Language of document : ECLI:EU:C:2007:454

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007 1(1)

Kawża C‑275/06

Productores de Música de España (Promusicae)

vs

Telefónica de España SAU

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo mercantil nº5, Madrid)

“Soċjetà ta’ l-informazzjoni – Dritt ta’ l-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni tad-data – Żvelar ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet (traffic data)”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża turi kif il-ħażna ta’ data għal ċerti finijiet toħloq it-tentazzjoni li din id-data tintuża għal skopijiet ulterjuri. Fi Spanja, il-fornituri ta’ aċċess għall-Internet huma obbligati jaħżnu data dwar l-utenti individwali sabiex, jekk ikun meħtieġ, din tkun tista’ tintuża fil-kuntest ta’ inkjesta kriminali jew għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika u tad-difiża nazzjonali. F’dan il-każ, assoċjazzjoni ta’ detenturi ta’ drittijiet ta’ l-awtur tixtieq tuża din id-data bil-għan li tidentifika l-utenti li jiksru dawn id-drittijiet permezz ta’ skambju ta’ fajls.

2.        Hija għal din ir-raġuni li l-qorti tar-rinviju tixtieq tifhem preċiżament jekk id-dritt Komunitarju jawtorizzax, jew inkella jeħtieġx, l-iżvelar ta’ data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Hija titlaq mill-prinċipju li diversi direttivi dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u dwar is-soċjetà ta’ l-informazzjoni jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet korrispondenti d-dritt li jeżiġu li l-fornituri ta’ servizzi elettroniċi jibgħatulhom din id-data jekk tkun ta’ natura li turi ksur tad-drittijiet protetti.

3.        Madankollu, fil-paġni li ġejjin jiena ser nuri li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni tad-data fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika jawtorizzaw it-trażmissjoni ta’ data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti biss, u ma jippermettux żvelar dirett lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ l-awtur li jkunu jixtiequ jressqu kawża ċivili minħabba l-ksur tad-drittijiet tagħhom.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-kuntest ġuridiku Komunitarju

4.        F’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet li huma rilevanti huma dawk dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-kummerċ elettroniku kif ukoll, b’mod partikolari, dawk dwar il-protezzjoni tad-data.

1.      Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni

5.        L-ewwel strument ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni li għandu jissemma huwa d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (2).

6.        L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2000/31 jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Skond l-Artikolu 1(5)(b), id-Direttiva mhijiex applikabbli għal “kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni koperti bid-Direttivi 95/46/KE u 97/66/KE” (3).

7.        L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2000/31 jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi [tas-] soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma”.

8.        L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/31 huwa fformulat f’dawn it-termini:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli permezz ta’ liġi nazzjonali li tikkonċerna l-attivitajiet ta’ servizz [tas-]soċjetà ta’ l-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri, inklużi miżuri interim, intiżi biex iwaqqfu il-ksur allegat u ma jħallux iktar xkiel għall-interessi involuti.”

9.        Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (4) tinkludi regoli partikolari dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fil-kummerċ elettroniku. Jiena nirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 8 bit-titolu “Sanzjonijiet u Rimedji”:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u di[s]wa[ż]ivi.

(2)      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

(3) […].”

10.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29 jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’dan il-mod:

“Din id-Direttiva għ[a]ndha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar drittijiet ta’ privattivi partikolari, trade marks, drittijiet ta’ disinni, mudelli ta’ utilità, topografiji ta’ prodotti ta’ semikondutturi, type faces, aċċess kondizzjonat, aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir, protezzjoni ta’ teżori nazzjonali, ħtiġ[ij]iet ta’ depożiti legali, liġijiet dwar prattiċi restrittivi u kompetizzjoni inġusta, sigrieti professjonali, sigurtà, kunfidenz[j]alità, protezzjoni u privatezza ta’ data, aċċess għal dokumenti pubbliċi, il-liġi tal-kuntratt.”

11.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (5) jistabbilixxi dritt għal informazzjoni partikolari favur id-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u propor[z]jonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni [dwar] l-oriġini u [n-netwerks] tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għand[ha] [t]kun [i]pprovdut[a] mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

[…]

(ċ)      instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati [f’]attivitajiet li jikkontravjenu;

[…]

2.      L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, [tinkludi]:

(a)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll [...] il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

(b)      […]

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

(a) – (d) […] jew

(e)      [jirregolaw] il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew [l-ip]proċessar tad-data personali.”

12.      Skond l-Artikolu 2(3) tagħha, id-Direttiva 2004/48 ma taffettwax:

“(a)  id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li [jirregolaw] il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 95/46/KE, id-Direttiva 1999/93/KE, jew id-Direttiva 2000/31/KE, in ġenerali u b’mod partikolari [l]-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE;

(b) […]”

2.      Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data

13.      Id-direttiva importanti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data hija d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58/KE, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (6).

14.      Skond l-Artikolu 1(1) tagħha din “tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ ħarsien ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali fis-settur ta’ komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.”

15.      Skond l-Artikolu 1(2) tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippreċiżaw u jikkomplementaw id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (7) għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

16.      L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/58 jiddefinixxi l-kunċett ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet bħala “data pproċessata għall-iskopijiet li ti[nt]bagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elett[r]onika jew biex isir il-kont għaliha”.

17.      L-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku fuq l-Internet huwa suġġett għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 6:

“1. Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat[a] u maħżun[a] mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx iktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2. Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew [li fih tista’ ssir kawża għall-ħlas].

3. – 5. […]

6. Il-paragrafi 1, 2, 3 u 5 għandhom jgħoddu bla preġudizzu għall-possibilità ta’ korpi kompetenti li jiġu informati dwar data dwar it-traffiku skond il-leġislazzjoni applikabbli sabiex jiġu riżolti d-disputi [tilwim], partikolarment disputi [tilwim] dwar interkonnessjoni jew kontijiet.”

18.      Ir-riżerva ta’ l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 imsemmija fl-Artikolu 6(1) tagħha hija fformulata f’dawn it-termini:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislat[t]ivi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislat[t]ivi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

19.      Din ir-riżerva hija spjegata fil-ħdax-il premessa tad-Direttiva:

“(11) Bħad-Direttiva 95/46/KE, din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwe[nt]ement, din id-Direttiva ma taffet[t]wax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, hekk kif interpretati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.”

20.      L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2002/58 jirregola r-relazzjoni tagħha mad-Direttiva 97/66 li kienet fis-seħħ qabilha:

“Id-Direttiva 97/66/KE hija b’dan imħassra mid-data msemmija fl-Artikolu 17(1).

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva.”

21.      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, li jirreferi għalih l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, jipprovdi li:

“1.      Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

(a)       sigurtà nazzjonali;

(b)       difiża;

(ċ)      sigurtà pubblika;

(d)       prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

(e)       interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, [inkluzi] affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-est[i]mi;

(f)       monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk ku[lt]ant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi[jiet] [i]msemmija f’(ċ), (d) u (e);

(g)       il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

22.      Għandu jiġi osservat ukoll li ġie mwaqqaf grupp ta’ ħidma għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ ħidma għall-protezzjoni tad-data”) skond l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46 (8). Dan il-grupp huwa inkarigat li jieħu pożizzjoni dwar kull kwistjoni legali relatata mal-protezzjoni tad-data. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, stabbilit skond l-Artikolu 286 KE u r-Regolament Nru 45/2001 (9), ukoll għandu funzjoni simili.

23.      Finalment, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/24/KE, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temend[a] d-Direttiva 2002/58/KE (10), hija wkoll relevanti għal din il-kawża.

24.      Id-Direttiva 2006/24 tobbliga lill-Istati Membri jżommu, b’mod partikolari, id-data dwar it-traffiku fuq l-Internet u għandha, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 15 tagħha, tiġi trasposta fis-sistemi legali nazzjonali sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru 2007. Iżda, madankollu, din tawtorizza lill-Istati Membri jipposponu ż-żamma tad-data ta’ komunikazzjoni li tikkonċerna l-aċċess għall-Internet bi 18-il xahar. Spanja m’għamlitx użu minn din il-fakultà.

25.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/24 iżid paragrafu 1a fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58:

“Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24/KE [...] għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva.”

26.      L-aċċess għad-data miżmuma b’mod konformi mad-Direttiva 2006/24 huwa rregolat fl-Artikolu 4:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b’mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.”

B –    Il-kuntest ġuridiku Spanjol

27.      Il-qorti tar-rinviju tillimita l-ispjegazzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali essenzjalment għall-Artikolu 12(1) sa (3) tal-Ley 34/2002 de Servicios de la Sociedad de la Información y de Comercio Electrónico (Liġi dwar is-Servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u tal-Kummerċ Elettroniku) tal-11 ta’ Lulju 2002:

“Artikolu 12. Obbligu li tinżamm data dwar it-traffiku fil-qasam tal- komunikazzjoni elettronika

1. L-operaturi ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, il-fornituri ta’ aċċess għal netwerks ta’ telekomunikazzjoni u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna ta’ data għandhom iżommu d-data dwar il-konnessjonijiet u t-traffiku ġġenerati mill-komunikazzjonijiet magħmula matul il-prestazzjoni ta’ servizz tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni għal perijodu massimu ta’ 12-il xahar skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fir-regoli adottati għall-implementazzjoni tiegħu.

2. […] L-operaturi ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-fornituri ta’ servizzi msemmija f’dan l-Artikolu ma jistgħux jużaw id-data miżmuma għal skopijiet oħrajn għajr dawk indikati fil-paragrafu li ġej jew dawk awtorizzati mil-liġi, u għandhom jadottaw miżuri ta’ sigurtà xierqa sabiex jevitaw li din id-data tintilef jew tiġi mibdula kif ukoll sabiex jevitaw kull aċċess mhux awtorizzat għal din id-data.

3. Id-data għandha tinżamm bil-għan li tkun tista’ tintuża fil-kuntest ta’ inkjesti kriminali jew sabiex jiġu mħarsa s-sigurtà pubblika u d-difiża nazzjonali u għandha titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-qrati jew tribunali jew tal-prosekutur pubbliku fuq talba tagħhom. Din id-data m’għandhiex tingħata lill-forzi ta’ l-ordni ħlief b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni tad-data personali.”

28.      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-ksur ta’ dritt ta’ l-awtur mhuwiex ippenalizzat fi Spanja ħlief jekk il-fatti jkunu mwettqa bi skop ta’ qligħ (11).

