Language of document : ECLI:EU:C:2009:459

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2009 (*)

Werrej

I –  Il‑kuntest ġuridiku

II –  Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

III –  Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza u s‑sentenza appellata

IV –  It‑talbiet tal‑partijiet

V –  L‑aggravji

VI –  Fuq l‑appell

A –  Fuq l‑ewwel aggravju bbażat fuq l‑argument li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza b’mod żbaljat ikkonstatat li kien hemm “ommissjoni” tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 u ddeċidiet li l‑formulazzjoni tal‑imsemmija oġġezzjoni ma kienet tinvolvi “ebda diffikultŕ teknika partikolari”

1.  L‑argumenti tal‑partijiet

2.  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)  Fuq l‑ewwel tliet partijiet tal‑aggravju, ibbażati fuq ksur tar‑res judicata tas‑sentenza Schneider I, fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti u fuq żnaturament tal‑provi

i)  Fuq l‑eżistenza ta’ referenza għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001

ii)  Fuq l‑eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ natura li jostakolaw il‑formulazzjoni tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ b’mod suffiċjentement ċar u preċiż fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001

b)  Fuq ir‑raba’ parti tal‑aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

B –  Fuq it‑tieni motiv ibbażat fuq l‑argument li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li hemm, min‑naħa tal‑Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l‑għan li tikkonferixxi drittijiet lill‑individwi

1.  L‑argumenti tal‑partijiet

2.  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)  Fuq l‑ewwel parti tal‑aggravju, ibbażata fuq żball fil‑kwalifika legali tal‑fatti

b)  Fuq it‑tieni parti tal‑aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

C –  Fuq it‑tielet aggravju bbażat fuq l‑argument li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonstatat b’mod żbaljat li teżisti rabta kawżali diretta bejn in‑nuqqas tal‑Kummissjoni u d‑dannu mġarrab minn Schneider minħabba t‑tnaqqis mogħti fil‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand

1.  L‑argumenti tal‑partijiet

2.  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)  Fuq l‑ammissibbiltà

b)  Fuq il‑mertu

VII –  Fuq il‑konsegwenzi tal‑annullament parzjali tas‑sentenza appellata

A –  Fuq id‑dannu kkostitwit mill‑ispejjeż sostnuti minn Schneider sabiex tipparteċipa fit‑tkomplija tal‑proċedura ta’ kontroll tal‑konċentrazzjoni

B –  Fuq id‑dannu korrispondenti għat‑tnaqqis fil‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand mogħti minn Schneider

VIII –  Fuq l‑ispejjeż

“Appell – Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Deċiżjoni tal‑Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas‑suq komuni – Annullament – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità minħabba l‑illegalità kkonstatata – Kundizzjonijiet”

Fil‑Kawża C‑440/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l‑Artikolu 56 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, ippreżentat fil‑21 ta’ Settembru 2007,

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Petite, F. Arbault, T. Christoforou, R. Lyal u C.‑F. Durand, bħala aġenti, b’indirizz għan‑notifika fil‑Lussemburgu,

appellanti,

il‑partijiet l‑oħra fil‑kawża huma:

Schneider Electric SA, stabbilita f’Rueil‑Maison (Franza), irrappreżentata minn M. Pittie u A. Winckler, avocats,

rikorrenti fl‑ewwel istanza,

Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja,

Ir‑Repubblika Franċiża,

intervenjenti fl‑ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Ó Caoimh u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz‑Jarabo Colomer,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2008,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat‑3 ta’ Frar 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        Permezz tal‑appell tagħha, il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tannulla s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑351/03, Ġabra p. II‑2237, iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il‑qorti:

–        ikkundannat lill‑Komunità Ewropea tħallas, minn naħa, l‑ispejjeż li sostniet Schneider Electric SA (iktar ’il quddiem “Schneider”) sabiex tipparteċipa fit‑tkomplija tal‑proċedura ta’ kontroll tal‑konċentrazzjoni li seħħet wara l‑għoti tas‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑310/01, Ġabra p. II‑4071, u T‑77/02, Ġabra p. II‑4201, iktar ’il quddiem, rispettivament, is‑“sentenza Schneider I” u s‑“sentenza Schneider II”), u, min‑naħa l‑oħra, żewġ terzi tad‑dannu mġarrab minn Schneider minħabba l‑ammont tat‑tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand SA (iktar ’il quddiem “Legrand”) li Schneider kellha tagħti lill‑akkwirent bħala korrispettiv għall‑posponiment tat‑terminu għat‑twettiq effettiv tal‑bejgħ ta’ Legrand sal‑10 ta’ Diċembru 2002;

–        ċaħdet il‑kumplament tar‑rikors;

–        stiednet lill‑partijiet jittrażmettulha, f’terminu ta’ tliet xhur, l‑istima tal‑ammont għal dak li jirrigwarda l‑ewwel kap tad‑dannu, stabbilita bi ftehim komuni, jew fin‑nuqqas ta’ tali ftehim, it‑talbiet tagħhom dwar il‑kwantifikazzjoni tad‑dannu;

–        ordnat perizja sabiex issir stima tat‑tieni kap tad‑dannu;

–        iddeċidiet li l‑kumpens dovut lir‑rikorrenti mill‑10 ta’ Diċembru 2002, id‑data meta mmaterjalizza d‑dannu marbut mat‑twettiq effettiv tat‑trasferiment ta’ Legrand, kellu jiġi evalwat mill‑ġdid għall‑finijiet tal‑interessi sad‑data tal‑għoti tas‑sentenza li twassal għal‑likwidazzjoni tad‑dannu, u miegħu għandhom jiżdiedu l‑interessi moratorji minn din id‑data sakemm isir il‑ħlas kollu;

–        irriżervat l‑ispejjeż.

I –  Il‑kuntest ġuridiku

2        Skont l‑Artikolu 2 tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal‑21 ta’ Diċembru 1989, dwar il‑kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31, rettifika ĠU 1990, L 257, p. 13), kif emendat bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat‑30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164 L 180, p. 1, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament”), il‑kompatibbiltà mas‑suq komuni ta’ konċentrazzjoni koperta minn dan ir‑regolament hija suġġetta għall‑evalwazzjoni tal‑Kummissjoni.

3        Skont l‑Artikolu 4(1) tal‑istess regolament, tali konċentrazzjoni għandha tkun innotifikata lill‑Kummissjoni mhux aktar tard minn ġimgħa wara l‑konklużjoni tal‑ftehim, jew wara l‑avviż ta’ offerta pubblika, jew l‑akkwist ta’ interess ta’ kontroll.

4        Skont l‑Artikoli 6 u 8 tal‑istess regolament:

–        il‑Kummissjoni għandha teżamina n‑notifika malli tirċeviha;

–        jekk tikkonstata li l‑konċentrazzjoni notifikata taqa’ fl‑ambitu ta’ dan ir‑regolament u ma toħloqx dubji serji dwar il‑kompatibbiltà tagħha mas‑suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil‑konfront tagħha u għandha tiddikjaraha kompatibbli mas‑suq komuni;

–        jekk tikkonstata, mill‑banda l‑oħra, li din il‑konċentrazzjon taqa’ fl‑ambitu ta’ dan ir‑regolament u toħloq dubji serji dwar il‑kompatibbiltà tagħha mas‑suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li tibda l‑proċedura ta’ eżami approfondit;

–        meta tikkonstata, jekk ikun il‑każ wara li jsiru bidliet mill‑impriżi kkonċernati, li l‑konċentrazzjoni ma tkunx għadha toħloq tali dubji serji, hija tista’ tiddeċiedi li tiddikjara l‑konċentrazzjoni kompatibbli mas‑suq komuni;

–        meta tikkonstata li l‑konċentrazzjoni mhijiex kompatibbli mas‑suq komuni, hija għandha toħroġ deċiżjoni li tiddikjara din l‑inkompatibbiltà;

–        f’dan il‑każ, u jekk il‑konċentrazzjoni tkun diġà ġiet implementata, il‑Kummissjoni tista’ tordna, fid‑deċiżjoni stess li tiddikjara l‑konċentrazzjoni inkompatibbli jew f’deċiżjoni separata, li l‑impriżi jew l‑assi miġjuba flimkien jiġu separati jew li jintemm il‑kontroll konġunt jew kull azzjoni oħra li tista’ tkun xierqa sabiex jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.

5        L‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament jistabbilixxi li konċentrazzjoni m’għandhiex tieħu effett la qabel ma tkun innotifikata u lanqas qabel ma tiġi ddikjarata kompatibbli mas‑suq komuni.

6        Madankollu, din id‑dispożizzjoni, skont l‑Artikolu 7(3), m’għandhiex tfixkel l‑implementazzjoni ta’ offerta pubblika ta’ xiri jew ta’ skambju li tkun ġiet innotifikata lill‑Kummissjoni, sakemm l‑akkwirent ma jeżerċitax id‑drittijiet tal‑vot li jmorru mal‑ishma inkwistjoni jew sakemm dan jagħmlu biss sabiex jippreżerva l‑valur sħiħ tal‑investimenti tiegħu u fuq il‑bażi ta’ deroga mogħtija mill‑Kummissjoni.

7        Skont l‑Artikolu 10(l), meta konċentrazzjoni tkun innotifikata, id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni li tiddikjara din il‑konċentrazzjoni kompatibbli jew li tibda l‑proċedura ta’ eżami approfondit għandha tittieħed f’terminu ta’ mhux iktar minn xahar li jibda jiddekorri fil‑jum ta’ wara dak li fih tkun waslet in‑notifika jew, jekk l‑informazzjoni mogħtija man‑notifika ma tkunx kompleta, fil‑jum ta’ wara dak li fih tkun waslet l‑informazzjoni kollha.

8        L‑Artikolu 10(2) u (3) jipprevedi li, fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ eżami approfondit, il‑Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il‑kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni f’terminu ta’ mhux iktar minn erba’ xhur mid‑data li fiha tkun inbdiet il‑proċedura.

9        Skont l‑Artikolu 10(5), meta l‑Qorti Komunitarja tagħti sentenza li tħassar deċiżjoni, jew xi parti minnha, meħuda mill‑Kummissjoni skont ir‑Regolament, it‑termini stabbiliti f’dan ir‑regolament għandhom jerġgħu jibdew mid‑data tas‑sentenza.

10      Skont l‑Artikolu 10(6), konċentrazzjoni notifikata hija kkunsidrata li hija kompatibbli mas‑suq komuni meta l‑Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni li tibda proċedura ta’ eżami approfondit fit‑terminu massimu ta’ xahar li jibda jiddekorri fil‑jum ta’ wara dak li fih tkun waslet in‑notifika jew l‑informazzjoni kollha jew, fil‑każ li tkun inbdiet proċedura ta’ eżami approfondit, ma tkunx ħadet deċiżjoni dwar il‑kompatibbilità tal‑konċentrazzjoni fl‑erba’ xhur wara l‑bidu tal‑proċedura.

