, trasferiment ta’ data sensittiva lejn il-Kanada jeħtieġ ġustifikazzjoni preċiża u partikolarment solida, ibbażata fuq motivi differenti mill-protezzjoni tas-sigurtà pubblika kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. Issa, f’dan il-każ, tali ġustifikazzjoni hija nieqsa.

166    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda l-ipproċessar ta’ data sensittiva fl-Artikolu 6(4), fl-Artikolu 7(6) u fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ April 2016, dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132).

167    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fiż-żewġ punti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprekludu kemm it-trasferiment tad-data sensittiva lejn il-Kanada kif ukoll il-qafas ta’ regoli nnegozjat mill-Unjoni ma’ dan l-Istat terz fir-rigward tal-użu u taż-żamma ta’ tali data mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat terz.

2)      Fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR

168    Kif jirriżulta mill-punti 130 sa 132 ta’ din l-opinjoni u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 252 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-data PNR ittrasferita lejn il-Kanada hija prinċipalment intiża li suġġetta għal analiżijiet b’mezzi awtomatizzati, ibbażati fuq mudelli u kriterji stabbiliti minn qabel u fuq kontrolli inkroċjati ma’ diversi databases.

169    Issa, kif jirriżulta mill-punti 130 u 131 ta’ din l-opinjoni, l-evalwazzjoni tar-riskji li jippreżentaw il-passiġġieri tal-ajru għas-sigurtà pubblika titwettaq permezz ta’ analiżijiet awtomatizzati tad-data PNR qabel il-wasla ta’ dan il-passiġġieri tal-ajru fil-Kanada. Sa fejn dawn l-analiżijiet jitwettqu abbażi ta’ data personali mhux ivverifikata u sa fejn ikunu bbażati fuq mudelli u kriterji stabbiliti minn qabel, huma jkollhom neċessarjament ċertu marġni ta’ żball, kif ammettew b’mod partikolari l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni waqt is-seduta.

170    Kif jirriżulta mill-punt 30 tal-opinjoni tal-KEPD dwar l-abbozz ta’ Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi (ĠU 2008, C 110, p. 1), li għaliha rrefera l-KEPD fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-marġni ta’ żball jidher li huwa sinjifikattiv.

171    Huwa minnu li, f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ta’ pproċessar awtomatizzat tad-data PNR, l-Artikolu 15 tal-ftehim maħsub jipprovdi li l-Kanada ma għandhiex tieħu “deċiżjonijiet li jkunu jolqtu passiġġier b’mod sinifikattivament negattiv abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta tal-PNR”. Bl-istess mod, l-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim, li jillimita l-għanijiet ta’ kull ipproċessar ta’ din id-data mill-awtorità Kanadiża kompetenti, u l-Artikolu 7 tal-imsemmi ftehim, li jinkludi klawżola ta’ nondiskriminazzjoni, japplikaw għal dan it-tip ta’ pproċessar.

172    Madankollu, il-portata tal-indħil li jinvolvu l-analiżijiet awtomatizzati tad-data PNR fid-drittijiet irrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tiddependi essenzjalment mill-mudelli u mill-kriterji stabbiliti minn qabel u mid-databases li fuqhom ikun ibbażat dan it-tip ta’ pproċessar ta’ data. Għaldaqstant, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 169 u 170 ta’ din l-opinjoni, il-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel għandhom ikunu, minn naħa, speċifiċi u affidabbli, b’mod li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 256 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikunu jistgħu jwasslu għal riżultati li jimmiraw l-individwi li fuqhom jista’ jaqa’ suspett raġonevoli ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew fi kriminalità transnazzjonali serja u, min-naħa l-oħra, nondiskriminatorji. Bl-istess mod, għandu jiġi speċifikat li d-databases li magħhom isiru l-kontrolli inkroċjati tad-data PNR għandhom ikunu affidabbli, aġġornati u limitati għal databases użati mill-Kanada b’rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja.

173    Barra minn hekk, sa fejn l-analiżijiet awtomatizzati tad-data PNR jinvolvu neċessarjament ċertu marġni ta’ żball, kif ġie kkonstatat fil-punt 169 ta’ din l-opinjoni, kwalunkwe riżultat pożittiv miksub wara pproċessar awtomatizzat tal-imsemmija data għandu jkun suġġett, skont l-Artikolu 15 tal-ftehim maħsub, għal eżami mill-ġdid individwali b’mezzi mhux awtomatizzati qabel l-adozzjoni ta’ miżura individwali li tipproduċi effetti negattivi fil-konfront tal-passiġġieri tal-ajru kkonċernati. Għaldaqstant, skont l-imsemmi Artikolu 15, tali miżura ma tistax tkun ibbażata b’mod deċiżiv sempliċement fuq ir-riżultat ta’ trattament awtomatizzat tad-data PNR.

174    Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ggarantit, fil-prattika, li l-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel, l-użu li jsir minnhom u d-databases użati ma jkunux ta’ natura diskriminatorja u jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju, l-affidabbiltà u l-aġġornament ta’ dawn il-mudelli u ta’ dawn il-kriterji stabbiliti minn qabel kif ukoll tad-databases użati għandhom ikunu s-suġġett, fid-dawl tal-istatistika u tar-riżultati tar-riċerka internazzjonali, tal-eżami konġunt tal-implementazzjoni tal-ftehim maħsub, previst fl-Artikolu 26(2) tiegħu.