III –  Il-kuntest tekniku, il-fatti u l-kawża prinċipali

29.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem “Promusicae”, qasir għal Productores de Música de España) hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tiġbor fi ħdanha produtturi u edituri ta’ reġistrazzjonijiet mużikali kif ukoll reġistrazzjonijiet awdjoviżivi, essenzjalment mużikali. Hija ressqet rikors bil-għan li fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, Telefónica de España SAU, jiġi ordnat jiżvela l-identità u l-indirizz ta’ ċerti utenti ta’ l-Internet. Promusicae identifikat lil dawn il-persuni permezz ta’ ’l hekk imsejħa indirizzi IP tagħhom, peress li taf il-ġurnata u l-ħin meta użawhom.

30.      L-indirizz IP huwa format ta’ indirizz diġitali, simili għal numru tat-telefon, li jippermetti lill-apparat imqabbad man-netwerk, bħal servers Web, servers tal-posta elettronika u kompjuters personali, jikkomunika ma’ l-Internet. B’hekk, bħala eżempju, is-server li fuqu jinstabu l-paġni tal-websajt tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu l-indirizz IP 147.67.243.28 (12). Meta utent jidħol fuq websajt, l-indirizz tal-kompjuter tiegħu jiġi kkomunikat lill-kompjuter li fuqu tkun maħżuna l-paġna, sabiex id-data tkun tista’ tiġi ttrasferita minn kompjuter għal ieħor permezz ta’ l-Internet.

31.      Bl-istess mod bħal ma jseħħ fil-każ ta’ konnessjoni ma’ netwerk telefonika, jistgħu jiġu assenjati indirizzi IP fissi lil utenti privati għall-komunikazzjoni tagħhom ma’ l-Internet. Iżda dan il-metodu huwa pjuttost rari, peress li l-Internet huwa attwalment organizzat b’tali mod li kull fornitur ta’ aċċess jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu numru limitat ta’ indirizzi (13). Huwa għalhekk li ġeneralment jintużaw indirizzi IP dinamiċi, kif huwa l-każ f’din il-kawża, li jfisser li l-fornitur ta’ aċċess jagħti lill-klijenti tiegħu indirizz ad hoc għal kull aċċess minn fost l-indirizzi għad-dispożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, min-natura tiegħu stess, kull indirizz jista’ jinbidel ma’ kull konnessjoni.

32.      Promusicae indikat li hija identifikat serje sħiħa ta’ indirizzi IP li ntużaw f’mumenti partikolari għal skambji ta’ fajls mużikali filesharing, li d-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet ta’ użu korrispondenti jappartjenu lill-membri tagħha.

33.      Il-filesharing huwa forma ta’ skambju ta’ fajls, per eżempju, ta’ siltiet tal-mużika jew films. L-utenti l-ewwel jikkopjaw il-fajls fuq il-kompjuter tagħhom u mbagħad joffruhom lil kull min ikun mqabbad magħhom permezz ta’ l-Internet u bi programm partikolari, f’dan il-każ, il-programm Kazaa. Matul din l-operazzjoni, normalment(14) jintuża l-indirizz IP ta’ dak li joffri l-fajl ta’ ħaddieħor għall-konsultazzjoni u li għalhekk jista’ jiġi identifikat.

34.      Sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra dawn l-utenti, Promusicae teżiġi li l-fornitur ta’ aċċess ikkonċernat, Telefónica, jgħaddilha d-dettalji ta’ l-utenti li kienu ġew attribwiti l-indirizzi IP identifikati minnha fil-ħinijiet li hija tindika. Telefónica hija, fil-fatt, f’pożizzjoni li tidentifika kull konnessjoni użata peress li hija żżomm, anki wara t-tmiem ta’ din il-konnessjoni, id-dettalji ta’ kull min tkun tagħtu indirizz IP partikolari kif ukoll il-ħin.

35.      Il-qorti tar-rinviju, fl-ewwel deċiżjoni tagħha, ordnat lil Telefónica sabiex tipprovdi l-informazzjoni mitluba. Telefónica madankollu oġġezzjonat għal din l-ordni fuq il-bażi li l-Artikolu 12 tal-Ley de Servicios de la Sociedad de la Información y de Comercio Electrónico jipprojbixxiha milli tipprovdi informazzjoni lill-qorti. L-operaturi ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika kif ukoll il-fornituri ta’ servizzi ma jistgħux jagħtu informazzjoni dwar id-data li huma obbligati li jżommu bil-liġi ħlief fil-kuntest ta’ inkjesta kriminali jew għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika u tad-difiża nazzjonali.

36.      Il-qorti tar-rinviju, għalkemm taċċetta li din l-interpretazzjoni tista’ tkun korretta skond il-liġi Spanjola, madankollu hija tal-fehma li d-dispożizzjoni in kwistjoni hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. Din hija r-raġuni li għaliha hija għamlet din id-domanda preliminari lill- Qorti tal-Ġustizzja:

Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari, l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea jippermettu lill-Istati Membri li jillimitaw l-obbligu li għandhom l-operaturi ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, il-fornituri ta’ aċċess għal netwerks tat-telekomunikazzjoni u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna ta’ data li jżommu u jagħmlu disponibbli d-data dwar konnessjoni u traffiku ġġenerati mill-komunikazzjonijiet stabbiliti matul il-prestazzjoni ta’ servizz tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni għall-kuntest ta’ inkjesta kriminali jew għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika u tad-difiża nazzjonali, u għaldaqstant li jkunu esklużi proċeduri ċivili?

37.      Fil-proċedura pparteċipaw Promusicae, Telefónica, il-Finlandja, l-Italja, is-Slovenja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni. Il-grupp ta’ ħidma għall-protezzjoni tad-data (15) kif ukoll il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ma ppreżentawx osservazzjonijiet, b’mod partikolari peress li l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix intervent min-naħa tagħhom. Madankollu, peress li dawn jistgħu jagħtu kontribut importanti għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mad-dritt dwar il-protezzjoni tad-data, jiena tajt attenzjoni partikolari lill-pożizzjonijiet li huma esprimew u ppubblikaw fir-rigward tal-kwistjoni mqajma f’din il-kawża.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk huwiex kompatibbli mad-direttivi ċċitati mill-qorti tar-rinviju li l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet jiġi limitat għall-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji u proċeduri oħra simili, filwaqt li jiġu esklużi l-proċeduri taħt id-dritt ċivili.

39.      Il-qorti tar-rinviju tqis li hemm kontradizzjoni bejn id-dritt Spanjol u d-dritt Komunitarju, iżda hija tinjora l-fatt li d-dispożizzjoni tad-dritt Spanjol in kwistjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58 u fil-biċċa l-kbira tuża l-istess termini tiegħu. Din id-Direttiva fiha regoli dwar il-protezzjoni tad-data fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u b’hekk tikkompleta d-Direttiva 95/46 permezz ta’ regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data.

40.      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat, tenut kont tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, jekk huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju li l-fornituri ta’ aċċess għall-Internet jiġu pprojbiti milli jidentifikaw id-detenturi ta’ ċerti linji ta’ abbonament b’tali mod li jkunu jistgħu jinfetħu proċeduri ċivili għal ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba

41.      Wieħed jista’ jimmaġina li jkun hemm dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari u l-bżonn għall-qorti nazzjonali li tikseb risposta għad-domanda li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja (16). Direttiva ma tistax, fiha nnifisha, toħloq obbligi għal individwu (17). Jekk id-dritt Spanjol jopponi b’mod inkontestabbli għal kull tqassim tad-data in kwistjoni, l-interpretazzjoni tad-Direttivi mitluba mill-qorti tar-rinviju ma jistax ikollha l-effett li tobbliga lil Telefónica sabiex tikkomunika din id-data. Madankollu, fid-dawl ta’ l-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, mhuwiex eskluż li d-dritt Spanjol jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mad-Direttivi. Sakemm tkun teżisti din il-possibilità, domanda preliminari bħal dik li ġiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma tistax titqies li mhijiex indispensabbli għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali (18).

B –    Fuq ir-relazzjoni bejn id-diversi Direttivi

42.      Uħud mill-partijiet u intervenjenti fl-osservazzjonijiet tagħhom jikkonċentraw – kważi esklużivament – fuq l-interpretazzjoni tad-Direttivi ċċitati mill-qorti tar-rinviju. Filwaqt li jagħmlu dan, huma jisħqu regolarment fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni effettiva kontra l-ksur tad-dritt ta’ l-awtur. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tosserva korrettament li t-tliet Direttivi in kwistjoni ma jirrigwardawx id-dritt dwar il-protezzjoni tad-data.

43.      Skond l-Artikolu 1(5)(b) tad-Direttiva 2000/31 dwar il-kummerċ elettroniku, din ta’ l-aħħar ma tapplikax għal kwistjonijiet relatati mas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li jaqgħu taħt id-Direttiva 95/46 dwar il-protezzjoni tad-data u d-Direttiva 97/66 dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Sadanittant, dik id-Direttiva ġiet sostitwita mid-Direttiva 2002/58 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika.

44.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni jistabbilixxi espressament li d-Direttiva ma taffettwax, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali u r-rispett tal-ħajja privata.

45.      Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 2004/48 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tad-data hija inqas ċara. L-Artikolu 2(3)(a) jipprovdi li din id-Direttiva ma taffettwax id-Direttiva 95/46. Minn dan Promusicae tiddeduċi li d-Direttiva 2002/58, li ma tissemmiex f’dan l-Artikolu, mhijiex applikabbli fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48.

46.      Din il-perspettiva tista’ tinftiehem fis-sens li, b’mod konformi mal-prinċipju lex posterior derogat legi priori, id-Direttiva 2004/48 tipprevali fuq id-Direttiva 2002/58, iżda mhux fuq id-Direttiva 95/46, li hija espressament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, kontra l-argument ta’ Promusicae wieħed jista’ jsostni li skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2002/58 għandha l-għan li tippreċiża u tikkompleta d-Direttiva 95/46, funzjoni li m’għandhiex id-Direttiva 2004/48. Għall-kuntrarju, mit-tieni premessa tagħha jirriżulta li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali li hija tistabbilixxi m’għandhiex tostakola l-protezzjoni tad-data personali, inkluż fuq l-Internet. Madankollu jkun kontradittorju li jiġu esklużi, mingħajr ma jiġu sostitwiti, dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jippreċiżaw u jikkompletaw regoli preċedenti u li jirrigwardaw b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data fuq l-Internet, protezzjoni li ma tistax tiġi ostakolata mill-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li, barra minn hekk, jitkomplew jiġu osservati r-regoli ġenerali. Ikun ferm iktar loġiku li r-riżerva favur id-Direttiva 95/46 tiġi estiza wkoll għad-Direttiva 2002/58.