11      L‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament jipprevedi li, qabel ma tieħu, b’mod partikolari, deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli, il‑Kummissjoni għandha tagħti lill‑impriżi kkonċernati l‑opportunità li, f’kull stadju tal‑proċedura sal‑konsultazzjoni tal‑Kumitat Konsultattiv previst fl‑Artikolu 19, jagħtu l‑opinjonijiet tagħhom dwar l‑oġġezzjonijiet imqajma kontra tagħhom.

12      L‑Artikolu 18(3) jipprovdi li l‑Kummissjoni għandha tibbaża d‑deċiżjoni tagħha biss fuq l‑oġġezzjonijiet li dwarhom l‑impriżi kkonċernati setgħu jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom u li d‑drittijiet tad‑difiża tagħhom għandhom jiġu mħarsa waqt il‑proċeduri.

II –  Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

13      Fis‑16 ta’ Frar 2001, Schneider u Legrand, kumpanniji parent Franċiżi ta’ żewġ gruppi attivi fil‑produzzjoni u l‑bejgħ, l‑ewwel waħda, ta’ prodotti u ta’ sistemi fl‑oqsma tad‑distribuzzjoni elettrika, tal‑kontroll industrijali u tal‑awtomazzjoni, it‑tieni, ta’ apparat tal‑elettriku ta’ installazzjonijiet ta’ tensjoni baxxa, innotifikaw lill‑Kummissjoni, skont l‑Artikolu 4(1) tar‑Regolament, pjan għall‑akkwist tal‑kontroll minn Schneider tal‑impriża Legrand kollha permezz ta’ offerta pubblika ta’ skambju.

14      Minħabba d‑dubji serji li din il‑konċentrazzjoni kienet qed tqajjem fir‑rigward tal‑kompatibbiltà tagħha mas‑suq komuni, il‑Kummissjoni fetħet il‑proċedura ta’ eżami approfondit.

15      Fit‑3 ta’ Awwissu 2001, hija bagħtet lil Schneider dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet fejn ġie indikat li din il‑konċentrazzjoni kienet se toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti f’ċertu numru ta’ swieq settorjali nazzjonali.

16      Fis‑6 ta’ Awwissu 2001, il‑Commission des opérations de bourse (Kummissjoni dwar l‑operazzjonijiet marbuta mal‑Borża) tat l‑opinjoni ta’ riżultat definittiv tal‑offerta pubblika ta’ skambju ta’ Schneider. Permezz ta’ din il‑konċentrazzjoni, Schneider ġabret 98.7 % tal‑ishma ta’ Legrand.

17      Fir‑risposta tagħhom tas‑16 ta’ Awwissu 2001 għad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, il‑partijiet għall‑konċentrazzjoni kkontestaw id‑definizzjoni tas‑swieq mogħtija mill‑Kummissjoni kif ukoll l‑analiżi tagħha tal‑impatt tal‑konċentrazzjoni fuq dawn is‑swieq.

18      Fid‑29 ta’ Awissu 2001, inżammet laqgħa bejn il‑partijiet fil‑konċentrazzjoni u d‑dipartimenti tal‑Kummissjoni li kienet intiża sabiex jiġu ddefiniti bidliet eventwali fil‑konċentrazzjoni li setgħu jsolvu l‑problemi ta’ kompetizzjoni mqajma mill‑Kummissjoni.

19      Schneider ipproponiet diversi drabi miżuri korrettivi lill‑Kummissjoni.

20      Fi tmiem il‑proċedura ta’ eżami approfondit, il‑Kummissjoni kkunsidrat li l‑konċentrazzjoni kienet inkompatibbli mas‑suq komuni. Skontha, din il‑konċentrazzjoni, minn naħa, kienet se toħloq pożizzjoni dominanti li kien ikollha l‑effett li tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fid‑diversi swieq settorjali nazzjonali, jiġifieri dawk tad‑Danimarka, tal‑Greċja, ta’ Spanja, ta’ Franza, tal‑Italja, tal‑Portugall u tar‑Renju Unit, u, min‑naħa l‑oħra, kienet ser issaħħaħ din il‑pożizzjoni dominati f’diversi swieq settorjali Franċiżi.

21      B’hekk, fl‑10 ta’ Ottubru 2001, il‑Kummissjoni adottat id‑Deċiżjoni 2004/275/KE, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas‑suq komuni (ĠU 2004, L 101, p. 1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni negattiva”), li fiha hija kkunsidrat li l‑miżuri korrettivi proposti minn Schneider ma kinux jippermettu li tinstab soluzzjoni għall‑problemi ta’ kompetizzjoni identifikati.

22      Fl‑24 ta’ Ottubru 2001, hija nnotifikat lil Schneider it‑tieni dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet għall‑finijiet tas‑separazzjoni bejn Schneider u Legrand.

23      Fit‑13 ta’ Diċembru 2001, Schneider ippreżentat quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza rikors għall‑annullament tad‑deċiżjoni negattiva (Kawża T‑310/01) u, permezz ta’ att separat, talba intiża sabiex il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tiddeċiedi fuq dan ir‑rikors permezz tal‑proċedura mħaffa, skont l‑Artikolu 76a tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha.

24      Fit‑23 ta’ Jannar 2002, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ċaħdet din l‑aħħar talba.

25      Fit‑30 ta’ Jannar 2002, il‑Kummissjoni adottat id‑Deċiżjoni 2004/276/KE, li ordnat separazzjoni ta’ impriżi skont l‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU 2004, L 101, p. 134, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni ta’ separazzjoni”).

26      Din id‑deċiżjoni ordnat lil Schneider tissepara minn Legrand f’terminu ta’ disa’ xhur, li kien jiskadi fil‑5 ta’ Novembru 2002.

27      Permezz ta’ atti ppreżentati fit‑18 ta’ Marzu 2002, Schneider ippreżentat rikors għall‑annullament tad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni (Kawża T‑77/02), talba sabiex tingħata deċiżjoni dwar dan ir‑rikors permezz tal‑proċedura mħaffa, kif ukoll talba għas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni (Kawża T‑77/02 R).

28      It‑talba għall‑proċedura mħaffa ntlaqgħat fil‑Kawża T‑77/02 permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fil‑25 ta’ Marzu 2002.

29      Wara s‑seduta fil‑proċedura għal miżuri provviżorji tat‑23 ta’ April 2002 fil‑Kawża T‑77/02 R, il‑Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Mejju 2002, ipprorogat sal‑5 ta’ Frar 2003 t‑terminu mogħti lil Schneider sabiex tissepara minn Legrand, bla ħsara għat‑twettiq tal‑istadji tal‑proċess ta’ separazzjoni matul it‑terminu pprorogat b’dan il‑mod.

30      Fit‑3 ta’ Mejju 2002, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li tilqa’ t‑talba ta’ Schneider sabiex id‑deċiżjoni fil‑Kawża T‑310/01 tingħata permezz tal‑proċedura mħaffa, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l‑konferma minn Schneider taż‑żamma tal‑verżjoni mqassra tar‑rikors tagħha, trażmessa fit‑12 ta’ April 2002.

31      Fid‑dawl tal‑proroga tat‑terminu ta’ separazzjoni mogħti mill‑Kummissjoni fl‑ittra tagħha tat‑8 ta’ Mejju 2002, Schneider irrevokat it‑talba tagħha għas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni fil‑Kawża T‑77/02 R.

32      Schneider ippreparat it‑trasferiment ta’ Legrand li kellu jseħħ fl‑eventwalità li ż‑żewġ rikorsi għal annullament tagħha jiġu miċħuda. Għal dan il‑għan hija kkonkludiet, fis‑26 ta’ Lulju 2002, kuntratt ta’ trasferiment mal‑konsorzju Wendel‑KKR (iktar ’il quddiem “Wendel‑KKR”). Dan il‑kuntratt ta’ trasferiment kellu jiġi eżegwit sa mhux iktar tard mill‑10 ta’ Diċembru 2002. Fil‑każ li d‑deċiżjoni negattiva tiġi annullata, ġie miftiehem li l‑kuntratt seta’ jkun xolt minn Schneider sal‑5 ta’ Diċembru 2002, bi ħlas ta’ kumpens għax‑xoljiment ta’ EUR 180 miljun.

33      Fit‑22 ta’ Ottubru 2002, permezz tas‑sentenza Schneider I, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza annullat id‑deċiżjoni negattiva minħabba żbalji ta’ analiżi u ta’ evalwazzjoni tal‑impatt tal‑konċentrazzjoni fuq is‑swieq settorjali nazzjonali barra minn Franza, kif ukoll minħabba ksur tad‑drittijiet tad‑difiża li jivvizzja l‑analiżi tal‑impatt tal‑konċentrazzjoni fuq is‑swieq settorjali Franċiżi u tal‑miżuri korrettivi proposti minn Schneider.

34      Fir‑rigward tas‑swieq settorjali nazzjonali barra minn Franza, hija kkunsidrat, b’mod partikolari, li l‑Kummissjoni kienet stmat b’mod eżaġerat is‑saħħa ekonomika tal‑entità l‑ġdida li rriżultat mill‑konċentrazzjoni u, f’ċerti swieq, stmat b’mod żgħir wisq is‑setgħa ekonomika ta’ żewġ kompetituri importanti tal‑imsemmija entità, u għalhekk stmat b’mod eżaġerat, reċiprokament, is‑saħħa tagħha.

35      Fir‑rigward tas‑swieq settorjali Franċiżi affettwati mill‑konċentrazzjoni notifikata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet dwar motiv imressaq minn Schneider li l‑Kummissjoni kienet wettqet ksur tad‑drittijiet tad‑difiża matul il‑proċedura ta’ eżami approfondit.

36      F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li mill‑qari tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 ma kienx jirriżulta li din kienet ittrattat b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti r‑rinfurzar tal‑pożizzjoni ta’ Schneider fir‑rigward tad‑distributuri Franċiżi ta’ materjal tal‑elettriku ta’ tensjoni baxxa, li ma kinitx tirriżulta biss mit‑total tal‑bejgħ ta’ Legrand fis‑swieq tal‑komponenti ta’ panel boards tal‑elettriku, iżda wkoll mill‑pożizzjoni dominanti ta’ Legrand fis‑segmenti ta’ tagħmir tal‑elettriku ultra terminali.

37      Hija rrilevat, barra minn hekk, li l‑konklużjoni ġenerali tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kienet telenka d‑diversi swieq settorjali nazzjonali affettwati mill‑konċentrazzjoni mingħajr ma kienet turi li l‑pożizzjoni ta’ waħda miż‑żewġ impriżi f’suq speċifiku ta’ prodotti kienet tappoġġa l‑pożizzjoni tal‑impriża l‑oħra f’suq settorjali ieħor.

38      Għalhekk, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonkludiet li d‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma ppermettietx lil Schneider tevalwa l‑portata kollha tal‑problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill‑Kummissjoni fis‑suq Franċiż tal‑materjal tal‑elettriku ta’ tensjoni baxxa fuq il‑livell tad‑distribuzzjoni.