3)      Fuq l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data PNR

i)      Prevenzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew tal-kriminalità transnazzjonali serja

175    L-Artikolu 3(1) tal-ftehim maħsub jipprovdi li d-data PNR tista’ tiġi pproċessata mill-awtorità Kanadiża kompetenti biss għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta, ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew tal-kriminalità transnazzjonali serja.

176    F’dak li jirrigwarda t-termini “reati terroristiċi”, l-Artikolu 3(2) ta’ dan il-ftehim jiddefinixxi b’mod ċar u preċiż kemm l-attivitajiet koperti minn dawn it-termini kif ukoll il-persuni, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet li jistgħu jitqiesu li huma “entità terroristika”.

177    Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda t-termini “[k]riminalità transnazzjonali serja”, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-ftehim maħsub jiddefinixxi b’ċarezza u bi preċiżjoni l-grad ta’ serjetà tar-reati kkonċernati, billi jimponi li dawn tal-aħħar jkunu punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin jew b’piena iktar ħarxa. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda n-natura tal-imsemmija reati, din id-dispożizzjoni għandha wkoll titqies li hija suffiċjentement preċiża sa fejn tirreferi għar-reati ddefiniti mil-liġi Kanadiża. Fl-aħħar nett, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi b’mod ċar u preċiż id-diversi sitwazzjonijiet li fihom reat jitqies li huwa ta’ natura transnazzjonali.

178    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 3(1) sa (3) tal-ftehim maħsub jinkludi regoli ċari, preċiżi u limitati għal dak li huwa strettament neċessarju.

ii)    Għanijiet oħra

179    L-Artikolu 3(4) tal-ftehim maħsub jippermetti, f’każijiet eċċezzjonali, lill-awtorità Kanadiża kompetenti tipproċessa d-data PNR meta dan ikun neċessarju sabiex tipproteġi l-interessi vitali ta’ kwalunkwe persuna, b’mod partikolari fil-każ ta’ riskju ta’ mewt jew ta’ korriment gravi jew ta’ riskju sinjifikattiv għas-saħħa pubblika, b’mod partikolari kif meħtieġ mill-istandards irrikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(5)(a) u (b) ta’ dan il-ftehim jawtorizza lill-Kanada tipproċessa d-data PNR “fuq bażi ta’ każ b’każ”, għall-finijiet li “tiżgura s-sorveljanza jew ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika” u li “tikkonforma mat-taħrikiet jew mal-mandati ta’ arrest maħruġa minn xi qorti jew mal-ordnijiet li tkun tat”, rispettivament.

180    Peress li l-Artikolu 3(4) tal-ftehim maħsub jillimita għall-protezzjoni tal-interessi vitali tal-persuni l-każijiet li fihom l-awtorità Kanadiża kompetenti tista’, għal finijiet li ma humiex marbuta ma’ dawk li huma inerenti fil-ftehim maħsub u li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, tuża d-data PNR miġbura skont l-imsemmi ftehim, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi b’mod ċar u preċiż il-każijiet li fihom tali użu huwa ammissibbli. Barra minn hekk, sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li l-awtorità Kanadiża kompetenti hija awtorizzata tagħmel dan biss fuq bażi eċċezzjonali, għandu jitqies li l-istess dispożizzjoni tinkludi regoli li huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju.

181    Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-każijiet li fihom, skont l-Artikolu 3(5)(a) u (b) tal-ftehim maħsub, il-Kanada tista’ tipproċessa d-data PNR hija vaga u ġenerali wisq sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa. Ir-regoli stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għalhekk ma jidhrux li huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li l-imsemmi ftehim ifittex li jilħaq.

4)      Fuq l-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-ftehim maħsub

182    Skont l-Artikolu 2(d) tal-ftehim maħsub, l-awtorità Kanadiża kompetenti hija inkarigata li tirċievi u tipproċessa d-data PNR skont dan il-ftehim. Skont l-Artikolu 5 tiegħu, din l-awtorità titqies li tiggarantixxi livell adegwat ta’ protezzjoni fis-sens tad-dritt tal-Unjoni meta tipproċessa u tuża l-imsemmija data. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ħmistax-il paragrafu tal-preambolu tal-imsemmi ftehim, il-Kanada timpenja ruħha sabiex l-imsemmija awtorità tikkonforma ruħha mal-garanziji, stabbiliti fl-istess ftehim, dwar ir-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali.

183    Għalkemm l-identità tal-awtorità Kanadiża kompetenti ma hijiex indikata bħala tali fil-ftehim maħsub, l-Artikolu 30(2)(a) tiegħu jobbliga lill-Kanada tinnotifika din l-identità lill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi ftehim. Għaldaqstant, dan tal-aħħar huwa suffiċjentement ċar u preċiż fir-rigward tal-identità tal-awtorità Kanadiża kompetenti.

184    Barra minn hekk, għandu tabilħaqq jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(1) tal-imsemmi ftehim ma jispeċifikax l-identità tal-“awtoritajiet governattivi oħra fil-Kanada” li lilhom l-awtorità Kanadiża kompetenti hija awtorizzata, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, tiżvela d-data PNR. Madankollu, mill-Artikolu 18(1)(a), (c) u (e) tal-ftehim maħsub jirriżulta ċar li d-data PNR tista’ tiġi kkomunikata biss lil awtoritajiet “li l-funzjonijiet tagħhom ikunu relatati direttament mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3”, meta l-komunikazzjoni tkun “neċessarja għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3” u bil-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet joffru “protezzjoni li tkun ekwivalenti għas-salvagwardji deskritt f’dan il-Ftehim”.