47.      Għal dak li jirrigwarda d-dritt għall-informazzjoni in kwistjoni f’din il-kawża, kif previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2004/48, il-fatt li, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8(3)(e), dan japplika mingħajr ħsara għal liġijiet u regolamenti oħra li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali, huwa wkoll argument favur din is-soluzzjoni. Il-proposta tal-Kummissjoni ma kinitx għadha poġġiet enfasi espressa fuq il-protezzjoni tad-data kif għamlet id-Direttiva; kien biss matul in-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament li ddaħħlet din l-enfasi fid-Direttiva (19). Id-Direttiva 2002/58 tinkludi preċiżament dispożizzjonijiet bħal dawn u b’hekk, ta’ l-inqas, mhijiex imxejna mid-dritt għall-informazzjoni in kwistjoni previst mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48.

48.      Għandu jiġi osservat fuq bażi kumplimentari li lanqas il-Ftehim TRIPS (20) ma jeħtieġ li d-Direttiva 2004/48 tipprevali fuq il-protezzjoni tad-data. Promusicae ssostni korrettament li l-Artikoli 41 u 42 tal-Ftehim TRIPS jeħtieġu l-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali u tosserva b’mod partikolari l-ħtieġa li wieħed ikollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju. Fi kwalunkwe każ, id-dritt għal informazzjoni kif previst fl-Artikolu 47 tal-Ftehim TRIPS huwa biss direttament fil-konfront tal-persuna li tkun wettqet il-ksur (21). L-Istati kontraenti jistgħu jintroduċu tali dritt iżda, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 47, mhumiex obbligati li jagħmlu dan (22). L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 jestendi l-obbligu ta’ informazzjoni għal terzi, li anki jmur lil hinn minn din il-fakultà. Għaldaqstant, estensjoni bħal din tista’ tkun ristretta mill-protezzjoni tad-data mingħajr ma jkun hemm kunflitt mal-Ftehim TRIPS.

49.      It-tliet Direttivi ċċitati mill-qorti tar-rinviju b’hekk huma suġġetti għad-Direttivi 95/46 u 2002/58 dwar il-protezzjoni tad-data. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu wħud mill-partijiet u intervenjenti, dan ma jfissirx li l-protezzjoni tad-data għandha priorità fuq l-għanijiet ta’ dawn id-Direttivi. Għall-kuntrarju, hawnhekk għandna l-ħolqien ta’ bilanċ bejn il-protezzjoni tad-data u dawn l-għanijiet fil-kuntest tad-Direttivi dwar il-protezzjoni tad-data.

C –    Fuq il-protezzjoni tad-data

50.      Id-Direttiva 2002/58, li fiha dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fil-komunikazzjoni elettronika, u d-Direttiva 95/46, li tirregola l-protezzjoni tad-data b’mod ġenerali, huma importanti għas-soluzzjoni tal-każ li għandna quddiemna. Fi kwalunkwe każ, mill-prinċipju tal-protezzjoni tad-data, li huwa dritt fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi ċerti kriterji importanti għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju.

1.      Fuq l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali fil-protezzjoni tad-data

51.      Il-protezzjoni tad-data hija bbażata fuq id-dritt fundamentali għall-ħajja privata, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li ġiet iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (23). L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (24) (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li ġiet ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000, ikkonferma dan id-dritt fundamentali. L-Artikolu 8 tagħha poġġa enfasi partikolari fuq id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, filwaqt li jfakkar il-prinċipji fundamentali importanti tal-protezzjoni tad-data.

52.      Skond din id-dispożizzjoni, il-komunikazzjoni ta’ data personali lil terza persuna tmur kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, ikun xi jkun l-użu ulterjuri ta’ l-informazzjoni hekk ikkomunikata, u għaldaqstant tikkostitwixxi interferenza fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB (25).

53.      Din l-interferenza tmur kontra l-Artikolu 8 tal-KEDB ħlief jekk tkun “prevista mil-liġi (26). B’mod konformi mal-prinċipju ta’ prevedibbiltà, dispożizzjoni li tippermetti din l-interferenza għandha tkun ifformulata b’mod suffiċjentement preċiż li jippermetti lid-destinatarji tagħha jirregolaw l-aġir tagħhom skond kif meħtieġ (27). Ir-rekwiżit ta’ previdibbiltà huwa espress b’mod partikolari fid-dritt dwar il-protezzjoni tad-data li jeħtieġ li kull proċessar ta’ data jkun marbut ma’ finijiet partikolari, kif jeħtieġ espressament l-Artikolu 8(2) tal-Karta. Dan l-obbligu huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46 li jipprovdi li d-data personali għandha tinġabar għal skopijiet partikolari, espressi u legali, u m’għandhiex tiġi pproċessata ulterjorament b’mod inkompatibbli ma’ dawn l-iskopijiet.

54.      Barra minn hekk, kull interferenza fil-ħajja privata – l-ipproċesar ta’ data personali – għandha tkun konformi mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità fir-rigward ta’ l-għanijiet li jridu jintlaħqu (28). B’hekk, jeħtieġ li jkun hemm ħtieġa soċjali ta’ natura imperattiva u li l-miżura meħuda tkun proporzjonata ma’ l-għan leġittimu li jkun irid jintlaħaq (29).

55.      L-għan leġittimu li jrid jintlaħaq f’din il-kawża huwa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tad-detenturi tad-drittijiet ta’ l-awtur u, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-proprjetà kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva. Skond ġurisprudenza stabbilita dawn iż-żewġ drittijiet fundamentali jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (30), kif inhuwa kkonfermat mill-Artikolu 17 u mill-Artikolu 47 tal-Karta. L-Artikolu 17(2) tal-Karta jenfasizza li l-proprjetà intellettwali wkoll taqa’ taħt il-protezzjoni tad-dritt fundamentali tal-proprjetà (31).

56.      Il-bilanċ bejn il-pożizzjonijiet ikkonċernati f’dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali għandu l-ewwel jiġi stabbilit mil-leġiżlatur Komunitarju, u mbagħad mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. L-Istati Membri madankollu wkoll huma obbligati li jieħdu dawn id-drittijiet fundamentali in kunsiderazzjoni meta jeżerċitaw il-kompetenza regolatorja li jibqgħalhom fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttivi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi u l-qrati ta’ l-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-Direttivi dwar il-protezzjoni tad-data, iżda għandhom jiżguraw li ma jibbażawx fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-Direttivi li tmur kontra d-drittijiet fundamentali protetti mis-sistema legali Komunitarja jew kontra l-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju (32).

2.      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttivi dwar il-protezzjoni tad-data

57.      Id-dritt sekondarju jistabbilixxi b’mod konkret ir-rekwiżiti preliminari għal dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tad-data u jestendihom fuq punt li huwa ugwalment determinanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. Id-direttivi, fil-fatt, ma jipprovdux biss għal obbligu ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data, iżda fl-istess ħin jestendu dak l-obbligu għall-individwi, sakemm ma jkunx proċessar li jkun sar minn persuna fiżika fit-twettiq ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi, kif previst fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 (33). B’hekk il-Komunità twettaq u tikkonkretizza għan ta’ protezzjoni li jirriżulta mid-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data (34).

58.      Il-kawżi ċivili li Promusicae tixtieq tiftaħ minħabba ksur tad-dritt ta’ l-awtur u l-ipproċessar tad-data ta’ konnessjoni minn Telefónica ma jistgħux jitqiesu bħala attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi, kif jirriżulta wkoll, għal dak li jirrigwarda l-ipproċessar ta’ data ta’ konnessjoni, mill-eżistenza tad-Direttiva 2002/58, li ma toħloq ebda eċċezzjoni għall-attivitajiet personali jew domestiċi, iżda li titlaq mill-idea li l-ipproċessar ta’ data personali minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika huwa, bħala prinċipju, suġġett għar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Huwa għalhekk li l-iskambju ta’ tali data bejn impriżi privati mhuwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-Direttiva. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tad-dritt dwar il-protezzjoni tad-data humiex issodisfati f’din il-kawża.

59.      Skond l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva 2002/58 tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fil-Komunità. B’mod konformi ma’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, dawn il-kunċetti huma ddefiniti fid-Direttiva 95/46 jew fid-Direttiva 2002/21 (35).

60.      Il-provvista ta’ aċċess għall-Internet huwa servizz ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/21, jiġifieri servizz normalment ipprovdut bi ħlas li jikkonsisti kompletament jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika.

61.      Li jiġi kkomunikat lil liema utenti ġew assenjati ċerti indirizzi IP jimplika komunikazzjoni ta’ data personali fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, jiġifieri l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli (36). Permezz ta’ din id-data, l-operazzjonijiet imwettqa bl-użu ta’ l-indirizz IP korrispondenti jistgħu jwasslu għall-abbonat tal-konnessjoni.

62.      Il-komunikazzjoni ta’ tali data hija msemmija espressament bħala eżempju ta’ proċessar ta’ data personali fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, jiġifieri bħala eżempju ta’ operazzjoni effettwata bl-għajnuna ta’ proċessi awtomatiċi jew mingħajr dawn il-proċessi.

63.      Fl-istess ħin, l-indirizzi IP ta’ l-utenti, ta’ l-inqas dawk li jingħatawlhom proviżorjament, huma data dwar it-traffiku fuq l-Internet fis-sens ta’ l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/58, jiġifieri data pproċessata bil-għan li tintbagħat komunikazzjoni fuq netwerk ta’ komunikazzjoni elettonika.

3.      Fuq il-projbizzjonijiet ta’ proċessar applikabbli

64.      Skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet testendi wkoll għad-data dwar it-traffiku fuq l-Internet relatat magħha. L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jipprojbixxu lil kull persuna minbarra lill-utenti milli jaħżnu dik id-data mingħajr il-kunsens ta’ l-utent ikkonċernat, ħlief meta dik il-persuna tkun awtorizzata legalment li tagħmel dan b’mod konformi ma’ l-Artikolu 15(1).

65.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58 jindika b’mod ċar, għal dak li jirrigwarda d-data dwar it-traffiku fuq l-Internet użata mill-operaturi ta’ netwerks tal-komunikazzjoni, li din id-data dwar it-traffiku, li tikkonċerna lill-abbonati u lill-utenti, ipproċessata u maħżuna mill-fornitur ta’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni jew ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku għandha titħassar jew tiġi magħmula anonima meta ma tkunx iktar meħtieġa għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni, mingħajr ħsara għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

66.      Kemm il-ħażna kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ data personali dwar it-traffiku li tikkonċerna l-użu ta’ l-Internet għandhom, għaldaqstant, ikunu essenzjalment ipprojbiti.