39      Hija kkunsidrat li Schneider ġiet għalhekk imċaħħda, minn naħa, mill‑possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv, fil‑mertu, l‑argument tal‑Kummissjoni u, min‑naħa l‑oħra, mill‑opportunità li tippreżenta b’mod utli u fi żmien opportun proposti għal miżuri korrettivi adegwati.

40      Permezz tas‑sentenza Schneider II, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza annullat id‑deċiżjoni ta’ separazzjoni minħabba li kienet tammonta għal miżura ta’ applikazzjoni tad‑deċiżjoni negattiva annullata.

41      Il‑Kummissjoni ma appellatx mis‑sentenzi Schneider I u Schneider II, li b’hekk saru res judicata.

42      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Novembru 2002, il‑Kummissjoni informat lil Schneider li l‑konċentrazzjoni setgħet tippreġudika l‑kompetizzjoni fis‑swieq settorjali Franċiżi minħabba sovrapożizzjoni kunsiderevoli ta’ partijiet mis‑suq ta’ Schneider u mis‑suq ta’ Legrand, l‑għajbien tar‑rivalità tradizzjonali bejniethom, l‑importanza tat‑trade marks miżmuma mill‑entità Schneider‑Legrand, il‑poter tagħhom fuq il‑grossisti u n‑nuqqas ta’ kapaċità ta’ kull kompetitur li jeżerċita l‑pressjoni kompetittiva li kienet eżerċitata minn Legrand qabel it‑twettiq tal‑konċentrazzjoni.

43      Skont il‑Kummissjoni, il‑konċentrazzjoni jkollha r‑riżultat, fuq kull wieħed mis‑swieq affettwati li fuqhom waħda jew l‑oħra mill‑partijiet kienet f’pożizzjoni dominanti qabel il‑konċentrazzjoni, li telimina kompetitur immedjat, li kien l‑uniku kompetitur f’pożizzjoni li jeżerċità pressjoni kompetittiva fuq l‑impriża dominanti, u dan permezz tal‑appoġġ minn pożizzjonijiet b’saħħithom ħafna tal‑istess grupp f’segmenti oħra tal‑istess settur.

44      Fl‑14 ta’ Novembru 2002, Schneider ipproponiet lill‑Kummissjoni miżuri korrettivi li kienu intiżi li jeliminaw is‑sovrapożizzjoni ta’ ċerti attivitajiet bejn Schneider u Legrand fis‑swieq settorjali Franċiżi affettwati.

45      Fil‑15 ta’ Novembru 2002, il‑Kummissjoni ppubblikat fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej (C 279, p. 22) opinjoni dwar it‑tkomplija tal‑kontroll tal‑konċentrazzjoni, fejn ippreċiżat li, skont l‑Artikolu 10(5) tar‑Regolament, it‑termini għall‑eżami kienu ser jiġu applikati mit‑23 ta’ Ottubru 2002, l‑għada tal‑għoti tas‑sentenza Schneider I, u stiednet lil terzi sabiex jikkomunikawlha l‑osservazzjonijiet eventwali tagħhom.

46      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Novembru 2002, Schneider informat lill‑Kummissjoni li l‑argumenti żviluppati fl‑ittra tagħha tat‑13 ta’ Novembru 2002 kienu għadhom, fin‑nuqqas ta’ eżami suq b’suq tal‑effetti tal‑konċentrazzjoni, ta’ natura u ta’ portata mhux preċiża u ma kinux jagħtu prova tal‑eżistenza ta’ effett antikompetittiv fuq is‑swieq affettwati u li l‑kunsiderazzjonijiet ġenerali tal‑Kummissjoni kienu kontradetti mir‑realtà.

47      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Novembru 2002, il‑Kummissjoni informat lil Schneider li l‑miżuri korrettivi li hija kienet suċċessivament ippreżentat ma kinux suffiċjenti sabiex jeliminaw ir‑restrizzjonijiet kollha għall‑kompetizzjoni li kienu jirriżultaw mill‑konċentrazzjoni minħabba d‑dubji persistenti fuq il‑vijabbiltà u l‑awtonomija tal‑attivitajiet ittrasferiti u tal‑inkapaċità tal‑miżuri proposti li joħolqu kontrobilanċ għas‑saħħa tal‑entità Schneider‑Legrand.

48      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Diċembru 2002, Schneider wieġbet li, f’dan l‑istat avvanzat ħafna tal‑proċedura, ma kienx għadu realistiku, minħabba l‑pożizzjoni tal‑Kummissjoni, li jinżammu iktar diskussjonijiet u li, sabiex ittemm inċertezza li kienet damet iktar minn sena, hija kienet iddeċidiet li tbiegħ Legrand lil Wendel‑KKR.

49      Permezz ta’ faks mibgħuta lill‑Kummissjoni fit‑3 ta’ Diċembru 2002, Schneider ikkonfermat id‑deċiżjoni tagħha. Hija ppreċiżat li, skont id‑dispożizzjonijiet tal‑kuntratt ta’ trasferiment tas‑26 ta’ Lulju 2002, il‑bejgħ ta’ Legrand lil Wendel‑KKR ma kien għadu jimplika ebda inizjattiva min‑naħa tagħha u kellu jsir fl‑10 ta’ Diċembru 2002.

50      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Diċembru 2002, il‑Kummissjoni bdiet il‑proċedura ta’ eżami approfondit minħabba li l‑miżuri korrettivi proposti minn Schneider ma kinux jippermettu, fl‑istadju tal‑investigazzjoni, li jiġu eliminati d‑dubji serji li kien għad hemm dwar il‑kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni fid‑dawl tal‑effetti tagħha fuq is‑swieq settorjali Franċiżi identifikati fid‑deċiżjoni negattiva.

51      Fil‑11 ta’ Diċembru 2002, Schneider ikkonfermat lill‑Kummissjoni li t‑trasferiment lil Wendel‑KKR tas‑sehem tagħha f’Legrand kien twettaq fl‑10 ta’ Diċembru 2002.

52      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Diċembru 2002, il‑Kummissjoni informat lil Schneider bl‑għeluq, minħabba nuqqas ta’ suġġett, tal‑proċedura ta’ eżami.

53      Fl‑10 ta’ Frar 2003, Schneider ippreżentat rikors għall‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑ftuħ tal‑proċedura ta’ eżami approfondit tal‑4 ta’ Diċembru 2002 u tad‑deċiżjoni tal‑għeluq tat‑13 ta’ Diċembru 2002 (Kawża T‑48/03).

54      Permezz ta’ digrieti tad‑29 ta’ Ottubru 2004, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑310/01 DEP u T‑77/02 DEP), il‑Qorti tal‑Prim’Istanza stabbiliet l‑ammont tal‑ispejjeż li Schneider setgħet tiġbor lura mingħand il‑Kummissjoni bħala EUR 419 595.32 fil‑Kawża T‑310/01, u bħala EUR 426 275.06 fil‑Kawżi T‑77/02 u T‑77/02 R.

55      Permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Jannar 2006, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑48/03, Ġabra p. II‑111), il‑Qorti tal‑Prim’Istanza rrifjutat bħala inammissibbli r‑rikors għal annullament fil‑Kawża T‑48/03 minħabba li d‑deċiżjoni tal‑ftuħ tal‑proċedura ta’ eżami approfondit u d‑deċiżjoni ta’ għeluq ikkritikati ma kinux atti li jikkawżaw preġudizzju lil Schneider.

56      Fit‑12 ta’ April 2006 Schneider appellat minn dan id‑digriet.

57      Dan l‑appell ġie miċħud permezz ta’ digriet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑9 ta’ Marzu 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (C‑188/06 P).

III –  Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza u s‑sentenza appellata

58      Fl‑10 ta’ Ottubru 2003, Schneider ippreżentat quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza rikors kontra l‑Kummissjoni intiż għall‑kumpens tad‑dannu li hija stmat li ġarrbet minħabba illegalitajiet li vvizzjaw il‑proċedura tal‑kontroll tal‑kompatibbiltà mas‑suq komuni tal‑konċentrazzjoni notifikata.

59      Hija talbet li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza:

–        prinċipalment, tikkundanna lill‑Komunità tħallasha s‑somma ta’ EUR 1 663 734 716.76, bla ħsara għat‑tnaqqis tal‑ammont tal‑ispejjeż li jistgħu jinġabru lura kif stabbiliti permezz tad‑digrieti dwar l‑intaxxar tal‑ispejjeż mogħtija fil‑Kawżi T‑310/01 DEP u T‑77/02 DEP u bla ħsara għal żieda minħabba, minn naħa, l‑interessi dovuti mill‑4 ta’ Diċembru 2002 sal‑pagament totali, bir‑rata annwali ta’ 4 % u, min‑naħa l‑oħra, l‑ammont ta’ taxxa li Schneider ikollha tħallas fuq l‑ammont tal‑kumpens assenjat fil‑mument li tirċievi tali kumpens;

–        sussidjarjament:

–        tiddikjara r‑rikors ammissibbli,

–       tikkonstata r‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità,

–       tistabbilixxi l‑proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit l‑ammont tad‑dannu li għalih għandu jingħata kumpens effettivament imġarrab minn Schneider,

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż kollha tal‑istanza.

60      Fil‑11 ta’ Diċembru 2003, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li f’dan l‑istadju kellha tillimita d‑dibattiti għall‑prinċipju tal‑involviment tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità u għall‑metodoloġija tal‑evalwazzjoni tad‑dannu.

61      Permezz ta’ digrieti tal‑20 ta’ April 2004 u tas‑6 ta’ Diċembru 2004, intlaqgħu l‑interventi rispettivi tar‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja u tar‑Repubblika Franċiża, l‑ewwel waħda insostenn tal‑konklużjonijiet tal‑Kummissjoni u t‑tieni waħda insostenn ta’ dawk ta’ Schneider.

62      Permezz tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet fis‑sens indikat fil‑punt 1 ta’ din is‑sentenza.

63      Fil‑punti 152 u 156 tas‑sentenza appellata, hija ddeċidiet li l‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża kkonstatat fis‑sentenza Schneider I f’dak li jikkonċerna s‑swieq settorjali Franċiżi kien jikkostitwixxi ksur manifest u gravi ta’ dispożizzjoni legali li għandha l‑għan li tikkonferixxi drittijiet lill‑individwi u li tinstab fl‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament.