185    Sa fejn diversi dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub, jiġifieri l-Artikolu 3(5), l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 8(3) sa (5), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 16 u l-Artikolu 17 ta’ dan il-ftehim, jindikaw il-“Kanada” bħala l-entità responsabbli għall-ipproċessar tad-data PNR previst minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-imsemmi ftehim għandu jinftiehem li jindika jew l-awtorità Kanadiża kompetenti, jew l-awtoritajiet previsti fl-Artikolu 18 tiegħu. Interpretati f’dan is-sens, l-Artikolu 3(5), l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 8(3) sa (5), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 16 u l-Artikolu 17 tal-ftehim maħsub jistgħu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

5)      Fuq il-passiġġieri tal-ajru kkonċernati

186    Il-ftehim maħsub ikopri d-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha li jtiru bejn l-Unjoni u l-Kanada. It-trasferiment ta’ din id-data lejn il-Kanada sseħħ indipendentement minn kwalunkwe element oġġettiv li jippermetti li jitqies li l-passiġġieri jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika fil-Kanada.

187    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punti 152 u 169 ta’ din l-opinjoni, id-data PNR hija intiża, b’mod partikolari, li tiġi suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat. Issa, kif sostnew diversi intervenjenti, dan l-ipproċessar ifittex li jidentifika r-riskju għas-sigurtà pubblika li jistgħu eventwalment jippreżentaw persuni li, f’dak l-istadju, ma jkunux magħrufa mid-dipartimenti kompetenti u li, minħabba f’dan ir-riskju, jistgħu jiġu suġġetti għal eżami bir-reqqa. F’dan ir-rigward, l-ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data, qabel il-wasla tal-passiġġieri fil-Kanada, jiffaċilita u jħaffef il-kontrolli ta’ sigurtà, b’mod partikolari fil-fruntieri. Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni, jew ta’ ċerti żoni ta’ oriġini, tkun ta’ natura li timpedixxi li jintlaħaq l-għan tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR, jiġifieri l-identifikazzjoni, permezz ta’ verifika ta’ din id-data, tal-persuni li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika fost il-passiġġieri tal-ajru kollha, u li tippermetti li tiġi evitata din il-verifika.

188    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li għalih irreferew b’mod partikolari l-Kunsill u l-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-passiġġieri tal-ajru kollha għandhom, mad-dħul fit-territorju ta’ Stat kontraenti, ġewwa dan it-territorju u mal-ħruġ minnu, josservaw il-liġijiet u r-regolamenti ta’ dan l-Istat kontraenti dwar id-dħul tal-passiġġieri tal-ajru fit-territorju tiegħu jew dwar il-ħruġ tagħhom minnu. Għalhekk, il-passiġġieri tal-ajru kollha li jkunu jixtiequ jidħlu fil-Kanada jew joħorġu minn dan il-pajjiż huma suġġetti, abbażi ta’ dan l-artikolu, għall-kontrolli fil-fruntieri u huma obbligati josservaw il-kundizzjonijiet għad-dħul u għall-ħruġ stabbiliti mid-dritt Kanadiż fis-seħħ. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 152 u 187 ta’ din l-opinjoni, l-identifikazzjoni, permezz tad-data PNR, tal-passiġġieri li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika tifforma parti mill-kontrolli fil-fruntieri. Konsegwentement, peress li huma suġġetti għal dawn il-kontrolli, il-passiġġieri tal-ajru li jkunu jixtiequ jidħlu u jwettqu soġġorn fil-Kanada huma suġġetti, minħabba n-natura nfisha ta’ din il-miżura, għall-verifika tad-data PNR tagħhom.

189    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-ftehim maħsub jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju sa fejn jippermetti t-trasferiment tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha lejn il-Kanada.

6)      Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR

190    Sabiex jiggarantixxi li ż-żamma tad-data PNR ittrasferita, l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-ftehim maħsub u l-użu tal-imsemmija data minnhom jiġu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju, il-ftehim maħsub għandu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 141 ta’ din l-opinjoni, jipprevedi regoli ċari u preċiżi li jindikaw f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet dawn l-awtoritajiet jistgħu jżommuha, ikollhom aċċess għaliha u jużawha.

191    F’dak li jirrigwarda ż-żamma tad-data personali, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha, b’mod partikolari, dejjem tissodisfa kriterji oġġettivi li jistabbilixxu rabta bejn id-data personali li għandha tinżamm u l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 93, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 110).

192    F’dak li jirrigwarda l-użu, minn awtorità, ta’ data personali miżmuma b’mod leġittimu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tillimita ruħha li teżiġi li l-aċċess għall-imsemmija data tissodisfa waħda mill-għanijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżda għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-użu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 117 u 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 171 ta’ din l-opinjoni, il-ftehim maħsub, fl-Artikolu 13 tiegħu, jillimita l-għanijiet tal-użu tad-data PNR mill-awtorità Kanadiża kompetenti, fl-Artikolu 7 tiegħu, jipprevedi klawżola ta’ nondiskriminazzjoni u, fl-Artikolu 15 tiegħu, jinkludi dispożizzjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-Kanada bbażati fuq ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data.