4.      Fuq l-eċċezzjonijiet għall-projbizzjonijiet ta’ proċessar

67.      Dawn il-projbizzjonijiet ta’ proċessar huma, madankollu, suġġetti għal numru ta’ eċċezzjonijiet, li huma stipulati fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58.

a)      Fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2), (3) u (5) tad-Direttiva 2002/58

68.      L-eċċezzjonijiet indikati espressament fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58, jiġifieri dawk li jinsabu fl-Artikolu 6(2), (3) u (5), ma jikkostitwixxux bażi xierqa li tippermetti deroga mill-projbizzjoni ta’ proċessar stabbilita fil-paragrafu 1 billi Promusicae tingħata d-data li talbet.

69.      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2002/58 jawtorizza, bħala deroga, l-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku li tkun meħtieġ sabiex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni. Diġà jidher dubjuż kemm din l-eċċezzjoni tippermetti li jiġu rreġistrati d-dettalji ta’ utenti li jingħatalhom indirizz IP dinamiku u l-ħin meta sar dan. Normalment mhuwiex neċessarju li wieħed ikollu din l-informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu kkalkulati l-ħlasijiet dovuti lill-fornitur ta’ aċċess. Il-proċeduri normali sabiex isiru l-kontijiet huma normalment ibbażati fuq it-tul ta’ ħin tal-konnessjoni mal-fornitur ta’ aċċess jew fuq il-bażi tal-volum ta’ data skambjata mill-utent, mingħajr ħsara għal każijiet fejn il-kuntratt bejn l-abbonat u l-fornitur ikun jipprovdi għal aċċess illimitat għal ammont fiss. B’hekk, billi mhuwiex neċessarju li jintuża l-indirizz IP biex jinħadmu l-kontijiet, mhuwiex leċitu li dawn jiġu rreġistrati (37).

70.      Indipendentement minn dan, l-Artikolu 6(2) mhuwiex, fi kwalunkwe każ, bażi xierqa li tawtorizza l-komunikazzjoni ta’ data dwar it-traffiku lil terzi persuni li jkunu jixtiequ jieħdu azzjoni kontra l-utent għal ċerti operazzjonijiet imwettqa minnu waqt li kien qed juża dan l-indirizz IP. Dawn il-proċedimenti m’għandhom ebda relazzjoni mal-ħruġ ta’ kontijiet jew il-ħlas ta’ l-interkonnessjonijiet.

71.      Id-deroga prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2002/58 b’hekk mhijiex rilevanti. Din ma tawtorizzax lill-fornitur ta’ aċċess sabiex juża d-data għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi ta’ valur miżjud, ħlief jekk jikseb minn qabel l-awtorizzazzjoni ta’ l-utent.

72.      Finalment, Promusicae ma tistax tibbaża fuq l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2002/58, li jawtorizza lil terzi persuni, li jaġixxu taħt l-awtorità tal-fornituri ta’ netwerks pubbliċi, biex jużaw data dwar it-traffiku għal ċerti finijiet, b’mod partikolari biex jiġu skoperti każijiet ta’ frodi. Id-disa’ u għoxrin premessa tad-Direttiva tippreċiża f’dan ir-rigward li l-prattiċi frawdolenti in kwistjoni jikkonsistu fl-użu tas-servizz ta’ komunikazzjoni mingħajr ma jsir ħlas għalih. F’dan il-każ, Promusicae mhux qed taġixxi taħt l-awtorità ta’ Telefónica u l-ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur mhuwiex prattika frawdolenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

b)      Fuq l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/58

73.      Promusicae tikkunsidra li l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/58 jawtorizza l-komunikazzjoni u l-użu ta’ data dwar it-traffiku meta din tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jinfetħu kawżi ċivili għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur. Skond din id-dispożizzjoni, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu li tingħatalhom id- data dwar it-traffiku fuq l-Internet skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ sabiex jiġi riżolt tilwim, b’mod partikolari, dak dwar interkonnessjoni jew kontijiet.

74.      Promusicae ma tistax tibbaża fuq din id-dispożizzjoni sabiex tikseb id-data dwar it-traffiku, għas-sempliċi raġuni li hija mhijiex korp kompetenti fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim. Lanqas nara raġuni għalfejn id-data dwar it-traffiku in kwistjoni għandha tinbagħat lill-qorti tar-rinviju sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża quddiemha bejn Promusicae u Telefónica. Din il-qorti m’għandhiex bżonn ikollha dik id-data sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar jekk Telefónica għandhiex id-dritt u hijiex obbligata li tikkomunika din id-data lil Promusicae.

75.      Il-fatt li Promusicae titlob il-komunikazzjoni tad-data dwar it-traffiku sabiex tkun tista’ tressaq kawża kontra l-utenti in kwistjoni ma jiġġustifikax l-awtorizzazzjoni ta’ dik il-komunikazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/58.

76.      Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/58 fis-sens li jawtorizza l-komunikazzjoni ta’ data dwar it-traffiku lill-kontroparti sempliċement fuq il-bażi li dik id-data tkun meħtieġa biex tintuża fi proċeduri legali, tkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ prevedibbiltà li għandu jiġi mħares f’każijiet ta’ ġustifikazzjoni legali ta’ interferenzi fil-ħajja privata jew fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, peress li interpretazzjoni bħal din mhijiex sostanzjata mit-test ta’ din id-dispożizzjoni u żżid deroga ġdida, prattikament illimitata, għal dawk diġà previsti fl-Artikolu 6(2), (3) u (5), kif ukoll fl-Artikolu 15(1), derogi li huma msemmija espressament u deskritti b’mod relattivament ċar fl-Artikolu 6(1) (38). It-test ta’ l-Artikolu 6 ma jindikax l-eżistenza tad-deroga l-ġdida għaldaqstant miżjuda lill-utent ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

77.      Barra minn hekk, din l-eċċezzjoni għandha portata estiża wisq u għalhekk ma tistax tiġi meqjusa bħala proporzjonata fir-rigward ta’ l-għanijiet li jridu jintlaħqu. Bħala prinċipju, l-utent għandu dejjem jistenna – u mhux biss f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur – li d-data dwar il-konnessjonijiet tiegħu tintbagħat lil terzi persuni li, għal kwalunkwe raġuni, jkollhom l-intenzjoni li jieħdu azzjoni kontrih. Kawżi ta’ dan it-tip ma jistgħux jitqiesu li huma bbażati fuq ħtieġa soċjali imperattiva fis-sens ta’ l-Artikolu 8 KEDB, kif interpretat mill- Qorti tal-Ġustizzja (39).

78.      Jekk wieħed janalizza r-raġunijiet li għalihom l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58 jawtorizza l-ħażna ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet, jirriżulta b’mod iktar ċar li l-iżvelar ta’ din id-data għandu jkun ristrett. Skond l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46, huma biss ir-raġunijiet ta’ ħażna previsti li jiġġustifikaw l-iżvelar tagħhom. Fil-każ ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet, dawn ir-raġunijiet huma, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, il-ġestjoni tan-netwerk ta’ komunikazzjoni, il-ħruġ ta’ kontijiet u, meta l-utent jagħti l-kunsens tiegħu, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi jew il-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud jew inkella – l-iktar importanti – l-ipproċessar ta’ din id-data bl-awtorità tal-fornituri bil-għan li jiġu ssodisfatti t-talbiet tal-klijentela jew sabiex jinstabu każijiet ta’ frodi fis-sens imsemmi iktar ’il fuq (40). Is-soluzzjoni ta’ kunflitti mhijiex raġuni awtonoma ta’ ħażna ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet, iżda tippermetti biss lill-korpi kompetenti biex jiġu informati dwarha. B’hekk tista’ tapplika biss għal każijiet li jirrigwardaw ir-raġunijiet li għalihom tista’ tinħażen id-data (41). Għaldaqstant, l-użu bħala prova f’kawżi li jistgħu jinfetħu minn terzi persuni mhijiex raġuni li tippermetti l-ħażna tad-data u li tista’ tiġi rrikonoxxuta.

79.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-komunikazzjoni lil Promusicae tad-data dwar it-traffiku fuq l-Internet mitluba minnha ma tistax tiġi bbażata fuq l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/58.

c)      Fuq l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58

80.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ukoll jippermetti restrizzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1). Skond l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, restrizzjoni bħal din għandha tkun meħtieġa sabiex jiġu salvagwardati s-sigurtà ta’ l-Istat, id-difiża nazzjonali, is-sigurtà pubblika kif ukoll il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-użu mhux awtorizzat f’sistema ta’ komunikazzjoni elettronika f’soċjetà demokratika, u barra minn hekk, għandha tkun xierqa u proporzjonata.

81.      L-Ispanja għamlet użu minn dawn id-diżpożizzjonijiet derogatorji sabiex timponi lill-fornituri ta’ aċċess, skond l-Artikolu 12(1) tal-Liġi 34/2002, l-obbligu li jżommu d-data dwar it-traffiku u dwar il-konnessjonijiet. L-iżvelar ta’ din id-data madankollu huwa espressament limitat għal każijiet ta’ inkjesti kriminali, tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika u tad-difiża nazzjonali. Il-liġi tispeċifika formalment li dik id-data ma tistax tiġi kkomunikata għal għanijiet oħrajn.

82.      Jista’ jkun hemm dubji leġittimi dwar kemm huwa kompatibbli mad-drittijiet fundamentali (42) li tinħażen data dwar it-traffiku fuq l-Internet ta’ l-utenti kollha, jiġifieri fi kliem ieħor, li din tinżamm għal użu ulterjuri, anki jekk ma jkunx għad hemm suspett konkret (43). Peress li l-leġiżlazzjoni Spanjola hija kompletament kompatibbli mat-test ta’ l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-ħażna preventiva tista’ tiġi preżunta konformi, ta’ l-inqas għall-finijiet ta’ din il-kawża (44). Min-naħa l-oħra, referenza għad-drittijiet fundamentali tmur lilhinn mill-kuntest stabbilit minn din id-domanda preliminari, li ma tirrigwardax il-validità ta’ l-Artikolu 15(1). Għaldaqstant, nistgħu nippreżumu li l-ħażna ta’ data hija leċita, ta’ l-inqas għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Jista’ jkun li fil-futur ikun meħtieġ li din il-kwistjoni terġa’ tiġi eżaminata fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, li tintroduċi obbligu ta’ ħażna fid-dritt Komunitarju (45). Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li jkun diġà utli li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-ħażna fuq il-bażi tad-domanda preliminari f’din il-kawża, ikun ċertament meħtieġ li jiġi ordnat li terġa’ tinfetaħ il-proċedura orali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’mod konformi ma’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut.