64      Fil‑punt 155 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza warrbet f’dawn it‑termini l‑argument sostnut mill‑Kummissjoni li kien hemm restrizzjonijiet speċifiċi li kienu ta’ piż oġġettiv fuq id‑dipartimenti tagħha matul il‑proċedura ta’ eżami approfondit:

“[…] l‑argument [i]mqajjem mill‑konvenuta dwar id‑diffikultà inerenti għat‑twettiq ta’ analiżi kumplessa ta’ swieq taħt limitazzjoni ta’ żmien riġida ħafna huwa irrilevanti, għaliex il‑fatt li kkawża d‑dannu in kwistjoni mhijiex [mhuwiex] l‑analiżi tas‑swieq rilevanti mill‑komunikazzjoni ta’ l‑ilmenti [li saret fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet] jew tad‑deċiżjoni [id‑deċiżjoni] ta’ inkompatibbiltà iżda l‑ommissjoni fil‑komunikazzjoni ta’ l‑ilmenti [fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet] ta’ referenza essenzjali fil‑konsegwenzi tagħha u fid‑dispożittiv tad‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, li ma fiha ebda diffikultà teknika partikolari, billi [li] ma [kienet] teħtieġ l‑ebda eżami speċifiku supplementari li ma setax ikun imwettaq għal raġunijiet ta’ żmien u li n‑nuqqas tiegħu [tagħha] ma jistax ikun attribwit għal problema ta’ redazzjoni fortuwitu jew aċċidentali li l‑qari globali tal‑komunikazzjoni ta’ l‑ilmenti [tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet] tippermetti li tikkumpensa [jippermetti li tiġi kkumpensata].”

65      Fil‑punt 157 tal‑istess sentenza, hija kkonkludiet li l‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża inkwistjoni kien jammonta, min‑naħa tal‑Kummissjoni, għal nuqqas ta’ natura li jagħti lok għar‑responsabbilità mhux kuntrattwali tal‑Komunità.

66      Fl‑eżami tagħha tad‑domandi dwar l‑eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn in‑nuqqas tal‑Kummissjoni u d‑dannu, hija rrilevat, fil‑punt 269 tas‑sentenza appellata, li għalkemm il‑ksur suffiċjentement serju tad‑drittijiet tad‑difiża kellu bħala effett li jrendi illegali d‑deċiżjoni negattiva, dan madankollu ma kienx ifisser li, fin‑nuqqas ta’ tali ksur, il‑konċentrazzjoni kien imissha ġiet iddikjarata kompatibbli mas‑suq komuni.

67      Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonkludiet, fil‑punt 278 tas‑sentenza appellata, li d‑difett identifikat fid‑deċiżjoni negattiva ma ċaħħadx lil Schneider minn dritt għal deċiżjoni ta’ kompatibbiltà li kien jiġġustifika li l‑konsegwenzi finanzjarji kollha taċ‑ċaħda ta’ dan id‑dritt, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill‑obbligu li tittrasferixxi l‑assi ta’ Legrand, jiġu kkunsidrati bħala dannu attribwibbli lill‑Komunità.

68      Fil‑punt 279 tas‑sentenza appellata, hija għalhekk iddeċidiet li Schneider ma setgħetx issostni li kienet ġarrbet dannu ugwali għat‑totalità tat‑telf tal‑valur tal‑assi ta’ Legrand miżmuma minnha fl‑10 ta’ Ottubru 2001 minħabba li ma kienx hemm rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn dan id‑dannu u l‑ksur li jwassal għar‑responsabbiltà Komunitarja.

69      Fil‑punti 288 u 316, hija mill‑banda l‑oħra ammettiet li teżisti rabta kawżali suffiċjentement stretta bejn l‑illegalità mwettqa u żewġ tipi ta’ danni mġarrba minn Schneider, jiġifieri:

–        l‑ispejjeż li sostniet l‑impriża sabiex tipparteċipa fit‑tkomplija tal‑proċedura ta’ kontroll tal‑konċentrazzjoni wara l‑annullamenti deċiżi mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza fit‑22 ta’ Ottubru 2002;

–        it‑tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment li Schneider kellha tagħti lill‑akkwirent tal‑ishma ta’ Legrand sabiex l‑effett ta’ dan it‑trasferiment jiġi pospost għal data li kienet tippermetti li l‑proċeduri ġudizzjarji li kienu pendenti quddiem il‑Qorti Komunitarja ma jkunux imċaħħda mis‑suġġett tagħhom qabel ma jintemmu.

70      Fir‑rigward tal‑ispejjeż sostnuti għat‑tkomplija tal‑proċedura ta’ kontroll, jiġifieri l‑ispejjeż ta’ konsultazzjoni, ta’ tariffi professjonali u ta’ spejjeż amministrattivi ta’ diversi tipi, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza rrilevat, fil‑punt 301, li, li kieku l‑oġġezzjoni ta’ appoġġ ġiet inkluża fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001, Schneider kien ikollha ċertament tippronunzja ruħha dwar dan is‑suġġett u kien ikollha tipprepara, skont il‑każ, miżuri korrettivi xierqa qabel l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni dwar il‑kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni, kif kellha tagħmel wara l‑annullament ta’ din id‑deċiżjoni u t‑tkomplija konsekuttiva tal‑proċedura ta’ kontroll.

71      Madankollu, hija kkunsidrat, fl‑istess punt tas‑sentenza appellata, li l‑fatt li titkompla, fuq bażi ġuridiċi ġodda, proċedura amministrattiva interrotta għal tnax‑il xahar neċessarjament irrappreżentat, għal Schneider, spiża inkomparabbilment ogħla minn dik li kienet tirrappreżenta r‑risposta għall‑istess oġġezzjoni, fil‑proċedura ta’ kontroll inizjali, mill‑impriża u mill‑konsulenti tagħha diġà involuti għal kollox fil‑laqgħat u fid‑diskussjonijiet mad‑dipartimenti kompetenti tal‑Kummissjoni.

72      F’dak li jikkonċerna t‑tnaqqis fil‑prezz ta’ trasferiment mogħti minn Schneider, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza rrilevat, fil‑punt 308, li din l‑impriża sabet ruħha f’pożizzjoni fejn kellha tinnegozja u tikkonkludi, fis‑26 ta’ Lulju 2002, il‑kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand u fejn kellha tipposponi t‑terminu għat‑twettiq effettiv ta’ dan it‑trasferiment sal‑10 ta’ Diċembru 2002.

73      Fil‑punt 311, hija kkunsidrat li l‑obbligu li jiġi pospost it‑twettiq effettiv tal‑bejgħ neċessarjament wassal lil Schneider sabiex tagħti lil Wendel‑KKR tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment meta mqabbel mal‑prezz li hija kienet tikseb fil‑każ ta’ bejgħ assigurat li kien iseħħ fin‑nuqqas tad‑deċiżjoni negattiva.

74      Fil‑punt 312, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li l‑posponiment tal‑bejgħ għall‑10 ta’ Diċembru 2002 kien jimplika l‑għoti lil Wendel‑KKR tal‑kumpens għar‑riskju tad‑deprezzament tal‑assi ta’ Legrand marbut mal‑eventwalità ta’ varjazzjoni żvantaġġuża fil‑prezzijiet tat‑titoli industrijali matul il‑perijodu ta’ posponiment.

75      Fil‑punt 322 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkunsidrat li d‑dannu kkostitwit mit‑tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment kien ugwali għad‑differenza eżistenti bejn il‑prezz tat‑trasferiment effettivament miftiehem u dak li Schneider setgħet tikseb li kieku fl‑10 ta’ Ottubru 2001 hija kellha, fi tmiem l‑ewwel proċedura ta’ kontroll, deċiżjoni legali dwar il‑kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni.

76      Madankollu, fil‑punt 329, hija enfasizzat li Schneider, meta akkwistat il‑kontroll ta’ Legrand b’mod kompletament legali, xorta assumiet ir‑riskju li l‑kontroll tal‑konċentrazzjoni jwassal għal deċiżjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà mas‑suq komuni ta’ din il‑konċentrazzjoni u għal obbligu korrispondenti li tipproċedi b’separazzjoni tal‑ishma ta’ impriżi diġà magħquda.

77      Fil‑punt 330, hija kkunsidrat li, fid‑dawl tad‑daqs tal‑operazzjoni ta’ merger imwettqa u tat‑tisħiħ kunsiderevoli tas‑saħħa ekonomika li din l‑operazzjoni kienet timplika għall‑benefiċċju tal‑uniċi żewġ atturi prinċipali preżenti fis‑swieq settorjali Franċiżi tal‑materjal tal‑elettriku ta’ tensjoni baxxa, Schneider ma setgħetx ma tkunx taf li kien hemm għall‑inqas ir‑riskju li l‑merger imwettaq joħloq jew isaħħaħ pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas‑suq komuni u li, għalhekk, tali merger ikun ipprojbit mill‑Kummissjoni.

78      Minn dan hija kkonkludiet, fil‑punt 334, li Schneider kienet responsabbli għal terz tad‑dannu marbut mat‑tnaqqis fil‑prezz mogħti.

79      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet, fil‑punt 335, li l‑Komunità għandha tikkumpensa biss żewġ terzi ta’ dan id‑dannu.

80      Fl‑aħħar nett, fil‑punti 342 u 344 sa 346, hija ddeċidiet li l‑kumpens dovut lil Schneider mill‑10 ta’ Diċembru 2002, id‑data meta mmaterjalizza d‑dannu marbut mat‑twettiq effettiv tat‑trasferiment ta’ Legrand, kellu jerġa’ jiġi evalwat għall‑finijiet tal‑interessi sad‑data tal‑għoti tas‑sentenza li twassal għal‑likwidazzjoni tad‑dannu u miegħu għandhom jiżdiedu l‑interessi moratorji minn din id‑data sakemm isir il‑ħlas kollu.

IV –  It‑talbiet tal‑partijiet

81      Il‑Kummissjoni titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tannulla s‑sentenza appellata u tikkundanna lil Schneider għall‑ispejjeż.

82      Schneider titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tiċħad l‑appell u tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

V –  L‑aggravji

83      Insostenn tal‑appell tagħha, il‑Kummissjoni tressaq formalment seba’ aggravji ta’ annullament li essenzjalment jistgħu jinġabru f’ħames aggravji.

84      Permezz tal‑imsemmija aggravji, il‑Kummissjoni tilmenta li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza għamlet żball meta:

–        fil‑punt 155 tas‑sentenza appellata, iddikjarat li kien hemm “ommissjoni” tal‑oġġezzjoni dwar l‑appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 u ddeċidiet li l‑formulazzjoni tal‑istess oġġezzjoni ma kienet tinvolvi “ebda diffikultà teknika partikolari”;

–        fil‑punt 156 tas‑sentenza appellata, iddikjarat li kien hemm, min‑naħa tal‑Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l‑għan li tikkonferixxi drittijiet lill‑individwi;

–        fil‑punt 316 tas‑sentenza appellata, iddikjarat li kien hemm rabta kawżali diretta bejn in‑nuqqas tal‑Kummissjoni u d‑dannu mġarrab minn Schneider minħabba t‑tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand mogħti fis‑26 ta’ Lulju 2002 bħala korrispettiv għall‑posponiment sal‑10 ta’ Diċembru 2002 tat‑twettiq effettiv tal‑bejgħ;

–        fil‑punt 288 tas‑sentenza appellata, identifikat kap ta’ dannu mhux invokat minn Schneider, jiġifieri tnaqqis fil‑prezz mogħti sabiex jinkiseb posponiment tal‑effett tat‑trasferiment ta’ Legrand sal‑10 ta’ Diċembru 2002;

–        wettqet żball ta’ liġi meta, fil‑punti 345 u 346 tas‑sentenza appellata, fir‑rigward tad‑dannu marbut mal‑allegat tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment, tat interessi kumpensatorji mill‑10 ta’ Diċembru 2002 sad‑data tal‑għoti tas‑sentenza li twassal għal‑likwidazzjoni tad‑dannu, minkejja li dawn l‑interessi jistgħu jingħataw biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

VI –  Fuq l‑appell

A –  Fuq l‑ewwel aggravju bbażat fuq l‑argument li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza b’mod żbaljat ikkonstatat li kien hemm “ommissjoni” tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 u ddeċidiet li l‑formulazzjoni tal‑imsemmija oġġezzjoni ma kienet tinvolvi “ebda diffikultà teknika partikolari”

1.     L‑argumenti tal‑partijiet

85      Il‑Kummissjoni tfakkar li, matul il‑proċeduri kollha fl‑ewwel istanza, hija ma kkontestatx li kisret id‑dritt għal smigħ ta’ Schneider fil‑proċedura ta’ kontroll tal‑konċentrazzjoni. Hija ssostni li, min‑naħa l‑oħra, hija qiegħda tikkontesta formalment li l‑irregolarità kkonstatata twassal għar‑responsabbiltà tal‑Komunità.