194    Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tal-ftehim maħsub jipprovdi li d-data PNR tista’ tinżamm mill-Kanada għal tul ta’ ħames snin wara li tiġi rċevuta, u l-Artikolu 16(3) ta’ dan il-ftehim jispeċifika li parti minn din id-data għandha tinsatar 30 jum jew sentejn wara din id-data. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħmlux distinzjoni skont il-passiġġieri kkonċernati, huma għalhekk jippermettu ż-żamma tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha.

195    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 16(4) tal-imsemmi ftehim, id-data mistura tista’ tinkixef meta jkun meħtieġ li jitwettqu xi investigazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3 tal-istess ftehim, liema kxif iseħħ, skont il-każ, jew minn għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward, jew bil-permess minn qabel tal-kap tal-awtorità Kanadiża kompetenti jew ta’ uffiċjal anzjan li jkollu mandat speċifiku f’dan ir-rigward minn dan il-kap.

i)      Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR qabel il-wasla tal-passiġġieri tal-ajru, waqt is-soġġorn tagħhom fil-Kanada u mal-ħruġ tagħhom

196    Il-ftehim maħsub għaldaqstant jippermetti, matul il-perijodu kollu ta’ żamma, l-użu tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha għall-finijiet previsti fl-Artikolu 3 tiegħu.

197    Issa, f’dak li jirrigwarda ż-żamma tad-data PNR u l-użu tagħha sal-ħruġ tal-passiġġieri tal-ajru mill-Kanada, għandu jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar jippermettu, b’mod partikolari, li jiġu ffaċilitati l-kontrolli ta’ sigurtà kif ukoll il-kontrolli fil-fruntieri. Iż-żamma u l-użu tagħha għal dan il-għan ma jippermettux, min-natura tagħhom stess, li jiġu limitati għal ċirku partikolari ta’ passiġġieri tal-ajru u lanqas li jiġu suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ entità amministrattiva indipendenti. Għaldaqstant, u konformement mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 186 sa 188 ta’ din l-opinjoni, għandu jitqies li, sakemm il-passiġġieri tal-ajru jkunu jinsabu fil-Kanada jew ikunu ħerġin minn dan il-pajjiż terz, teżisti r-rabta neċessarja bejn din id-data u l-għan li dan il-ftehim ifittex li jilħaq, b’mod li dan tal-aħħar ma jeċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju minħabba s-sempliċi fatt li jippermetti ż-żamma u l-użu sistematiċi tad-data PNR ta’ dawn il-passiġġieri kollha.

198    Bl-istess mod, l-użu sistematiku tad-data PNR bil-għan li jiġu vverifikati l-affidabbiltà u l-aġġornament tal-mudelli u tal-kriterji stabbiliti minn qabel li fuqhom huwa bbażat l-ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data, kif ġie indikat fil-punt 174 ta’ din l-opinjoni, jew li jiġu ddefiniti mudelli u kriterji ġodda għal dan l-ipproċessar, huwa marbut direttament mal-implementazzjoni tal-kontrolli msemmija fil-punt preċedenti ta’ din l-opinjoni u għalhekk għandu jitqies ukoll li ma jeċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

199    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-soġġorn tal-passiġġieri tal-ajru fil-Kanada u indipendentement mir-riżultat tal-analiżi awtomatizzata tad-data PNR imwettqa qabel il-wasla tagħhom f’dan il-pajjiż terz, jistgħu jseħħu sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità Kanadiża kompetenti jkollha indikazzjonijiet, miġbura matul dan is-soġġorn, li l-użu ta’ din id-data tista’ tirriżulta li tkun neċessarja għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja.

200    Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-użu tad-data PNR fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-passiġġieri tal-ajru, wara verifika tad-data PNR tagħhom, ikunu ġew ammessi għad-dħul fit-territorju ta’ dan il-pajjiż terz, użu tal-imsemmija data waqt is-soġġorn tagħhom fil-Kanada għandu jkun ibbażat fuq ċirkustanzi ġodda li jiġġustifikaw dan l-użu. Għalhekk l-imsemmi użu jeħtieġ, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 141 u 192 ta’ din l-opinjoni, regoli li jipprevedu l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw l-istess użu sabiex, b’mod partikolari, din id-data tiġi protetta mir-riskju ta’ abbuż. Tali regoli għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġu ddefiniti ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-ftehim maħsub ikunu awtorizzati jużawha.

201    F’dan ir-rigward, meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li d-data PNR ta’ passiġġier tal-ajru wieħed jew iktar tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-għan tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja, l-użu ta’ din id-data ma jidhirx li jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

202    Barra minn hekk, sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet stabbiliti fiż-żewġ punti preċedenti, huwa essenzjali li l-użu matul is-soġġorn tal-passiġġieri tal-ajru tad-data PNR miżmuma għandu jkun suġġett, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba mmotivata tal-awtoritajiet kompetenti, imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203    Sa fejn il-ftehim maħsub ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jinsabu fiż-żewġ punti preċedenti, dan il-ftehim ma jiżgurax li l-użu, mill-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-imsemmi ftehim, tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru matul is-soġġorn tagħhom fil-Kanada ser ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