83.      Id-domanda li tqum essenzjalment hawnhekk hija jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermettix li Promusicae tingħata d-data maħżuna li ġiet mitluba minnha. Jekk il-komunikazzjoni tkun awtorizzata skond id-dritt dwar il-protezzjoni tad-data, ikun meħtieġ li jerġa’ jiġi vverifikat jekk id-Direttivi ċċitati mill-qorti tar-rinviju, u mid-detenturi tad-drittijiet ta’ l-awtur protetti f’dan il-kuntest, jeħtiġux li tintuża dik il-possibilità. F’dan il-każ, il-qrati Spanjoli jkunu obbligati li jużaw il-marġni ta’ interpretazzjoni li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom bil-għan li jippermettu din il-komunikazzjoni (46).

84.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 isemmi espressament żewġ tipi ta’ raġunijiet għal deroga, li huma, minn naħa, fost l-ewwel erba’ każijiet previsti, insibu s-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża nazzjonali, is-sigurtà pubblika, kif ukoll il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirreferi għall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, li jagħti raġunijiet oħrajn għal deroga.

Fuq l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 moqri flimkien ma’ l-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 95/46

85.      L-ewwel bażi li tippermetti li tiġi żvelata d-data in kwistjoni tista’ tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u l-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 95/46, meħuda flimkien. L-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 95/46 jippermetti li tiġi kkomunikata data personali meta jkun meħtieġ li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn. Għall-kuntrarju ta’ raġunijiet oħra ta’ eċċezzjoni li jinsabu fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jinkludix dawn ir-raġunijiet espressament, iżda jawtorizza, fil-verżjoni Ġermaniża, ċerti restrizzjonijiet “b’mod konformi ma’ l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46”.

86.      Jekk wieħed jeżamina din il-frażi fil-verżjoni Ġermaniża b’mod iżolat, tista’ tiġi interpretata bħala referenza għar-raġunijiet kollha ta’ eċċezzjoni li jinsabu fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 (47). Madankollu, din l-interpretazzjoni hija kontradetta mill-fatt li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 stess jispeċifika r-raġunijiet ta’ deroga li jawtorizzaw limitazzjoni “b’mod konformi ma’ l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46”. Dawn ir-raġunijiet jikkorrispondu biss parzjalment għal dawk speċifikati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 u ma fihom ebda eċċezzjoni favur il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-oħrajn li tinsab fil-paragrafu (g) tiegħu. Huwa għalhekk li r-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 ma japplikawx fil-kuntest tal-komunikazzjoni elettronika ħlief safejn jissemmew speċifikament fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

87.      Din id-dispożizzjoni tirriżulta b’mod iktar ċar fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra apparti l-verżjoni Ġermaniża. Minflok l-ambigwità tat-terminu “gemäß” bil-Ġermaniż, dawn ippreferew forma bħal “kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46” (48). Formulazzjoni bħal din hija bbażata fuq deċiżjoni maħsuba li ttieħdet matul il-proċess leġiżlattiv. Fil-fatt, matul l-ewwel adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni – li dak iż-żmien kienet id-Direttiva 97/66 –, il-Kunsill, kif tindika l-Kummissjoni, ma kienx aċċetta li jiġu adottati r-raġunijiet kollha ta’ deroga elenkati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, u għażel pjuttost il-leġiżlazzjoni differenti li għandna llum (49).

88.      Il-fatt li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 huwa iktar speċjalizzat meta mqabbel ma’ l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 huwa wkoll argument favur dik is-soluzzjoni (50). Dan ta’ l-aħħar japplika għal kull data personali, indipendentement mill-kuntest li fih tinġabar. Għalhekk għandu portata relattivament ġenerali peress li jista’ japplika għal għadd ta’ sitwazzjonijiet ferm differenti (51). L-ewwel minn dawn iż-żewġ artikoli, min-naħa l-oħra, jirrigwarda b’mod speċifiku d-data personali li tinġabar fil-kuntest tal-komunikazzjoni elettronika u għalhekk huwa bbażat fuq evalwazzjoni relattivament preċiża ta’ l-intensità li biha komunikazzjoni ta’ data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet tikser dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data.

89.      Għaldaqstant, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn prevista fl-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 95/46 ma tistax tiġġustifika l-komunikazzjoni ta’ data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet.

Fuq l-użu mhux awtorizzat ta’ sistema ta’ komunikazzjoni elettronika

90.      Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-użu mhux awtorizzat ta’ sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, li huwa l-ħames każ previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jistax jiġġustifika l-komunikazzjoni ta’ data personali.

91.      Il-kunċett ta’ użu mhux awtorizzat ta’ sistema ta’ komunikazzjoni elettronika jippermetti essenzjalment żewġ interpretazzjonijiet f’dak li jirrigwarda t-tip ta’ aġir li jaqa’ taħt il-kunċett, jiġifieri l-użu għal finijiet illeċiti jew l-użu mhux konformi mas-sistema. Għalkemm huwa ċar li l-ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur huwa fini illeċita, dan madankollu jista’ jiġi mwettaq permezz ta’ użu tas-sistema li jkun konformi ma’ l-iskop tagħha, jiġifieri t-tniżżil ta’ data li toriġina minn kompjuters oħrajn imqabbda ma’ l-Internet. Sabiex wieħed ikun ħati ta’ tali ksur mhuwiex neċessarju li jimmanipula s-sistema ta’ komunikazzjoni – b’mod inkompatibbli magħha – billi per eżempju jikseb passwords ta’ kompjuters ta’ ħaddieħor jew billi jivvinta identità falza (52).

92.      Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirrigwarda l-użu mhux konformi mas-sistema li jpoġġi fil-perikolu l-integrità jew is-sigurtà tagħha, kif jirriżulta wkoll mill-istorja ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan il-kunċett ġie inkluż fir-Regolament 97/66 sabiex jiġi ggarantit l-użu korrett tal-frekwenzi.

93.      Din l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ użu mhux awtorizzat tikkorrispondi għar-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet li hija protetta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58. Ġeneralment mhuwiex possibbli li jiġi kkonstatat li s-sistema ntużat għal finijiet illeċiti ħlief jekk wieħed jissorvelja l-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

94.      Minkejja li l-Artikolu 15(1) jippermetti wkoll li ssir deroga mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, huwa minnu wkoll li r-raġunijiet l-oħra ta’ eċċezzjoni speċifikati espressament jkunu superfluwi u jitilfu l-effett utli tagħhom peress li l-attakki kontra s-sigurtà nazzjonali, id-difiża nazzjonali jew is-sigurtà pubblika, kif ukoll ir-reati kriminali mwettqa permezz ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni elettronika, huma ġeneralment ir-riżultat ta’ intenzjoni illeċita.

95.      Barra minn hekk, eċċezzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa favur il-komunikazzjoni għal finijiet illeċiti tista’ tirriżulta pjuttost imprevedibbli fl-applikazzjoni tagħha, b’mod li dik l-eċċezzjoni ġġib fix-xejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

96.      Mhux biss in-numru ta’ operazzjonijiet ta’ komunikazzjoni illeċiti taħt il-liġi kriminali huwa relattivament għoli, iżda barra minn hekk, il-komunikazzjoni tista’ wkoll tmur kontra xi obbligi li jirriżultaw minn ċerti relazzjonijiet ġuridiċi li mhumiex penalizzati taħt il-liġi kriminali bħal, per eżempju, obbligi li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ xogħol jew obbligi tal-familja. Il-fornitur tas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika jista’ wkoll ma japprovax l-aċċess għal ċerti siti jew għad-distribuzzjoni tal-kontenut tagħhom. B’hekk ikun diffiċli li jiġi identifikat liema minn fost dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi tippermetti l-ħażna u l-iżvelar ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet jew anki tal-kontenut innifsu tal-komunikazzjonijiet. Dan huwa għaliex ir-raġuni għal restrizzjoni, mifhuma f’sens wiesa’, mhijiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà.

97.      Ma’ dan nistgħu nżidu l-fatt li interpretazzjoni wiesgħa ġġib fix-xejn il-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. Sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat b’mod effettiv jekk is-sistemi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jintużawx għal finijiet illeċiti, ikun jeħtieġ li jiġu rreġistrati l-komunikazzjonijiet kollha u li jiġu analizzati fil-fond sabiex jiġi kkontrollat il-kontenut tagħhom. Iċ-ċittadin “taħt sorveljanza” b’hekk isir realtà.

98.      Din hija r-raġuni għalfejn hija preferibbli l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ użu mhux awtorizzat ta’ sistema ta’ komunikazzjoni elettronika jirrigwarda biss l-użu mhux konformi ta’ sistema, u ma jinkludix l-użu għal finijiet illeċiti.

Fuq ir-raġunijiet ta’ eċċezzjoni ta’ l-ewwel erba’ każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58

99.      B’hekk jibqa’ biss, bħala bażi li tista’ tiġġustifika l-komunikazzjoni ta’ data ta’ konnessjoni, l-ewwel erba’ każijiet speċifikati fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali kif ukoll is-salvagwardja tas-sigurtà pubblika.

100. Dawn l-ewwel erba’ każijiet previsti fl-Artikolu 15(1) huma spjegati fil-ħdax-il premessa tal-preambolu tad-Direttiva 2002/58, li jistabbilixxi li l-istess Direttiva ma tapplikax għall-oqsma li mhumiex irregolati mid-dritt Komunitarju, b’mod li din ma tbiddilx il-bilanċ li jeżisti bejn id-dritt tal-persuni għal ħajja privata u l-possibbiltà ta’ l-Istati Membri li jieħdu miżuri bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 15(1) li huma meħtieġa għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, tad-difiża, tas-sigurtà ta’ l-Istat (inkluż il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat fir-rigward ta’ attivitajiet marbuta mas-sigurtà ta’ l-Istat) u għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali.

101. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-attivitajiet in kwistjoni huma attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-Istati u ta’ l-awtoritajiet Statali (53). Għalkemm l-awtoritajiet Statali jistgħu jġiegħlu lill-operaturi privati sabiex jagħtuhom l-appoġġ tagħhom (54), dawn l-eċċezzjonijiet ma jistgħux jinkludu azzjonijiet mill-istess operaturi privati minħabba ksur ta’ liġi. Għal din is-sempliċi raġuni, l-ewwel erba’ każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jawtorizzawx il-komunikazzjoni tad-data ta’ konnessjoni ħlief lill-awtoritajiet pubbliċi, u mhux direttament lil Promusicae (55).

102. Huwa daqstant improbabbli li, f’din il-kawża, ikun possibbli li d-data personali tiġi kkomunikata lil awtoritajiet Statali b’applikazzjoni tar-raba’ każ previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jiġifieri sabiex jiġu żgurati l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Bħal ma spjegat ġustament il-Kummissjoni, dik il-komunikazzjoni tippresupponi li l-ksur tad-dritt ta’ l-awtur allegat minn Promusicae għandu fl-istess ħin jitqies bħala reat kriminali.

103. Id-dritt Komunitarju ma jeskludix il-possibbiltà ta’ sanzjoni penali in kwantu, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/48, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jiddeċiedi jekk u taħt liema forma għandhom jiġi penalizzati l-ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur. Għaldaqstant, huwa possibbli li l-ksur ta’ drittijiet ta’ l-awtur li jitwettaq permezz ta’ l-iskambju ta’ fajls jiġi penalizzat. Madankollu, skond l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, biex dawn l-atti jkunu penalizzati fi Spanja jeħtieġ li min ikun wettaq l-att ikun aġixxa animo lucrandi (56). Ebda prova ta’ animo lucrandi ma ġiet imressqa s’issa.

104. Jeħtieġ li neżaminaw ukoll it-tielet każ previst fost l-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jiġifieri s-salvagwardja tas-sigurtà pubblika. B’mod konformi mal-ġurisprudenza dwar il-libertajiet fundamentali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika ma jistgħux jiġu invokati ħlief f’każijiet ta’ theddida reali u serja, li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà (57).

105. Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur hija interess soċjali li l-Komunità enfasizzat l-importanza tiegħu f’diversi okkażjonijiet. Din hija r-raġuni li għaliha dan l-għan jista’ jitqies bħala interess fundamentali tas-soċjetà, minkejja li l-interess tad-detentur tad-dritt mhuwiex ta’ natura pubblika, iżda ta’ natura privata. Il-filesharing illegali effettivament jikkomprometti l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur.

106. Madankollu, xorta mhuwiex ċar li l-iskambju ta’ fajls bejn persuni privati, b’mod partikolari meta dawn jaġixxu mingħajr skop ta’ qligħ, jikkomprometti l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur b’mod tant serju li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni. Il-kwistjoni dwar il-grad ta’ preġudizzju reali kkawżat mill-iskambju ta’ fajls bejn persuni privati jibqa’, effettivament, punt kontroversjali (58).

107. Mingħajr ħsara għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-leġiżlatur li għandu jevalwa jekk fil-fatt dan huwiex il-każ. B’mod partikolari, meta l-Istati Membri jimponu sanzjoni penali għall-ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur permezz ta’ l-iskambju ta’ fajls bejn individwi, huma jkunu qed jagħmlu evalwazzjoni ta’ dan it-tip. Madankollu, f’dan il-każ, diġà japplika r-raba’ każ previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’mod li ma jkunx meħtieġ li tiġi invokata s-sigurtà pubblika.

108. Il-fatt li tiġi imposta sanzjoni penali huwa, mingħajr dubju, indikazzjoni importanti ta’ theddida suffiċjentement gravi kontra l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur, iżda l-liġi kriminali mhijiex neċessarjament l-unika forma kif il-leġiżlatur jista’ jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu. Huwa jista’ jimplementa b’mod aħjar il-ġudizzju evalwattiv tiegħu billi inizjalment jipprovdi għall-komunikazzjoni tad-data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet unikament bil-għan li jkunu jistgħu jitressqu kawżi ċivili, bil-kundizzjoni ċara li l-protezzjoni tad-data ma tkunx ristretta minħabba l-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur f’każijiet ta’ importanza minuri.

109. Leġiżlazzjoni bħal din għandha tesprimi b’mod ċar biżżejjed, in konformità mal-prinċipju ta’ prevedibbiltà u mal-prinċipju tad-dritt għall-protezzjoni tad-data li kull miżura għandha tkun konformi ma’ l-għan li jrid jintlaħaq, li l-fornituri ta’ aċċess għall-Internet għandhom jirreġistraw u jikkomunikaw id-data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet bil-għan ukoll li jiġu protetti d-drittijiet ta’ l-awtur. Peress li din ir-reġistrazzjoni u din il-komunikazzjoni huma bbażati fuq it-tielet possibilità prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li s-salvagwardja tas-sigurtà pubblika hija kompitu ta’ l-awtoritajiet Statali u li, għaldaqstant, id-data dwar it-traffiku fuq l-Internet ma tistax tiġi żvelata lil detenturi privati ta’ drittijiet mingħajr l-involviment ta’ dawk l-awtoritajiet, per eżempju l-qrati jew l-awtoritajiet ta’ kontroll inkarigati mill-applikazzjoni tad-dritt dwar il-protezzjoni tad-data.

110. Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlatur Komunitarju s’issa għadu ma ħa ebda deċiżjoni korrispondenti li tirrestrinġi l-protezzjoni tad-data b’mod li tippermetti li jitressqu kawżi minħabba ksur tad-dritt ta’ l-awtur. B’mod partikolari, id-direttivi ċċitati mill-qorti tar-rinviju mhumiex rilevanti f’dan il-kuntest peress li, kif diġà għidt(59), dawn ma jirrigwardawx il-protezzjoni tad-data. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għad-dritt ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, li t-termini tiegħu jistgħu jkopru wkoll l-iżvelar ta’ l-utenti ta’ l-Internet. Skond il-paragrafu 3(e) tiegħu, dan l-Artikolu japplika mingħajr ħsara għal liġijiet u regolamenti oħra li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali.

111. Għaldaqstant, ma jkunx konformi mal-prinċipju ta’ prevedibbiltà li minn dawk id-direttivi wieħed jiddeduċi dispożizzjoni li tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet li ma tkunx indikata espressament, peress li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46 jeħtieġ li kull ġbir ta’ data għandu jkun marbut ma’ skopijiet partikolari (60). Id-Direttivi ma fihom lanqas l-iċken indikazzjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet Statali fil-komunikazzjoni ta’ data personali lil detenturi privati.

112. Madankollu, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, it-tielet u r-raba’ każijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermettu, fi kwalunkwe każ, li l-Istati Membri jistabbilixxu li d-data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet Statali b’tali mod li jkunu jistgħu jitressqu kawżi minħabba ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur permezz ta’ l-iskambju ta’ fajls kemm permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi kriminali kif ukoll permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ dawk tal-liġi ċivili. Madankollu, l-Istati Membri mhumiex obbligati li jagħmlu dan.

113. Fir-rigward tal-komunikazzjoni diretta ta’ data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet lid-detenturi tad-drittijiet miksura, din is-soluzzjoni tkun iktar moderata fil-kuntest ta’ din il-kawża u tiggarantixxi fl-istess ħin li l-komunikazzjoni ssir b’mod proporzjonat fir-rigward tal-pożizzjonijiet ġuridiċi protetti.

114. L-involviment ta’ l-awtoritajiet Statali hija soluzzjoni iktar moderata peress li, għall-kuntrarju għall-individwi, dawn huma direttament obbligati jħarsu d-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari huma għandhom dmir li jirrispettaw il-garanziji proċedurali. Barra minn hekk, ġeneralment huma jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li jeżoneraw lill-utent akkużat mill-ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur.

115. Mill-fatt li l-ksur ta’ dritt ta’ l-awtur imwettaq f’mument partikolari jista’ jiġi attribwit għal indirizz IP speċifiku ma jfissirx inkontestabbilment li l-atti in kwistjoni kienu mwettqa mill-persuna abbonata għall-konnessjoni li ġiet attribwita dak l-indirizz f’dak il-mument partikolari. Għall-kuntrarju, huwa possibbli wkoll li persuni oħrajn ikunu użaw il-konnessjoni jew il-kompjuter ta’ dik il-persuna, li jista’ jkun seħħ ukoll mingħajr l-għarfien ta’ dik il-persuna, per eżempju jekk tkun tuża netwerk mingħajr wire li ma jkunx protett biżżejjed biex jiġi evitat aċċess minn ħaddieħor  (61) jew jekk il-kompjuter ikun ġie aċċessat minn terzi persuni fuq l-Internet mingħajr awtorizzazzjoni.

116. Bid-differenza mill-awtoritajiet Statali, id-detenturi tad-drittijiet ta’ l-awtur m’għandhom ebda interess li jieħu ċirkustanzi bħal dawn in kunsiderazzjoni jew biex jiċċarawhom.

117. L-involviment ta’ l-awtoritajiet Statali jippermetti wkoll li tiġi ggarantita b’mod aħjar in-natura proporzjonata tal-komunikazzjoni ta’ data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet.

118. Il-leġiżlatur għandu jipprovdi għall-intervent tagħhom fil-każijiet biss li jkun hemm suspett raġjonevoli ta’ ksur tad-dritt. F’dan ir-rigward ikollu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni u ġestjoni. Għalkemm l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/48 jistabbilixxu li s-sanzjonijiet għandhom ikunu xierqa, effettivi, proporzjonati u disważivi, ma jonqosx li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll l-importanza tal-ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur li jkun ġie mwettaq.

119. Għaldaqstant, il-possibbiltà li tiġi kkomunikata data personali dwar it-traffiku tista’ tiġi ristretta għal każijiet partikolarment serji, bħal per eżempju, atti mwettqa bi skop ta’ qligħ, jiġifieri użu illegali ta’ xogħlijiet protetti li jkunu ta’ theddida serja għall-użu ekonomiku tagħhom mid-detentur tad-dritt. Id-disa’ premessa tal-preambolu tad-Direttiva 2004/48 turi wkoll li l-miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur kontra ksur permezz ta’ l-Internet għandhom preċizament jirrigwardaw każijiet serji. Għalkemm tissemma d-distribuzzjoni ta’ prodotti pirati permezz ta’ l-Internet, kif josserva korrettament il-Gvern tar-Renju Unit, dan isir fil-kuntest tal-kriminalità organizzata.