86      Hija taqsam l‑ewwel aggravju tagħha f’erba’ partijiet.

87      Hija ssostni li, meta ddikjarat, fil‑punt 155 tas‑sentenza appellata, li kien hemm “ommissjoni” tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 u meta, fl‑istess punt ta’ din is‑sentenza, iddeċidiet li l‑formulazzjoni tal‑imsemmija oġġezzjonijiet ma kienet tinvolvi ebda diffikultà partikolari, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza:

–        kisret ir‑res judicata li tgawdi minnha s‑sentenza Schneider I;

–        għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti;

–        żnaturat il‑provi;

–        kisret l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

88      Fir‑realtà, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kienet sempliċement ikkonstatat, fil‑punt 445 tas‑sentenza Schneider I, li l‑oġġezzjoni ta’ appoġġ ma kinitx ifformulata b’“ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti”. Meta mbagħad ikkritikat lill‑Kummissjoni talli kkonkludiet id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet “mingħajr ma ressqet prova ta’ xi appoġġ”, hija kull ma għamlet kien li rrilevat li l‑Kummissjoni ma kinitx, meta temmet l‑analiżi tagħha, indikat suffiċjentement din l‑oġġezzjoni.

89      Madankollu, għandu jiġi konkluż li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkunsidrat li din l‑oġġezzjoni tal‑aħħar kienet ġiet għall‑inqas impliċitament ifformulata fit‑test tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

90      Konklużjoni simili turi t‑tieni nuqqas ta’ qbil bejn is‑sentenza Schneider I u s‑sentenza appellata li, fil‑punt 155, ikkonkludiet b’mod espliċitu li kien hemm nuqqas ta’ referenza għall‑oġġezzjoni li “l‑qari globali tal‑komunikazzjoni tal‑oġġezzjonijiet” ma jippermettix li jiġi kkumpensat.

91      It‑tielet nuqqas ta’ qbil bejn iż‑żewġ sentenzi huwa kkostitwit minn differenza ta’ evalwazzjoni dwar il‑konsegwenzi għal Schneider tad‑difetti li jivvizzjaw id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

92      F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni ssostni li, fil‑punt 453 tas‑sentenza Schneider I, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li l‑formulazzjoni tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma ppermettietx lil Schneider li tevalwa “fl‑estent kollu tagħhom” il‑problemi ta’ kompetizzjoni identifikati fis‑suq Franċiż, filwaqt li, fil‑punt 152 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonstatat li Schneider “ma setgħetx tkun taf” li hija “ma kellha l‑ebda possibbiltà” li tikseb deċiżjoni ta’ kompatibbiltà jekk ma tippreżentax miżuri korrettivi xierqa għas‑sitwazzjoni ta’ appoġġ maħluqa bil‑konċentrazzjoni.

93      Skont il‑Kummissjoni, minn dan it‑tqabbil taż‑żewġ sentenzi jirriżulta li, fis‑sentenza tagħha Schneider I, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkunsidrat li Schneider setgħet tkun taf li l‑appoġġ kien jikkostitwixxi diffikultà mil‑lat ta’ kompetizzjoni, iżda li Schneider ma setgħetx tevalwa l‑estent kollu tal‑ostakolu li dan l‑appoġġ kien jikkostitwixxi minħabba li ma ġiex espliċitament ifformulat fil‑konklużjoni tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet. Bil‑kontra, fis‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkunsidrat li Schneider qatt ma setgħet tkun taf bil‑problema u għalhekk qatt ma kienet taf li hija kellha tipproponi rimedji adegwati.

94      Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ssostni li, quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, hija kienet invokat id‑diffikultà inerenti għat‑twettiq ta’ analiżi kumplessa ta’ swieq f’kawża li hija stess hija kumplessa, f’limitazzjoni ta’ żmien riġida ħafna li tirriżulta mid‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament. Hija kienet enfasizzat, b’mod partikolari, li t‑tħejjija ta’ dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tikkostitwixxi eżerċizzju estremament delikat li għandu jsir suffiċjentement malajr wara l‑ftuħ tal‑proċedura u l‑għeluq tal‑investigazzjoni sabiex tippermetti lill‑partijiet li jagħmlu l‑osservazzjonijiet tagħhom.

95      Il‑Kummissjoni tikkritika lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza talli warrbet dawn l‑argumenti billi ddeċidiet li dawn kienu limitati għal spjegazzjoni tad‑diffikultajiet marbuta mat‑twettiq ta’ analiżi kumplessa ta’ swieq u li, għalhekk, ma kinux rilevanti peress li l‑fatt li kkawża d‑dannu kien fil‑fatt l‑ommissjoni, fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, ta’ referenza li ma kienet tinvolvi ebda diffikultà teknika partikolari, li ma kienet teħtieġ ebda eżami speċifiku supplementari li ma setax jitwettaq għal raġunijiet ta’ żmien u li n‑nuqqas tagħha ma setax ikun attribwit għal problema fortuwita jew aċċidentali.

96      Skont il‑Kummissjoni, dawn il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza, sa fejn jikkostitwixxu konstatazzjonijiet ta’ fatt, huma manifestament żbaljati fid‑dawl tal‑provi prodotti għall‑evalwazzjoni tagħha matul il‑proċedura u juru żnaturament tal‑provi.

97      Fi kwalunkwe każ, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza kisret l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir‑rigward tat‑teħid inkunsiderazzjoni min‑naħa tagħha tal‑ommissjoni tar‑referenza għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ kif ukoll tan‑nuqqas ta’ diffikultà teknika partikolari ta’ tali referenza.

98      Is‑sentenza appellata għandha, b’mod definittiv, tiġi annullata fl‑intier tagħha abbażi tal‑ewwel aggravju biss.

99      Schneider titlob li dan l‑aggravju jiġi miċħud.

100    Hija ssotni li dan huwa inammissibbli peress li l‑Kummissjoni:

–        tikkontesta evalwazzjonijiet ta’ fatt;

–        tressaq allegazzjonijiet ġodda fis‑sens, l‑ewwel nett, li l‑oġġezzjoni ta’ appoġġ kienet mill‑inqas ifformulata impliċitament fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001, kif ukoll li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza impliċitament ikkonstatat dan fis‑sentenza Schneider I u, it‑tieni nett, li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkunsidrat, fl‑istess sentenza Schneider I, li Schneider setgħet tkun taf bil‑fatt li l‑appoġġ kien jikkostitwixxi diffikultà mil‑lat ta’ kompetizzjoni;

–        ma spjegatx kif l‑aggravju tagħha huwa bbażat fuq żnaturament tal‑provi u fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni.

101    Fi kwalunkwe każ, l‑aggravju mhuwiex fondat.

2.     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)     Fuq l‑ewwel tliet partijiet tal‑aggravju, ibbażati fuq ksur tar‑res judicata tas‑sentenza Schneider I, fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti u fuq żnaturament tal‑provi

102    Ir‑res judicata tapplika għall‑punti ta’ fatt u ta’ dritt li kienu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi minn deċiżjoni ġudizzjarja (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 44 u l‑ġurispduenza ċċitata).

103    Barra minn hekk, mill‑Artikolu 225 KE u mill‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 58 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza biss għandha l‑kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l‑fatti, ħlief fil‑każ fejn l‑ineżattezza materjali tal‑konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill‑atti tal‑proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min‑naħa l‑oħra, li tevalwa dawn il‑fatti. Għaldaqstant, il‑Qorti tal‑Ġustizzja m’għandhiex il‑kompetenza li tikkonstata l‑fatti u lanqas, bħala regola, li teżamina l‑provi li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza tkun qieset insostenn ta’ dawn il‑fatti. Fil‑fatt, ladarba dawn il‑provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u ladarba l‑prinċipji ġenerali tad‑dritt u r‑regoli ta’ proċedura applikabbli fir‑rigward tal‑oneru u tal‑produzzjoni tal‑provi jkunu ġew osservati, hija biss il‑Qorti tal‑Prim’Istanza li tista’ tevalwa l‑valur li għandu jingħata lill‑provi li jkunu ġew prodotti quddiemha. Din l‑evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil‑każ tal‑iżnaturament ta’ dawn il‑provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall‑istħarriġ tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 29).

104    Fi kliem ieħor, il‑konstatazzjoni tal‑fatti u l‑evalwazzjoni tal‑provi mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza jikkostiwixxu kwistjonijiet ta’ dritt suġġetti għall‑istħarriġ tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kuntest ta’ appell meta l‑ineżattezza materjali tal‑konstatazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tirriżulta mid‑dokumenti li jinsabu fil‑proċess u fil‑każ ta’ żnaturament tal‑provi rispettivament (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il‑Kummissjoni, C‑119/97 P, Ġabra p. I‑1341, punt 66).

105    Permezz tal‑ewwel parti tal‑aggravju eżaminat, ibbażata fuq ksur tar‑res judicata tas‑sentenza Schneider I, il‑Kummissjoni tipprova turi li, fis‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt li ma jaqblux ma’ dawk effettivament jew neċessarjament deċiżi fl‑imsemmija sentenza Schneider I, li saret res judicata.

106    Permezz tat‑tieni u t‑tielet partijiet tal‑istess aggravju, il‑Kummissjoni tipprova turi, fil‑mertu u fid‑dawl tal‑ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq:

–        l‑ineżattezza materjali tal‑konstatazzjonijiet magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fis‑sentenza appellata, dwar il‑fatti effettivament ikkonstatati fis‑sentenza Schneider I, ineżattezza li tirriżulta direttament mit‑termini tagħha;

–        żnaturament mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fis‑sentenza appellata, tas‑sens tas‑sentenza Schneider I kkunsidrata bħala prova li kien meħtieġ, skont il‑każ, li tiġi interpretata sabiex jiġu ddeterminati l‑fatti li kellhom jiġu eżaminati sabiex jiġi deċiż jekk kinitx involuta r‑responsabblità mhux kuntrattwali tal‑Komunità.