ii)    Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru mill-Kanada

204    Bħala regola ġenerali, il-passiġġieri tal-ajru li jkunu telqu mill-Kanada jkunu ġew suġġetti għal kontrolli mad-dħul u mal-ħruġ minn dan il-pajjiż. Bl-istess mod, id-data PNR tagħhom tkun ġiet ivverifikata qabel il-wasla tagħhom fil-Kanada u, jekk ikun il-każ, waqt is-soġġorn tagħhom u mal-ħruġ tagħhom minn dan il-pajjiż terz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li dawn il-passiġġieri, bħala prinċipju, ma jippreżentawx riskju relatat mat-terroriżmu jew mal-kriminalità transnazzjonali serja, sa fejn la dawn il-kontrolli u dawn il-verifiki u lanqas kwalunkwe ċirkustanza oħra ma jkunu żvelaw l-eżistenza ta’ elementi oġġettivi f’dan is-sens. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li l-passiġġieri tal-ajru kollha li jkunu vvjaġġaw lejn il-Kanada jippreżentaw, wara t-tluq tagħhom minn dan il-pajjiż, riskju ogħla minn persuni oħra li ma jkunux ivvjaġġaw lejn l-imsemmi pajjiż matul l-aħħar ħames snin u li fir-rigward tagħhom il-Kanada għalhekk ma jkollhiex data PNR.

205    Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-passiġġieri tal-ajru li fir-rigward tagħhom ma jkunx ġie identifikat tali riskju mal-wasla tagħhom fil-Kanada u sat-tluq tagħhom minn dawn il-pajjiż terz, ma jidhirx, ladarba jkunu telqu, li teżisti rabta, imqar waħda indiretta, bejn id-data PNR tagħhom u l-għan li ftehim maħsub ifittex li jilħaq, li tiġġustifika ż-żamma ta’ din id-data. Il-kunsiderazzjonijiet imressqa, b’mod partikolari, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażati fuq it-tul ta’ ħajja medja tan-netwerks internazzjonali ta’ kriminalità serja u fuq it-tul u l-kumplessità tal-investigazzjonijet li jirrigwardaw dawn in-netwerks, ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw ħażna kontinwa tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha wara t-tluq tagħhom mill-Kanada għall-finijiet ta’ eventwali aċċess għall-imsemmija data, indipendentement minn kwalunkwe rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 119).

206    Il-ħażna kontinwa tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha wara t-tluq tagħhom mill-Kanada għalhekk ma tidhirx li hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju.

207    Madankollu, sa fejn jiġu identifikati, f’każijiet partikolari, elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li ċerti passiġġieri tal-ajru jistgħu, anki wara tluq tagħhom mill-Kanada, jistgħu jippreżentaw riskju f’termini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, ħażna tad-data PNR tagħhom tidher li hija ammissibbli lil hinn mis-soġġorn tagħhom fil-Kanada (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 108).

208    F’dak li jirrigwarda l-użu tad-data PNR hekk maħżuna, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 201 u 202 ta’ din l-opinjoni, dan għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġu ddefiniti ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet Kanadiżi kompetenti previsti mil-ftehim maħsub jista’ jkollhom aċċess għal din id-data għall-finijiet tal-użu tagħha. Bl-istess mod, dan l-użu għandu, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li d-deċiżjoni tagħhom li tawtorizza l-użu tingħata fuq talba mmotivata ta’ dawn l-awtoritajiet, imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali.

209    F’dak li jirrigwarda t-tul ta’ żamma tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru msemmija fil-punt 207 ta’ din l-opinjoni, għandu jiġi rrilevat li t-tul ġenerali, previst fl-Artikolu 16(1) tal-ftehim maħsub, ġie estiż b’sena u nofs meta mqabbel ma’ dak li kien jinsab fil-ftehim tal-2006. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ammess, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet imressqa, b’mod partikolari, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li jissemmew fil-punt 205 ta’ din l-opinjoni, li t-tul ta’ ħames snin previst fil-punt 16(1) tal-imsemmi ftehim ma jidhirx li jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għal finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja.

210    Fl-aħħar nett, sa fejn, minn naħa, l-Artikolu 9(2) tal-ftehim maħsub, li jipprovdi li l-Kanada għandha żżomm id-data PNR “f’ambjent fiżiku sigur li jkun protett b’kontrolli tal-aċċess”, ifisser li din id-data għandha tinżamm fit-territorju tal-Kanada u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 16(6) ta’ dan il-ftehim, li skontu l-Kanada għandha teqred id-data PNR hekk kif jintemm il-perijodu ta’ żamma ta’ din id-data, għandu jinftiehem li jimponi qerda irreversibbli ta’ din id-data, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

211    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 204 sa 206 u 208 ta’ din l-opinjoni, dan il-ftehim ma jiggarantixxix li ż-żamma u l-użu tad-data PNR mill-awtoritajiet Kanadiżi wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru mill-Kanada huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju.

7)      Fuq l-iżvelar tad-data PNR

i)      Komunikazzjoni tad-data PNR lil awtoritajiet pubbliċi

212    L-Artikoli 18 u 19 tal-ftehim maħsub jippermettu l-komunikazzjoni tad-data PNR mill-awtorità Kanadiża kompetenti lil awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi u lil awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi oħra. Sa fejn, de facto, tali komunikazzjoni tagħti lil dawn l-awtoritajiet aċċess għal din id-data u l-possibbiltà li jużawha, din il-komunikazzjoni għandha tosserva l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-imsemmija data, kif imfakkra fil-punti 200 sa 202 u 208 ta’ din l-opinjoni.

213    F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-komunikazzjoni tad-data PNR lill-awtoritajiet pubbiċi ta’ pajjiżi terzi oħra, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 19(1)(e) tal-ftehim maħsub jagħti setgħa diskrezzjonali lill-awtorità Kanadiża kompetenti sabiex tevalwa l-livell ta’ protezzjoni ggarantit f’dawn il-pajjiżi.