120. Id-drittijiet fundamentali tal-proprjetà u għal protezzjoni ġuridika effettiva ma jpoġġux fid-dubju din l-evalwazzjoni ta’ proporzjonalità. Id-drittijiet fundamentali jirrikjedu ċertament li d-detenturi tad-drittijiet ta’ l-awtur jingħataw il-possibilità li jiddefendu ruħhom fil-qrati minħabba l-ksur ta’ dawn id-drittijiet. Kuntrarjament għall-kawża Moldovan et vs Ir-Rumanija (62), iċċitata minn Promusicae, din il-kawża ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk hemmx possibbiltà ta’ rimedju jew le, iżda dwar il-mezzi li huma mqegħda għad-dispożizzjoni tad-detenturi tad-drittijiet sabiex ikunu jistgħu juru l-eżistenza ta’ ksur.

121. F’dan ir-rigward, l-obbligu impost fuq l-Istat, li jiġu protetti d-detenturi tad-drittijiet ta’ l-awtur, mhuwiex tali li jirrikjedi li jipprovdilhom mezzi illimitati sabiex ikunu jistgħu jġibu prova tal-ksur tad-drittijiet tagħhom. Għall-kuntrarju, xejn ma jeskludi li ċerti drittijiet ta’ investigazzjoni jkunu rriżervati għall-awtoritajiet pubbliċi jew saħanistra li ma jkunux disponibbli.

5.      Fuq id-Direttiva 2006/24

122. Id-Direttiva 2006/24 ma tippermettix li wieħed jasal għal konklużjoni differenti f’din il-kawża. Minkejja li huwa minnu li, skond dik id-Direttiva, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma japplikax għal data maħżuna skond id-Direttiva 2006/24, id-data in kwistjoni f’din il-kawża ma ġietx irreġistrata b’mod konformi mad-direttiva l-ġdida. Kif spjegat ukoll Promusicae, id-Direttiva b’hekk mhijiex applikabbli ratione temporis.

123. Anki kieku d-Direttiva 2006/24 kienet applikabbli, din ma tippermettix li data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet tiġi kkomunikata direttament lil Promusicae. Skond l-Artikolu 1 tagħha, iż-żamma tad-data tista’ ssir esklużivament għall-finijiet ta’ investigazzjoni, skoperti u prosekuzzjoni ta’ reati serji. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 4, din id-data ma tistax tiġi kkomunikata ħlief lill-awtoritajiet kompetenti.

124. L-uniċi indikazzjonijiet li jistgħu joħorġu mid-Direttiva 2006/24, għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, jirrigwardaw il-ġudizzju evalwattiv li esprima l-leġiżlatur Komunitarju, jiġifieri li s’issa, il-kriminalità serja biss teħtieġ żamma fuq livell Komunitarju ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet u l-użu tad-data.

6.      Konklużjoni dwar il-protezzjoni tad-data

125. Għaldaqstant, fid-dawl tad-Direttiva 2002/58, huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari mad-Direttiva 2000/31, id-Direttiva 2001/29 u d-Direttiva 2004/48, li l-Istati Membri jeskludu l-komunikazzjoni ta’ data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet meta din tkun mitluba sabiex ikunu jistgħu jitressqu kawżi ċivili minħabba ksur tad-drittijiet ta’ l-awtur.

126. Il-jum li fih il-Komunità tqis li huwa neċessarju li tistabbilixxi protezzjoni iktar wiesgħa għad-detenturi tad-drittijiet ta’ l-awtur, ikun meħtieġ li hija temenda d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data. Madankollu, il-leġiżlatur s’issa m’għamel xejn simili. Għall-kuntrarju, meta adotta d-Direttivi 2000/31, 2001/29 u 2004/48, huwa żamm fis-seħħ ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data mingħajr ma emendahom. Bl-istess mod, meta adotta d-Direttivi 2002/58 u 2006/24 li huma iktar speċifiċi għal dan il-qasam, ma qiesx li kien neċessarju li jiġu inklużi restrizzjonijiet għall-protezzjoni tad-data favur il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

127. Id-Direttiva 2006/24 tista’, għall-kuntrarju, ikollha l-effett li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-data fid-dritt Komunitarju f’dak li jirrigwarda kawżi dwar ksur tad-dritt ta’ l-awtur. Fil-fatt, anki fil-proċeduri ta’ inkjesti kriminali, tqum il-kwistjoni dwar safejn huwa kompatibbli mad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data, iggarantit mid-dritt Komunitarju, li d-detenturi li d-drittijiet tagħhom ikunu ġew miksura jitħallew isiru jafu bir-riżultati ta’ l-inkjesta meta dawn ikunu bbażati fuq evalwazzjoni ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet li tkun inżammet skond id-Direttiva 2006/24. S’issa, din il-kwistjoni għadha ma ġietx indirizzata mid-dritt Komunitarju peress li d-Direttivi dwar il-protezzjoni tad-data ma japplikawx għall-proċeduri penali (63). 

V –    Konklużjonijiet

128. Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda preliminari skond kif ġej:

Huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju li l-Istati Membri jeskludu l-komunikazzjoni ta’ data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet meta din tintalab sabiex tkun tista’ titressaq kawża ċivili minħabba ksur tad-dritt ta’ l-awtur.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU L 178, p. 1.


3 – Dawn huma d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, p. 31, u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/66/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjoni, ĠU 1998 L 24, p. 1.


4 – ĠU L 167, p. 10.


5 – ĠU L 157, p. 45. Il-verżjoni użata hawnhekk hija l-verżjoni kkorreġuta ppubblikata fil-ĠU L 195, p. 16.


6 – ĠU L 201, p. 37.


7 – ĠU L 281, p. 31.


8 – Id-dokumenti tal-grupp ta’ ħidma għall-protezzjoni tad-data jistgħu jiġu kkonsultati fuq http://ec.europa.eu.justice_home/fsj/privacy/workinggroup/index_de.htm.


9 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individw[i] fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU 2001 L 8, p. 1).


10 – ĠU L 105, p. 54.


11 – F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal Circular 1/2006, du 5 mayo 2006, sobre los delitos contra la propiedad intelectual e industrial tras la reforma de la Ley Orgánica 15/2003, http://www.fiscal.es/csblob/CIRCULAR%201 2006.doc?blobcol=urldata&blobheader=application%2Fmsword&blobkey=id&blobtable=MungoBlobs&blobwhere=1109248064092&ssbinary=true, p. 37 et seq, tal-Fiscalia General del Estado (Prosekutur Pubbliku Ġenerali ta’ l-Istat).


12 – Skond www.dnsstuff.com.


13 – F’dan ir-rigward ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew –L-Internet tal-ġenerazzjoni l-ġdida: azzjonijiet prijoritarji fil-bidla lejn il-protokoll il-ġdid ta’ l-Internet IPvo, COM (2002) 96.


14 – Teknikament, jidher li huwa possibbli wkoll li wieħed jaħbi l-indirizz IP tiegħu. L-offerti korrispondenti iżda huma bi ħlas jew jaħdmu bil-mod ħafna, jew it-tnejn. Ara l-kontribuzzjoni anonima fuq wikipedia dwar P2P, http://en.wikipedia.org/wiki/Anonymous_p2p kif ukoll, mingħajr referenza għall-filesharing, id-dokument ta’ ħidma WP 37 tal-grupp ta’ ħidma għall-protezzjoni tad-data tal-21 ta’ Novembru 2000, L-Ispazju Privat fuq l-Internet, p. 86 et seq.


15 – Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.


16 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, (C‑3/04, Ġabra 2006, p. I‑2505, punt 14) u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicios (C‑217/05, Ġabra I‑11987, punt 17), kif ukoll in-noti li jinsabu fihom rispettivament.


17 – Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra 2004, p. I‑8835, punt 108) u tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra 2005, p. I‑3565, punt 73).


18 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, Ġabra 2005, p. I‑5285, punti 31 et seq, b’mod l-partikolari, punt 48).


19 – Wieħed jista’ jqabbel l-Artikolu 9(3)(e) tal-proposta tal-Kummissjoni [COM (2003) 46] mad-dispożizzjoni analoga ta’ l-abbozz ikkonsolidat tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2003 (dokument tal-Kunsill 16289/03) u ma’ l-Artikolu 8(3)(e) ta’ l-abbozz emendat mill-Parlament (ĠU 2004 C 102 E, p. 242 et seq), li ġie adottat kif inhu mill-Kunsill.


20 – Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ, li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, approvat f’isem il-Komunità, għal dak li jirrigwarda s-suġġetti li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1984 (ĠU L 336, p. 1). L-akronimu TRIPs ifisser Agreement on Trade-Related Aspects of Intellectual Property Rights.


21 – Fil-verżjoni Ġermaniża, ir-raba’ sentenza ta’ l-Artikolu 42 tal-Ftehim TRIPS tista’ tinftiehem (b’mod żbaljat) fis-sens li protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tipprovdi għal mezz biex tiġi identifikata informazzjoni kunfidenzjali, meta għall-kuntrarju din id-dispożizzjoni għandha tippermetti li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali fil-proċeduri ġudizzjarji meta dan ikun leċitu. Dan jirriżulta b’mod iktar ċar mill-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi (jiġifieri l-verżjoni Ingliża, Franċiża u Spanjola). Ara wkoll fl-istess sens Daniel Gervais, The TRIPS Agreement, Drafting History and Analysis, Londra 2003, p. 291.


22 – Din kienet ukoll il-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-Direttiva 2004/48 (dokument tal-Kunsill 6052/04 tad-9 ta’ Frar 2004, p. 6 et seq).


23 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra 2003, p. I‑4989, punti 73 et seq).


24 – ĠU C 364, p. 1.


25 – Sentenza Österreichischer Rundfunk et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 74).


26 – Sentenza Österreichischer Rundfunk et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 76).


27 – Sentenza Österreichischer Rundfunk et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 77); il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.


28 – Sentenza Österreichischer Rundfunk et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 80).


29 – Sentenza Österreichischer Rundfunk et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 83), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.


30 – Ara, għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-proprjetà, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder (265/87, Ġabra 1989, p. 2237, punt 15); tat-28 ta’ April 1998, Metronome Musik (C‑200/96, Ġabra 1998, p. I‑1953, punt 21) u tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra 2005, p. I‑10423, punt 87). Fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ara s-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra 1986, p. 1651, punti 18 u 19); tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, Ġabra 1987, p. 4097, punt 14); tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, Ġabra 2002, p. I‑6677, punt 39) u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra I‑2271, punt 37).


31 – F’dan is-sens ara s-sentenza Metronome Musik (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 21 u 26) kif ukoll, reċentement, is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-11 ta’ Jannar 2007 fil-kawża Anheuser-Busch Inc. vs Il-Portugall (ilment 73049/01, punt 72).