107    Għalhekk, it‑tliet partijiet tal‑aggravju jeħtieġu l‑eżami ta’ dawn il‑kwistjonijiet:

–        liema huma l‑punti ta’ fatt li fuqhom il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fil‑punti 152 u 156 tas‑sentenza appellata, ibbażat il‑konstatazzjoni tagħha ta’ “ksur manifest u gravi” mill‑Kummissjoni tal‑limiti imposti fuqha minħabba d‑drittijiet tad‑difiża ta’ Schneider;

–        jekk dawn il‑punti ta’ fatt ġewx deċiżi fis‑sentenza Schneider I;

–        jekk, kif ġew ikkonstatati fis‑sentenza appellata, humiex f’kontradizzjoni ma’ dawk deċiżi fis‑sentenza Schneider I.

108    Għalhekk l‑argumenti mressqa fil‑kuntest ta’ dawn it‑tliet partijiet għandhom jiġu eżaminati flimkien f’dak li jikkonċerna l‑kwistjoni tal‑eżistenza ta’ referenza għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, imbagħad f’dak li jikkonċerna l‑kwistjoni tal‑eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ natura tali li jostakolaw il‑formulazzjoni tal‑imsemmija oġġezzjoni b’mod suffiċjentement ċar u preċiż f’dan l‑att tal‑proċedura ta’ eżami approfondit.

109    Madankollu, għandu jiġi osservat li t‑tieni u t‑tielet partijiet jikkoinċidu mal‑ewwel parti sa fejn jirrigwardaw fatti li, mill‑analiżi li se ssir iktar ’il quddiem, se jirriżultaw li huma fatti li ġew effettivament jew neċesssarjament deċiżi fis‑sentenza Schneider I. Dawn il‑partijiet iżommu eżistenza individwali biss sa fejn jirrigwardaw fatti li se jirriżultaw li huma fatti li ma ġewx deċiżi fis‑sentenza Schneider I.

i)     Fuq   l‑eżistenza ta’ referenza għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001

110    Fil‑punt 140 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tistabbilixxi li Schneider sostniet quddiemha li l‑Kummissjoni ma kitbitx b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001, l‑oġġezzjoni għall‑kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni bbażata fuq l‑appoġġ fis‑swieq settorjali Franċiżi tal‑materjal tal‑elettriku ta’ tensjoni baxxa kkunsidrati fil‑livell tad‑distribuzzjoni bl‑ingrossa.

111    Fl‑evalwazzjoni tagħha, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tfakkar l‑ewwel nett, fil‑punti 145 sa 150 tas‑sentenza appellata, il‑kontenut u l‑portata tal‑obbligi tal‑Kummisjoni taħt l‑Artikolu 18 tar‑Regolament. Minn dan hija tikkonkludi, fil‑punt 151 tal‑istess sentenza, li Schneider tinvoka ksur ta’ dispożizzjoni li għandha l‑għan li tikkonferixxi drittijiet lill‑individwi fis‑sens tas‑sistema tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità.

112    Hija ddeċidiet it‑tieni nett, fil‑punt 152, li “[i]l‑fatt li l‑Kummissjoni tfassal, bħal fil‑kawża preżenti, komunikazzjoni ta’ l‑ilmenti [dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet] b’tali mod li, hekk kif jirriżulta mis‑sentenza Schneider I, [Schneider] ma setgħetx tkun taf li, fin‑nuqqas li tippreżenta l‑miżuri korrettivi xierqa sabiex tnaqqas jew jisparixxu [telimina] s‑sitwazzjonijiet ta’ appoġġ bejn il‑pożizzjonijiet tagħha u dawk ta’ Legrand fuq is‑swieq settorjali Franċiż, hija ma kellha l‑ebda possibbiltà li tara li l‑operazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas‑suq komuni, jikkostitwixxi fil‑kawża preżenti ksur manifest u gravi ta’ l‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑[R]egolament”.

113    Permezz ta’ din il‑formulazzjoni tal‑punt 152 tas‑sentenza appellata, li tistabbilixxi l‑eżistenza ta’ waħda mill‑kundizzjonijiet għall‑eżistenza tar‑responsabbiltà tal‑Komunità meta tirreferi għal dak li “jirriżulta mis‑sentenza Schneider I”, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, f’dan l‑istadju tar‑raġunament tagħha, tibbaża neċessarjament il‑kwalifika tagħha ta’ “ksur manifest u gravi” fuq l‑analiżi magħmula fil‑punti 440 sa 461 ta’ din is‑sentenza Schneider I, fit‑termini użati minnha, dwar iċ‑ċirkustanzi li fihom saret id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

114    F’dak li jikkonċerna l‑formulazzjoni tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l‑punti ta’ fatt segwenti, kif effettivament ġew ikkonstatati u evalwati fis‑sentenza Schneider I, fil‑punti 445 u 453 tagħha:

–        id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma “ittrattat[x] b’ċarezza suffiċjenti u bi preċiżjoni [suffiċjenti] r‑rinfurzar tal‑pożizzjoni ta’ Schneider fir‑rigward tad‑distributuri Franċiżi ta’ materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa, li rriżultat mhux biss mit‑total ta’ bejgħ ta’ Legrand fis‑swieq tal‑komponenti ta’ panel boards elettroniċi, iżda wkoll mill‑pożizzjoni dominanti ta’ Legrand fis‑segmenti ta’ tagħmir ta’ l‑elettriku ultra terminali”;

–        “il‑konklużjoni ġenerali tal‑komunikazzjoni ta’ l‑ilmenti [tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet] telenka s‑swieq settorjali nazzjonali differenti affettwati mill‑operazzjoni, mingħajr ma jiġi muri li l‑pożizzjoni ta’ waħda miż‑żewġ partijiet notifikanti f’suq speċifiku ta’ prodotti tkun tappoġġa l‑pożizzjoni tal‑parti l‑oħra f’suq settorjali ieħor”;

–        “il‑komunikazzjoni ta’ l‑ilmenti [id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet] ma ppermettietx lil Schneider tevalwa fl‑estent kollu tagħhom il‑problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill‑Kummissjoni minħabba l‑operazzjoni notifikata fis‑suq Franċiż tal‑materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa kkawżati fuq il‑livell ta’ distribuzzjoni.”

115    B’hekk, billi rreferiet għas‑sentenza Schneider I, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fis‑sentenza appellata, mhux talli ma bbażatx ruħha fuq ommissjoni pura u sempliċi ta’ kwalunkwe referenza għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001, iżda ħadet eżattament inkunsiderazzjoni, kif kienet għamlet fl‑imsemmija sentenza Schneider I, nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti dwar il‑kwistjoni tal‑appoġġ fit‑test tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kif ukoll nuqqas ta’ referenza espressa għal din il‑kwistjoni fil‑konklużjoni ġenerali tagħha.

116    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li ma rrispettatx ir‑res judicata ta’ dawn il‑punti ta’ fatt deċiżi fis‑sentenza Schneider I.

117    Din il‑konklużjoni mhijiex imdgħajfa mill‑fatt li, fil‑punt 155 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, sabiex twarrab argument tal‑Kummissjoni li kien intiż li l‑Kummissjoni tinħeles mir‑responsabbiltà tagħha, tirrileva wara dan li l‑fatt li kkawża d‑dannu huwa “l‑ommissjoni fil‑komunikazzjoni ta’ l‑ilmenti [fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet] ta’ referenza essenzjali fil‑konsegwenzi tagħha u fid‑dispożittiv tad‑deċiżjoni [negattiva]”. Fil‑fatt, meta titqiegħed fil‑kuntest deskritt iktar ’il fuq, l‑espressjoni “ommissjoni ta’ referenza essenzjali” għandha tinftiehem bħala tirreferi għall‑ommissjoni ta’ referenza suffiċjentement ċara u preċiża għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ.

118    Fi kwalunkwe każ, l‑użu mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑terminu “ommissjoni” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li wassal għal evalwazzjoni allegatament żbaljata ta’ din il‑qorti, li tinstab fil‑punt 152 tas‑sentenza appellata, fis‑sens li Schneider “ma setgħetx tkun taf li, fin‑nuqqas li tippreżenta l‑miżuri korrettivi xierqa sabiex tnaqqas jew jisparixxu [telimina] s‑sitwazzjonijiet ta’ appoġġ bejn il‑pożizzjonijiet tagħha u dawk ta’ Legrand fuq is‑swieq settorjali Franċiżi, hija ma kellha l‑ebda possibbiltà li tara li l‑operazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas‑suq komuni.”

119    Fil‑fatt, fis‑sentenza Schneider I, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ħadet ħsieb li tistħarreġ jekk id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kinitx ippermettiet lil Schneider li tkun mgħarrfa b’mod sħiħ li t‑twettiq ta’ appoġġ jista’ jikkostitwixxi l‑kawża ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni, jiġifieri ostakolu definittiv għal din tal‑aħħar.

120    Issa, bl‑istess mod bħal ommissjoni ta’ kwalunkwe referenza għal oġġezzjoni, formulazzjoni li ma tkunx ċara u preċiża biżżejjed ta’ oġġezzjoni u li ma tippermettix, skont it‑termini tal‑punt 453 tas‑sentenza Schneider I, li jiġu evalwati “fl‑estent kollu tagħhom” ċerti problemi ta’ kompetizzjoni, timpedixxi lill‑impriżi kkonċernati milli jkunu jafu bin‑natura deċiżiva ta’ dawn tal‑aħħar fir‑rigward tar‑riżultat tal‑proċedura ta’ kontroll.

121    Huwa għalhekk li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonkludiet, fil‑punti 455, 456, 458 u 460 tas‑sentenza Schneider I, li Schneider:

–        kienet “ġiet miċħuda l‑possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv l‑argument tal‑Kummissjoni li jgħid li, fil‑livell tad‑distribuzzjoni, il‑pożizzjoni dominanti ta’ Schneider fis‑settur tal‑komponenti għal panel boards ta’ distribuzzjoni u terminali ser tissaħħaħ fi Franza permezz tal‑pożizzjoni dominanti ta’ Legrand fit‑tagħmir ultra terminali”;

–        “ma ngħatatx l‑okkażjoni li tippreżenta b’mod xieraq l‑osservazzjonijiet tagħha f’dan ir‑rigward ukoll [la] fir‑risposta tagħha għall‑komunikazzjoni ta’ l‑ilmenti [għad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet] u [lanqas] fis‑seduta tal‑21 ta’ Awwissu 2001”; 

–        għandha “tkun meqjusa bħala li ma bbenefikatx mill‑opportunità li tippreżenta b’mod xieraq u fi żmien opportun il‑proposti ta’ trasferiment ta’ ishma ta’ daqs suffiċjenti sabiex tippermetti li jiġu solvuti l‑problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill‑Kummissjoni fis‑swieq settorjali Franċiżi in kwistjoni”;

–        “setgħet ġiet indirettament imċaħħda mill‑possibbiltà li tikseb approvazzjoni li l‑Kummissjoni setgħet tagħti għar‑rimedji proposti, jekk il‑partijiet notifikanti kienu tpoġġew f’pożizzjoni li jippreżentaw fi żmien opportun il‑proposti ta’ ċessjoni ta’ daqs suffiċjenti sabiex jiġu solvuti l‑problemi kollha ta’ kompetizzjoni identifikati mill‑Kummissjoni fuq il‑livell ta’ distribuzzjoni fi Franza”.