214    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni lejn pajjiż terz jista’ jseħħ biss jekk dan il-pajjiż jiżgura livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali essenzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni. Dan ir-rekwiżit japplika, bl-istess mod, fil-każ tal-komunikazzjoni tad-data PNR mill-Kanada lejn pajjiżi terzi oħra, prevista fl-Artikolu 19 tal-ftehim maħsub, sabiex ma jkunx jista’ jiġri li l-livell ta’ protezzjoni previst minn dan il-ftehim ikun jista’ jiġi evitat permezz ta’ trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi oħra u sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità tal-livell ta’ protezzjoni li joffri d-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 72 u 73). F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali komunikazzjoni teħtieġ l-eżistenza jew ta’ ftehim bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat li jkun ekwivalenti għall-imsemmi ftehim, jew deċiżjoni tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, li tikkonstata li l-imsemmi pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u li tkopri l-awtoritajiet li lejhom ikun previst li jsir it-trasferiment tad-data PNR.

215    Sa fejn l-Artikoli 18 u 19 tal-ftehim maħsub ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fil-punti 212 sa 214 ta’ din l-opinjoni, dan il-ftehim ma jiggarantixxix li l-komunikazzjoni tad-data PNR mill-awtorità Kanadiża kompetenti lil awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi jew lil awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi oħra ser tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju.

ii)    Żvelar tad-data PNR lil individwi

216    L-Artikolu 12(3) tal-ftehim maħsub jippermetti lill-Kanada “tiddivulga [tiżvela] kwalunkwe informazzjoni, sakemm tkun konformi ma’ rekwiżiti u limitazzjonijiet legali raġonevoli [...], fir-rispett dovut tal-interessi leġittimi tal-individwu kkonċernat”. Issa, la n-natura tal-informazzjoni li tista’ tiġi żvelata, la l-benefiċjarji ta’ dan l-iżvelar u lanqas l-użu li ser isir minn din l-informazzjoni ma huma ddefiniti minn dan il-ftehim.

217    Barra minn hekk, il-ftehim maħsub ma jiddefinixxix it-termini “rekwiżiti u limitazzjonijiet legali raġonevoli” u t-termini “interessi leġittimi tal-individwu kkonċernat” u la jeżiġi li l-iżvelar tad-data PNR lil individwu jkun marbut mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja u lanqas li dan l-iżvelar ikun suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ entità amministrattiva indipendenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

3.      Fuq id-drittijiet individwali tal-passiġġieri tal-ajru

218    It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tal-Karta tiggarantixxi li l-persuni li tkun inġabret id-data personali tagħhom għandhom id-dritt ta’ aċċess għal din id-data u d-dritt li jiksbu r-rettifika tagħha.

219    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 7 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, irrikonoxxut minn dan l-artikolu, jimplika li l-persuna kkonċernata tista’ tiżgura ruħha li d-data personali tiġi pproċessata b’mod korrett u leġittimu. Sabiex tkun tista’ twettaq il-verifiki neċessarji, din il-persuna għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-data dwarha li tkun suġġetta għall-ipproċessar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 49).

220    Sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet, il-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu informati bit-trasferiment tad-data PNR tagħhom lejn il-Kanada u bl-użu ta’ din id-data malli din il-komunikazzjoni ma tkunx tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi previsti mill-ftehim maħsub. Fil-fatt, tali informazzjoni hija effettivament neċessarja sabiex tippermetti lill-passiġġieri tal-ajru jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jitolbu aċċess għad-data PNR li tikkonċernahom u, jekk ikun il-każ, li jitolbu r-rettifika tagħha kif ukoll id-dritt tagħhom, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għal rimedju effettiv quddiem qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

a)      Fuq id-dritt għal informazzjoni, għal aċċess u għal rettifika

221    Għalkemm l-Artikoli 12 u 13 tal-ftehim maħsub jistabbilixxu, għall-benefiċċju tal-passiġġieri tal-ajru, dritt ta’ aċċess għad-data PNR tagħhom u dritt li jitolbu l-korrezzjoni tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżiġux li dawn il-passiġġieri jiġu informati bit-trasferiment tad-data PNR tagħhom lejn il-Kanada u bl-użu tagħha.

222    F’dan ir-rigward, dan il-ftehim jillimita ruħu li jipprevedi, fl-Artikolu 11 tiegħu, regola ta’ trasparenza li tobbliga lill-awtorità Kanadiża kompetenti tagħmel disponibbli fuq is-sit internet tagħha ċerta informazzjoni ta’ natura ġenerali dwar it-trasferiment tad-data PNR u l-użu tagħha, u ma jistabbilixxi ebda regola li l-passiġġieri tal-ajru jiġu informati individwalment.