32 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, Ġabra 2003, p. I‑12971, punt 83).


33 – Ara s-sentenza Lindqvist (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 46 et seq).


34 – Fir-rigward tas-segretezza tal-komunikazzjonijiet telefoniċi, il-Bundesverfassungsgericht Ġermaniż jippresupponi wkoll obbligu ta’ l-Istat li jiżgura protezzjoni u dan fis-sentenzi tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2002 (1 BvR 1611/96 u 1 BvR 805/98, BVerfGE 106, 28 [37], punt 21 tal-verżjoni li tinsab fuq www.bundesverfassungsgericht.de) u tas-27 ta’ Ottubru 2006, (12 BvR 1811/99, Multimedia und Recht 2007, 308, punt 13, tal-verżjoni li tinsab fuq www.bundesverfassungsgericht.de). Madankollu, f’din il-kawża m’għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk, fid-dritt Komunitarju, l-obbligi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data ta’ persuni privati humiex ibbażati fuq obbligu imperattiv ta’ protezzjoni tal-Komunità.


35 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas), ĠU L 108, p. 33.


36 – Safejn id-detenturi ta’ indirizzi IP jistgħu jiġu identifikati minħabba l-fatt li l-fornitur ta’ aċċess għall-Internet ikun irreġistra l-attribuzzjoni li tkun saritilhom, ikun diġà jikkonsisti, meta Promusicae tinterċetta l-indirizzi IP, f’ipproċessar ta’ data personali, jiġifieri operazzjoni li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt dwar il-protezzjoni tad-data; ara s-sentenza tar-Rechtbank ta’ Utrecht tat-12 ta’ Lulju 2005, Brein (194741/KGZA 05-462, Anness 5 fl-osservazzjonijiet ta’ Promusicae, punti 4.24 et seq), id-dokument ta’ ħidma WP 104 tal-grupp ta’ ħidma għall-protezzjoni tad-data tat-18 ta’ Jannar 2005, dokument dwar il-kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data marbuta mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, p. 4, kif ukoll, għal dak li jirrigwarda l-liġi Franċiża, id-deċiżjonijiet (délibérations) tal-Commission Nationale de l’Informatique et des Libertés (CNIL) 2005-235 tat-18 ta’ Ottubru 2005 u 2006-294 tal-21 ta’ Diċembru 2006 (li jinsabu fuq is-sit http://www.legifrance.gouv.fr/WAspad/RechercheExperteCnil.jsp). Fir-reġistru ta’ operazzjonijiet ta’ proċessar iddikjarati ta’ l-Agencia Española de Protección de Datos, https://www.agpd.es/index.php?idSeccion=100, hemm dikjarazzjoni korrispondenti ta’ Promusicae.


37 – Ara f’dan is-sens il-punt 2.8. tal-pożizzjoni tal-grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni tad-data fir-rigward taż-żamma ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet għall-finijiet ta’ ħruġ ta’ kontijiet, WP 69 tad-29 ta’ Jannar 2003.


38 – Ara l-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fid-29 ta’ Jannar 2004 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑350/02, Ġabra 2004, p. I‑6213, punt 71) fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 97/66.


39 – Ara l-punt 54 iktar ’il fuq flimkien man-noti relatati.


40 – Ara l-punt 72 iktar ’il fuq.


41 – F’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni li jiena tajt f’kuntest ieħor fir-rigward tad-“diversità tal-kawżi” fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 81) m’għandhiex tiġi interpretata b’mod eċċessiv.


42 – Ara l-pożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta’ data pproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (COM (2005) 438 finali), ĠU 2005 C 298, p. 1, kif ukoll il-pożizzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma għall-protezzjoni tad-data tal-21 ta’ Ottubru 2005, 4/2005 fuq il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta’ data pproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (COM (2005) 438 finali tal-21 ta’ Settembru 2005) u tal-25 ta’ Marzu 2006, 3/2006 fuq id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/24/KE dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE.


43 – Il-Bundesverfassungsgericht Ġermaniż iqis li tali interferenzi fil-ħajja privata huma partikolarment serji peress li l-individwu m’għandu ebda karatteristika li tiġġustifika interferenza bħal din u peress li, għalkemm jaġixxi b’mod legali, jista’ jħossu intimidat minħabba r-riskji ta’ użu abużiv jew minħabba li jħossu li qed jiġi ssorveljat; ara s-sentenza ta’ l-4 ta’ April 2006 dwar l-investigazzjoni permezz ta’ kontrolli bir-reqqa bl-għajnuna ta’ bażi ta’ data (1 BvR 518/02, Neue Juristische Wochenschrift 2006, 1939 [1944], punt 117 tal-verżjoni li tinsab fuq www.bundesverfassungsgericht.de).


44 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et (C‑408/95, Ġabra 1997, p. I‑6315, punti 33 et seq).


45 – L-Irlanda ppreżentat rikors kontra l-Kunsill u l-Parlament li għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C‑301/06, avviż fil-ĠU 2006 C 237, p. 5). Hija titlob l-annullament tad-Direttiva 2006/24 in kwantu hija bbażata fuq bażi ġuridika żbaljata. Barra minn hekk, ir-rikors ma jirrigwardax il-kwistjoni dwar hekk iż-żamma ta’ data hijiex kompatibbli mad-drittijiet fundamentali.


46 – Ara s-sentenza Lindqvist (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 87).


47 – Huwa għalhekk li, f’Auskunftsansprüche gegenüber Internetzugangsprovidern «vor» dem 2. Korb und «nach» der Enforcement-Richtlinie der EU, Multimedia und Recht 2004, 514 (517 et seq), Christian Cychowski jsostni li t-traspożizzjoni Ġermaniża ta’ din ir-regola derogatorja tippermetti li tiġi kkomunikata data lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ l-awtur dwar it-traffiku fuq l-Internet li tikkonċerna kull min ikun allegatament kiser dawk id-drittijiet.


48 – Fil-fatt il-verżjoni Franċiża tipprovdi “comme le prévoit l-Artikolu 13, paragraphe 1, de la Direttiva 95/46/KE”, il-verżjoni Ingliża “as referred to in Article 13(1) of Directive 95/46/CE” u l-verżjoni Spanjola “a que se hace referencia en el apartado 1 del artículo 13 de la Directiva 95/46/CE”, kull darba wara l-elenkar tad-diversi raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni leċiti.


49 – Ara n-nota 6 ta’ l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


50 – Ulrich Sieber/Frank Michael Höfiger, Drittauskunftsansprüche nach §101a UrhG gegen Internetprovider zur Verfolgung von Urheberrechtsverletzungen, Multimedia und Recht 2004, 575 (582), u Gerald Spindler/Joachim Dorschel, Auskunftsansprüche gegen Internet-Service-Provider, Computer und Recht 2005, 38 (45 et seq).


51 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindqvist (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 83).


52 – L-atti deskritti bħala reati kriminali penalizzati mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/JHA, ta’ l-24 ta’ Frar 2005, dwar attakki kontra sistemi ta’ l-informazzjoni (ĠU L 69, p. 67) ġeneralment jikkostitwixxu użu mhux konformi mas-sistema.


53 – Sentenza Lindqvist (diġà ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 43).


54 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (Kawżi Magħquda C‑317/04 u C‑318/04, Ġabra 2006, p. I‑4721, punt 58).


55 – Skond l-indikazzjonijiet mogħtija minn Promusicae, is-sitwazzjoni li tirriżulta mit-tielet u r-raba’ każijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tikkorrispondi għas-sitwazzjoni ġuridika fi Franza, l-Italja u l-Belġju, fejn il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi li jeżiġu li d-data personali dwar it-traffiku fuq l-Internet tiġi kkomunikata lilhom. Fid-dokument ta’ ħidma tiegħu WP 104 (diġà ċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, p. 4), il-grupp ta’ ħidma għall-protezzjoni tad-data jerġa’ jmur pass ieħor u jillimita l-komunikazzjoni ta’ data ta’ natura personali biss għall-awtoritajiet penali: “fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ kompatibbiltà u konformità mal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità stabbilit fid-Direttivi 2002/58/KE u 95/46/KE, id-data miżmuma mill-fornituri ta’ aċċess għall-Internet għal finijiet speċifiċi, inkluża prinċipalment il-prestazzjoni ta’ servizz ta’ telekomunikazzjoni, ma tistax tiġi ttrasferita lil terzi, bħad-detenturi ta’ drittijiet, ħlief, f’ċirkustanzi partikolari previsti mil-liġi, lill-awtoritajiet ġudizzjarji pubbliċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


56 – Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.


57 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (Kawżi Magħquda C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra 2004, p. I‑5257, punt 66) dwar il-moviment liberu, u ta’ l-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C‑54/99, Ġabra 2000, p. I‑1335, punt 17) dwar il-moviment liberu tal-kapital.


58 – Ara r-rapport DSTI/ICCP/IE(2004)12/FINAL tat-13 ta’ Diċembru 2005 (http://www.oecd.org/dataoecd/13/2/34995041.pdf, p. 76 et seq) lill-grupp ta’ ħidma dwar l-ekonomija ta’ l-informazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD).


59 – Ara l-punti punti 41 et seq iktar ’il fuq.


60 – Ara l-punt 53 iktar ’il fuq.


61 – Ara d-dokument ta’ ħidma ta’ l-International Working Group on Data Protection in Telecommunications tal-15 ta’ April 2004 dwar ir-riskji potenzjali tal-netwerks mingħajr wire, dokument li jinsab bl-Ingliż u bil-Ġermaniż fuq http://www.datenschutz-berlin.de/doc/int/iwgdpt/index.htm. Skond Stefan Dörhöfer, Empirische Untersuchungen zur WLAN-Sicherheit mittels Wardriving, https://pil-old.informatik.uni-mannheim.de.8443/pub/research/theses/diplomarbeit-2006-doerhoefer-pdf, p. 98, prattikament 23 % tan-netwerks kollha ma kinux assolutament protetti fil-Ġermanja fil-mument ta’ l-inkjesta u 60 % ma kinux protetti b’mod suffiċjenti. Dwar il-metodi ta’ skambju, ara Erik Tews, Ralf-Philipp Weinmann und Andrei Pyshkin, Breaking 104 bit WEP in less than 60 seconds, http://eprint.iacr.org/2007/120.pdf.


62 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-12 ta’ Lulju 2005 (ilmenti 41138/98 u 64320/01, punti 118 et seq).


63 – Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (diġà ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 58).