122    L‑espressjonijiet “ġiet miċħuda l‑possibbilità”, “ma ngħatatx l‑okkażjoni”, “ma bbenefikatx”, “setgħet ġiet indirettament imċaħħda” juru f’dan ir‑rigward l‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fis‑sentenza Schneider I, fis‑sens li Schneider, minħabba d‑difett li jaffettwa d‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, kienet tinstab f’sitwazzjoni fejn għaliha kien impossibbli li tkun taf bin‑natura deċiżiva tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ.

123    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, meta, fil‑punt 152 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tistabbilixxi li “[Schneider] ma setgħetx tkun taf li, fin‑nuqqas li tippreżenta l‑miżuri korrettivi […], hija ma kellha l‑ebda possibbiltà li tara li l‑operazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas‑suq komuni”, hija ma għamlitx evalwazzjoni differenti minn dik li saret mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza fis‑sentenza Schneider I, iżda tesprimi biss, fi kliem ieħor, l‑istess evalwazzjoni.

124    Bl‑istess mod, meta, fil‑punt 155 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tirrileva li “l‑qari globali” tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma jippermettix li tiġi kkumpensata l‑problema maħluqa mill‑formulazzjoni tagħha, hija ma tintroduċi ebda nuqqas ta’ qbil ta’ evalwazzjoni. Fil‑fatt, it‑teħid inkunsiderazzjoni, fis‑sentenza Schneider I, tal‑impossibbiltà għal Schneider li tkun taf bl‑ostakolu kkostitwit mill‑appoġġ jippreżumi preċiżament, sabiex isir, li qari globali tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma kienx jippermetti li tiġi kkumpensata l‑formulazzjoni difettuża tagħha.

125    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l‑argumenti tal‑Kummissjoni dwar l‑eżistenza ta’ referenza għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 ma jistgħux jintlaqgħu.

ii)  Fuq l‑eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ natura li jostakolaw il‑formulazzjoni tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ b’mod suffiċjentement ċar u preċiż fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001

126    Meta jinqraw il‑punti 437 et seq. tas‑sentenza Schneider I, għandu jiġi kkonstatat l‑ewwel nett li, f’din is‑sentenza, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma ddeċidietx dwar il‑punt ta’ fatt marbut mal‑kwistjoni jekk ir‑referenza għal oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 kinitx tinvolvi jew le “diffikultà teknika partikolari” għall‑Kummissjoni.

127    Għandu jiġi kkonstatat, it‑tieni nett, li dan il‑punt ta’ fatt mhuwiex konstatazzjoni ta’ fatt iżda evalwazzjoni ta’ fatt.

128    Għalhekk, f’dak li jikkonċerna l‑imsemmi punt ta’ fatt, l‑ewwel żewġ partijiet tal‑aggravju, ibbażati rispettivament fuq ksur tar‑res judicata u fuq ineżattezza materjali ta’ konstatazzjoni ta’ fatt, huma mingħajr effett.

129    Fir‑rigward tat‑tielet parti tal‑aggravju, għandu jiġi vverifikat, fil‑mertu, jekk id‑dikjarazzjoni tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza li r‑referenza għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ ma kienet tinvolvi “ebda diffikultà teknika partikolari” tirriżultax minn żnaturament tal‑provi.

130    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi kkunsidrat li r‑referenza, f’dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, għal oġġezzjoni bħal dik ta’ appoġġ, ma tippreżumix prova kompleta tal‑fondatezza tagħha fi tmiem analiżi ekonomika eżawrjenti.

131    Din il‑prova, li, fil‑qasam tal‑konċentrazzjonijiet, tista’ effettivament tippreżenta diffikultaijiet kbar, għandha tiġi kkompletata biss matul il‑parti sussegwenti tal‑proċedura, fid‑dawl, b’mod partikolari, tal‑osservazzjonijiet tal‑impriżi kkonċernati, debitament informati bl‑eżistenza tal‑problema ta’ kompetizzjoni permezz tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet għall‑għanijiet ta’ eżerċizzju effikaċi tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom.

132    Fl‑istadju tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, il‑Kummissjoni għandha tispjega b’mod ċar u preċiż biss il‑problema ta’ appoġġ li tista’ tostakola dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni.

133    Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi aċċettat li l‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza dwar in‑nuqqas ta’ diffikultà teknika partikolari fl‑indikazzjoni ta’ problema ta’ appoġġ ma twassalx għal żnaturament tal‑provi prodotti quddiemha.

134    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l‑ewwel tliet partijiet tal‑ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda.

b)     Fuq ir‑raba’ parti tal‑aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

135    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza li tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir‑raġunamenti kollha mqajma mill‑partijiet fil‑kawża u li l‑motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil‑kundizzjoni li tkun tippermetti lill‑partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r‑raġunijiet għalfejn il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma laqgħatx l‑argumenti tagħhom u lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l‑istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 96 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

136    Fil‑punt 152 tas‑sentenza appellata, dwar il‑kwistjoni tar‑referenza għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tirreferi għal dak li “jirrriżulta mis‑sentenza Schneider I” dwar il‑mod kif ġiet ifformulata d‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

137    Kif ġie rrilevat fil‑punt 114 ta’ din is‑sentenza, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza għalhekk tirreferi għall‑fatti meħuda inkunsiderazzjoni fil‑punti 445 u 453 tas‑sentenza Schneider I u koperti mill‑ewwel tliet partijiet tal‑ewwel aggravju. Għalhekk wieħed jista’ jifhem li hija tibbaża l‑kwalifika tagħha ta’ “ksur manifest u gravi” fuq dawn il‑fatti.

138    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill‑punt 117 ta’ din is‑sentenza, ir‑referenza magħmula tinstab f’kuntest li jippermetti li tiġi ddeterminata l‑portata tal‑espressjoni “ommissjoni ta’ referenza essenzjali” użata iktar tard fil‑punt 155 tas‑sentenza appellata.

139    Dwar l‑evalwazzjoni li r‑referenza għall‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma kienet tinvolvi ebda diffikultà teknika partikolari, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fl‑istess punt 155 tas‑sentenza appellata, tenfasizza essenzjalment, b’motivazzjoni suffiċjenti, id‑distinzjoni li għandha ssir bejn, minn naħa, l‑analiżi fil‑mertu tas‑swieq rilevanti sabiex tintwera inkompatibbiltà mas‑suq komuni u, min‑naħa l‑oħra, is‑sempliċi indikazzjoni, fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, ta’ problema ta’ kompetizzjoni li tista’ tikkostitwixxi, bla ħsara għall‑osservazzjonijiet tal‑impriżi kkonċernati, ostakolu għal dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni.

140    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r‑raba’ parti tal‑ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda wkoll.

141    Għalhekk, l‑ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fil‑mertu fl‑intier tiegħu, mingħajr ma hemm lok li tiġi deċiża l‑ammissibbiltà tiegħu.

B –  Fuq it‑tieni motiv ibbażat fuq l‑argument li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li hemm, min‑naħa tal‑Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l‑għan li tikkonferixxi drittijiet lill‑individwi

1.     L‑argumenti tal‑partijiet

142    Il‑Kummissjoni taqsam it‑tieni aggravju tagħha f’żewġ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq żball fil‑kwalifika legali tal‑fatti u fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni.

143    Fil‑kuntest tal‑ewwel parti ta’ dan l‑aggravju, hija taċċetta li, fis‑sistema tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità, meta l‑istituzzjoni inkwistjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti, is‑sempliċi ksur tad‑dritt Komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l‑eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l‑għan li tikkonferixxi drittijiet lill‑individwi.

144    Hija tirrikonoxxi li, rigward l‑implementazzjoni tad‑dritt għal smigħ skont l‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament, l‑obbligu li għandha li tifformula b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l‑oġġezzjoni ta’ appoġġ ma jaqax taħt l‑eżerċizzju min‑naħa tagħha ta’ setgħa diskrezzjonali, iżda jaqa’ taħt is‑sempliċi applikazzjoni tar‑regoli proċedurali rilevanti.

145    Madankollu, hija tikkunsidra li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kellha neċessarjament tikkunsidra, lil hinn mit‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑marġni ta’ diskrezzjoni limitat, jekk mhux ineżistenti, li hija kellha rigward id‑dritt għal smigħ ta’ Schneider, il‑kumplessità tas‑sitwazzjonijiet li għandhom ikunu rregolati u li l‑istituzzjoni kellha taffaċja matul il‑proċedura amministrattiva.

146    Hija tfakkar li, quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, hija sostniet li l‑formulazzjoni tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 kienet partikolarment kumplessa, fid‑dawl mhux biss tal‑limitazzjonijiet ta’ żmien imposti fuqha, iżda wkoll u fuq kollox fid‑dawl tal‑firxa tal‑problemi ta’ kompetizzjoni kkawżati minn konċentrazzjoni li tkopri ħafna swieq settorjali nazzjonali. L‑indikazzjoni ċara u suffiċjentement preċiża ta’ kull oġġezzjoni li l‑Kummissjoni fformulat rigward kull suq settorjali nazzjonali kellha għalhekk natura kumplessa ħafna mhux biss mil‑lat kunċettwali, iżda wkoll mil‑lat ta’ formulazzjoni.

147    L‑oġġezzjoni ta’ appoġġ stess kienet ta’ kumplessità partikolari u addizzjonali minħabba l‑fatt li l‑elaborazzjoni u l‑formulazzjoni tagħha ma kinux jippreżumu analiżi ta’ kull suq settorjali nazzjonali meħud individwalment, bħall‑oġġezzjonijiet l‑oħra kollha indikati fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, iżda analiżi trasversali tas‑swieq kollha tal‑apparat tal‑elettriku ta’ tensjoni baxxa f’kull Stat Membru, inklużi s‑swieq settorjali li għalihom il‑konċentrazzjoni ma kienet toħloq ebda problema ta’ kompetizzjoni ta’ natura orizzontali.

148    L‑indikazzjoni tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ, kunċett ekonomikament kumpless, kienet teħtieġ li jsir studju tar‑relazzjonijiet bejn il‑pożizzjonijiet tal‑partijiet u tal‑kompetituri tagħhom f’diversi swieq settorjali ġo kull Stat Membru, u li mbagħad tiġi eżaminata l‑istruttura tad‑distribuzzjoni u r‑relazzjonijiet bejn il‑fornituri u l‑grossisti f’kull Stat Membru.

149    Il‑Kummissjoni tenfasizza li hija mhijiex qed issostni d‑diffikultà li turi l‑validità fil‑mertu tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ, iżda l‑kumplessità partikolari li tqajjem fiha nfisha l‑indikazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża ta’ din l‑oġġezzjoni.