223    Huwa minnu li din ir-regola ta’ trasparenza tippermetti b’mod suffiċjenti li l-passiġġieri tal-ajru jiġu informati kemm bit-trasferiment tad-data PNR tagħhom lejn il-Kanada kif ukoll bl-użu sistematika tagħha msemmi fil-punti 197 u 198 ta’ din l-opinjoni, għall-finijiet tal-kontrolli ta’ sigurtà u tal-kontrolli fil-fruntieri. Min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni ġenerali tal-passiġġieri tal-ajru, prevista fl-Artikolu 11 tal-ftehim maħsub, ma tagħtihomx il-possibbiltà li jkunu jafu jekk id-data tagħhom tkunx intużat, lil hinn minn dawn il-kontrolli, mill-awtorità Kanadiża kompetenti. Għaldaqstant, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti 199 u 207 ta’ din l-opinjoni, li fihom ikun hemm elementi oġġettivi li jiġġustifikaw tali użu u li jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ entità amministrattiva indipendenti, jirriżulta li huwa neċessarju li l-passiġġieri tal-ajru jiġu informati individwalment. Dan japplika wkoll fil-każijiet fejn id-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru tiġi kkomunikata lil awtoritajiet pubbliċi oħra jew lil individwi.

224    Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 220 ta’ din l-opinjoni, tali informazzjoni għandha tingħata biss malli din il-komunikazzjoni ma tkunx tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi previsti mill-ftehim maħsub.

225    L-imsemmi ftehim għalhekk għandu jispeċifika li l-passiġġieri tal-ajru, li d-data PNR tagħhom tkun intużat u nżammet mill-awtorità Kanadiża kompetenti fil-każijiet imsemmija fil-punti 199 u 207 ta’ din l-opinjoni, kif ukoll dawk li d-data tagħhom tkun ġiet ikkomunikata lil awtoritajiet pubbliċi oħra jew lil individwi, għandhom jiġu informati, minn din l-awtorità, b’tali użu u b’tali komunikazzjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din l-opinjoni.

b)      Fuq id-dritt għal rimedju

226    F’dak li jirrigwarda d-dritt tal-passiġġieri tal-ajru għal rimedju, l-Artikolu 14(2) tal-ftehim maħsub jipprovdi li l-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe persuna li tqis li d-drittijiet tagħha nkisru b’deċiżjoni jew b’azzjoni marbuta mad-data PNR tagħha jista’ jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv, konformement mad-dritt Kanadiż, jew kwalunkwe rimedju ieħor, li jista’ jinkludi kumpens.

227    Sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi għal “kwalunkwe individwu li jikkunsidra li d-drittijiet tiegħu nkisru”, hija tkopri l-passiġġieri tal-ajru kollha, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, mir-residenza tagħhom, mid-domiċilju tagħhom jew mill-preżenza tagħhom fil-Kanada. Barra minn hekk, kif osserva l-Kunsill, hija għandha tinftiehem fis-sens li l-passiġġieri tal-ajru għandhom rimedju ġudizzjarju quddiem qorti, kif jeżiġi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, il-fatt li l-Artikolu 14(2) tal-ftehim maħsub jipprovdi li r-“rimedju ġudizzjarju [effettiv]” jista’ jiġi ssupplimentat b’rikors għad-danni ma għandux l-effett li jċaħħad lill-passiġġieri tal-ajru minn tali rimedju effettiv, iżda huwa pjuttost ta’ natura, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 324 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jsaħħaħ il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni kkonċernati.

4.      Fuq is-sorveljanza tal-garanziji fil-qasam tal-protezzjoni tad-data PNR

228    Skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta, l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 8(1) u (2) tagħha għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.

229    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanzija ta’ indipendenza ta’ tali awtorità ta’ superviżjoni, li l-istabbiliment tagħha huwa previst ukoll fl-Artikolu 16(2) TFUE, hija intiża li tiżgura l-effikaċja u l-affidabbiltà tas-superviżjoni tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-għan. L-istabbiliment ta’ awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għalhekk jikkostitwixxi element essenzjali tal-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 25; tat-8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 48, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 41).

230    F’dan il-każ, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-ftehim maħsub jistipula li l-garanziji fil-qasam tal-protezzjoni tad-data għall-finijiet tal-ipproċessar tad-data PNR ser ikunu suġġetti għal sorveljanza minn “awtorità pubblika indipendenti” jew minn “awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi, li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta’ awtonomija”. Sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-imsemmija sorveljanza għandha tiġi eżerċitata minn awtorità indipendenti, hija tikkorrispondi għar-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 8(3) tal-Karta. Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni alternattiva tagħha tidher li tippermetti li l-imsemmija sorveljanza tista’ tiġi żgurata, parzjalment jew kompletament, minn awtorità li ma teżerċitax il-funzjoni tagħha b’indipendenza sħiħa, iżda li tkun suġġetta għal awtorità ta’ tutela, li mingħandha hija tista’ tirċievi istruzzjonijiet, u li għalhekk ma hijiex ħielsa minn kull influwenza esterna li tista’ tiggwida d-deċiżjonijiet tagħha.

231    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 316 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 10 tal-ftehim maħsub ma jiggarantixxix b’mod suffiċjentement ċar u preċiż li l-sorveljanza tal-osservanza tar-regoli previsti minn dan il-ftehim, relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data PNR, ser titwettaq minn awtorità indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta.

IX.    Risposta għat-talba għal opinjoni

232    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li:

1)      id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha tkun ibbażata konġuntament fuq l-Artikolu 16(2) u fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE;

2)      il-ftehim maħsub huwa inkompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta sa fejn ma jeskludix it-trasferiment ta’ data sensittiva mill-Unjoni lejn il-Kanada kif ukoll l-użu u ż-żamma ta’ din id-data;

3)      sabiex ikun kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-ftehim maħsub għandu:

a)      jiddetermina b’mod ċar u preċiż id-data PNR li għandha tiġi ttrasferita mill-Unjoni lejn il-Kanada;

b)      jipprovdi li l-mudelli u l-kriterji użati fil-kuntest tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR ser ikunu speċifiċi u affidabbli kif ukoll nondiskriminatorji; jipprovdi li d-databases użati ser ikunu limitati għal dawk użati mill-Kanada b’rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja;

c)      ħlief fil-kuntest tal-verifiki dwar il-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel li fuqhom huwa bbażat l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR, jissuġġetta l-użu ta’ din id-data mill-awtorità Kanadiża kompetenti matul is-soġġorn tal-passiġġieri tal-ajru fil-Kanada u wara t-tluq tagħhom minn dan il-pajjiż, kif ukoll kwalunkwe komunikazzjoni tal-imsemmija data lil awtoritajiet oħra, għal kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali bbażati fuq kriterji oġġettivi; jissuġġetta dan l-użu u din il-komunikazzjoni, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, li d-deċiżjoni tagħhom li tawtorizza l-użu tingħata fuq talba mmotivata ta’ dawn l-awtoritajiet, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali;

d)      jillimita ż-żamma tad-data PNR wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru għal dik tal-passiġġieri li fir-rigward tagħhom ikun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li jistgħu jippreżentaw riskju f’termini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja;

e)      jissuġġetta l-komunikazzjoni tad-data PNR mill-awtorità Kanadiża kompetenti lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż terz għall-kundizzjoni li jkunu jeżistu jew ftehim bejn l-Unjoni u dan il-pajjiż terz li jkun ekwivalenti għall-ftehim maħsub, jew deċiżjoni tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, li tkopri l-awtoritajiet li lilhom ikun previst li ssir il-komunikazzjoni tad-data PNR;

f)      jipprevedi dritt għall-passiġġieri tal-ajru li jiġu informati individwalment fil-każ ta’ użu ta’ data PNR li tikkonċernahom matul is-soġġorn tagħhom fil-Kanada u wara t-tluq tagħhom minn dan il-pajjiż kif ukoll fil-każ ta’ żvelar ta’ din id-data mill-awtorità Kanadiża kompetenti lil awtoritajiet oħra jew lil individwi, u

g)      jiggarantixxi li s-sorveljanza tar-regoli previsti mill-ftehim maħsub, relatati mal-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru fir-rigward tal-ipproċessar tad-data PNR li tikkonċernahom, tiġi żgurata minn awtorità ta’ superviżjoni indipendenti.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tagħti l-opinjoni segwenti:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri għandha tkun ibbażata konġuntament fuq l-Artikolu 16(2) u fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

2)      Il-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri huwa inkompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn ma jeskludix it-trasferiment ta’ data sensittiva mill-Unjoni Ewropea lejn il-Kanada kif ukoll l-użu u ż-żamma ta’ din id-data.

3)      Sabiex ikun kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri għandu:

a)      jiddetermina b’mod ċar u preċiż id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri li għandha tiġi ttrasferita mill-Unjoni Ewropea lejn il-Kanada;

b)      jipprovdi li l-mudelli u l-kriterji użati fil-kuntest tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri ser ikunu speċifiċi u affidabbli kif ukoll nondiskriminatorji; jipprovdi li d-databases użati ser ikunu limitati għal dawk użati mill-Kanada b’rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja;

c)      ħlief fil-kuntest tal-verifiki dwar il-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel li fuqhom huwa bbażat l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, jissuġġetta l-użu ta’ din id-data mill-awtorità Kanadiża kompetenti matul is-soġġorn tal-passiġġieri tal-ajru fil-Kanada u wara t-tluq tagħhom minn dan il-pajjiż, kif ukoll kwalunkwe komunikazzjoni tal-imsemmija data lil awtoritajiet oħra, għal kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali bbażati fuq kriterji oġġettivi; jissuġġetta dan l-użu u din il-komunikazzjoni, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, li d-deċiżjoni tagħhom li tawtorizza l-użu tingħata fuq talba mmotivata ta’ dawn l-awtoritajiet, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali;

d)      jillimita ż-żamma tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru għal dik tal-passiġġieri li fir-rigward tagħhom ikun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li jistgħu jippreżentaw riskju f’termini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja;

e)      jissuġġetta l-komunikazzjoni tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri mill-awtorità Kanadiża kompetenti lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż terz għall-kundizzjoni li jkunu jeżistu jew ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u dan il-pajjiż terz li jkun ekwivalenti għall-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, jew deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, li tkopri l-awtoritajiet li lilhom ikun previst li ssir il-komunikazzjoni tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri;

f)      jipprevedi dritt għall-passiġġieri tal-ajru li jiġu informati individwalment fil-każ ta’ użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri li tikkonċernahom matul is-soġġorn tagħhom fil-Kanada u wara t-tluq tagħhom minn dan il-pajjiż kif ukoll fil-każ ta’ żvelar ta’ din id-data mill-awtorità Kanadiża kompetenti lil awtoritajiet oħra jew lil individwi, u

g)      jiggarantixxi li s-sorveljanza tar-regoli previsti mill-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, relatati mal-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri li tikkonċernahom, tiġi żgurata minn awtorità ta’ superviżjoni indipendenti.


von Danwitz      Da Cruz Vilaça      Berger

Prechal      Vilaras      Rosas

Levits       Šváby      Jarašiūnas

A. Calot Escobar

 

K. Lenaerts