150    Il‑Kummissjoni tirrileva li, quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, Schneider kienet sostniet li, minn meta ġiet innotifikata l‑konċentrazzjoni, hija kienet ikkontestat l‑eżistenza ta’ appoġġ u dan kellu jagħmilha inqas diffiċli għall‑Kummissjoni li tindika b’mod ċar u preċiż biżżejjed oġġezzjoni dwar dan il‑punt. Il‑Kummissjoni kienet għalhekk wieġbet hija stess li dan il‑fatt kien ta’ natura li jnaqqas iktar u iktar il‑gravità tal‑iżball proċedurali mwettaq.

151    Il‑Kummissjoni tistqarr li, peress li Schneider stess kienet naqqset l‑impatt tal‑problema ta’ appoġġ, il‑fatt li hija ma indikatx l‑oġġezzjoni korrispondenti b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti ma setax, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju.

152    Hija ssostni li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kellha tikkunsidra f’din il‑kawża li, meta fformulat taħt pressjoni qawwija ta’ żmien dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ta’ 145 paġna, hija sabet ruħha quddiem sitwazzjoni li l‑ġestjoni tagħha kienet kumplessa u li teskludi l‑eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

153    Fil‑kuntest tat‑tieni parti tat‑tieni aggravju tagħha, il‑Kummissjoni ssostni li kienet il‑Qorti tal‑Prim’Istanza li kellha tispjega b’attenzjoni partikolari l‑motivi li wassluha sabiex tikkonkludi li l‑ksur ikkonstatat fis‑sentenza Schneider I kien suffiċjentement serju.

154    Issa, skont il‑Kummissjoni, il‑motivazzjoni mogħtija mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza fuq dan il‑punt hija prattikament ineżistenti fis‑sentenza appellata.

155    Din il‑motivazzjoni ma tippermettix li dak li jkun jifhem għaliex il‑pressjonijiet ta’ diversi kwalitajiet li kienu invokati ma jnaqqsux il‑portata tal‑ksur.

156    Fi kwalunkwe każ, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma rrispondietx suffiċjentement għall‑argumenti rilevanti fformulati quddiemha mill‑Kummissjoni, b’mod partikolari li l‑istituzzjoni:

–        kienet invokat il‑problema tal‑appoġġ f’diversi punti tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet;

–        kienet invokat id‑diffikultajiet marbuta mal‑elaborazzjoni f’terminu qasir tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, mal‑evalwazzjoni kumplessa kemm tal‑argumenti kollha dwar il‑mertu, fejn l‑oġġezzjoni ta’ appoġġ kienet tifforma biss wieħed minn diversi elementi rilevanti, kif ukoll tal‑miżuri korrettivi proposti;

–        kienet iddikjarat li l‑fatt li Schneider forniet lill‑Kummissjoni informazzjoni li turi li l‑konċentrazzjoni ma kellha ebda problema ta’ appoġġ huwa ta’ natura tali li jnaqqas iktar u iktar il‑gravità tal‑iżball proċedurali mwettaq;

–        kienet sostniet li hija setgħet tikkunsidra inbona fide li kellha dritt iżżid fid‑deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà argumenti ta’ fatt jew ta’ dritt dwar l‑oġġezzjoni ta’ appoġġ identifikata qabel;

–        kienet sostniet li r‑rekwiżit ta’ ċarezza fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet fil‑qasam tal‑konċentrazzjonijiet kien għadu ma ġiex stabbilit b’mod tant ċar mill‑ġurisprudenza fiż‑żmien tal‑fatti.

157    Schneider titlob li t‑tieni aggravju jiġi miċħud.

158    L‑ewwel parti ta’ dan l‑aggravju hija inammissibbli sa fejn tirreferi għal evalwazzjonijiet ta’ fatt u tagħmel allegazzjoni ġdida, jiġifieri dik ta’ allegata kumplessità fil‑formulazzjoni tal‑indikazzjoni tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ.

159    Fi kwalunkwe każ, l‑aggravju eżaminat mhuwiex fondat.

2.     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)     Fuq l‑ewwel parti tal‑aggravju, ibbażata fuq żball fil‑kwalifika legali tal‑fatti

160    Sabiex tiġi stabbilita r‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità, huwa meħtieġ li jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom, meta tkun involuta l‑illegalità ta’ att ġuridiku, l‑eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li jkollha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill‑individwi. Fir‑rigward ta’ din il‑kundizzjoni, il‑kriterju deċiżiv sabiex jitqies li ksur tad‑dritt Komunitarju huwa suffiċjentement serju huwa dak tan‑nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, minn istituzzjoni Komunitarja, tal‑limiti imposti fuq is‑setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l‑istituzzjoni jkollha biss setgħa diskrezzjonali kunsiderevolment imnaqqsa, jekk mhux ineżistenti, is‑sempliċi ksur tad‑dritt Komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l‑eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju [sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, Ġabra p. I‑2941, punt 47 u l‑ġurisprudenza ċċitata].

161    Jekk ikun il‑każ, is‑sistema żviluppata mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑qasam tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità tieħu inkunsiderazzjoni l‑kumplessità tas‑sitwazzjonijiet li jridu jiġu affrontati [sentenza Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 u l‑ġurisprudenza ċċitata].

162    F’din il‑kawża mhuwiex ikkontestat li l‑illegalità invokata hija kkostitwita, kif iddeċidiet ġustament il‑Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑punti 145 sa 151 tas‑sentenza appellata, mill‑ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l‑għan li tikkonferixxi drittijiet lill‑individwi, jiġifieri l‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament, li jistabbilixxi l‑applikazzjoni tal‑prinċipju tar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża.

163    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi enfasizzat, l‑ewwel nett, li d‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet hija dokument essenzjali għall‑implementazzjoni ta’ dan il‑prinċipju.

164    Sabiex jiġi żgurat l‑eżerċizzju effettiv tad‑drittijiet tad‑difiża, dan id‑dokument jillimita l‑iskop tal‑proċedura amministrattiva mibdija mill‑Kummissjoni, b’tali mod li jipprojbixxi lil din tal‑aħħar milli tikkunsidra oġġezzjonijiet oħra fid‑deċiżjoni tagħha li ttemm il‑proċedura (sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

165    Għal dan il‑għan, l‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament jimplika li, meta l‑Kummissjoni tikkonstata matul il‑proċedura ta’ eżami approfondit, wara d‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, li problema ta’ kompetizzjoni li tista’ twassal għal dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ma tkunx ġiet indikata, jew ma tkunx ġiet indikata b’mod suffiċjenti, fl‑imsemmija dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, hija għandha jew tirrinunzja għal din l‑oġġezzjoni fl‑istadju tad‑deċiżjoni finali tagħha, jew tagħmel mod li l‑impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jifformulaw, qabel din id‑deċiżjoni, l‑osservazzjonijiet dwar il‑mertu u l‑proposti ta’ miżuri korrettivi effettivi kollha.

166    It‑tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l‑obbligu li għandha l‑Kummissjoni li tifformula b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l‑oġġezzjoni ta’ appoġġ kien joħroġ, kif tirrikonoxxi din l‑istituzzjoni, minn sempliċi applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti, hekk li, fir‑rigward tad‑dritt għal smigħ ta’ Schneider, il‑marġni ta’ diskrezzjoni kien kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti.

167    Il‑parti tal‑aggravju eżaminata hija bbażata, fl‑ewwel lok, fuq il‑kritika magħmula lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l‑kumplessità tas‑sitwazzjoni li kellha tiġi rregolata sabiex teskludi ksur suffiċjentement serju.

168    Din il‑parti hija bbażata għalhekk fuq premessa li tikkontesta l‑evalwazzjoni ta’ fatt magħmula fil‑punt 155 tas‑sentenza appellata, fis‑sens li l‑inklużjoni tal‑oġġezzjoni ta’ appoġġ fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2001 ma kienet tinvolvi “ebda diffikultà teknika partikolari”, evalwazzjoni li taqa’ fil‑kompetenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza.

169    Issa, fir‑rigward tal‑evalwazzjoni inkwistjoni, fil‑punt 133 ta’ din is‑sentenza diġà ġie deċiż li l‑allegazzjoni ta’ żnaturament tal‑provi hija infondata.

170    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑argument tal‑Kummissjoni bbażat fuq il‑kumplessità tas‑sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata, invokat sabiex jintwera żball ta’ kwalifika legali, ma jistax jintlaqa’.

171    L‑ewwel parti tat‑tieni aggravju hija bbażata, fit‑tieni lok, fuq il‑kritika li essenzjalment saret lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza li kienet ikkwalifikat l‑aġir tal‑Kummissjoni bħala ksur suffiċjentement serju, mentri Schneider, minħabba li naqqset hija stess, minn meta saret in‑notifika tal‑konċentrazzjoni, l‑impatt tal‑problema ta’ appoġġ, kienet taf bil‑problema ta’ kompetizzjoni li kien hemm, u dan naqqas il‑gravità tal‑iżball proċedurali mwettaq.

172    Madankollu, jekk jitqies li, minn meta saret in‑notifika tal‑konċentrazzjoni, Schneider kienet effettivament, b’mod preventiv, assigurat lill‑Kummissjoni li l‑imsemmija konċentrazzjoni ma kinitx ser toħloq problema ta’ appoġġ, ir‑referenza mhux ċara u preċiża biżżejjed għal oġġezzjoni fuq dan il‑punt fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet mhux talli ma wasslitx sabiex l‑impriża tkun taf b’riskju ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà iżda kienet, għall‑kuntrarju, ta’ natura tali li tikkonferma l‑fehma tagħha u li tbiegħda, fil‑preparazzjoni tal‑osservazzjonijiet tagħha, milli tipprepara motivazzjoni addizzjonali u/jew proposta ta’ rimedji adegwati.

173    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma wettqitx żball fil‑kwalifika legali tal‑fatti meta kkonstatat ksur suffiċjentement serju mingħajr ma kkonstatat, minn naħa, l‑eżistenza ta’ sitwazzjoni kumplessa li kellha tiġi rregolata, u lanqas, min‑naħa l‑oħra, li Schneider kienet taf li kien hemm riskju fir‑rigward tal‑konċentrazzjoni minħabba problema ta’ appoġġ.

174    Minn dan isegwi li l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju għandha tiġi miċħuda fil‑mertu, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi deċiża l‑ammissibbiltà tagħha.

b)     Fuq it‑tieni parti tal‑aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

175    Kif jirriżulta mill‑punt 135 ta’ din is‑sentenza, l‑obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il‑Qorti tal‑Prim’Istanza li tipprovdi risposti eżawrjenti għar‑raġunamenti kollha mressqa mill‑partijiet fil‑kawża u huwa suffiċjenti li l‑motivazzjoni, anki impliċita, tippermetti lill‑partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r‑raġunijiet għalfejn l‑argumenti tagħhom ma jkunux intlaqgħu u lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li teżerċita l‑istħarriġ tagħha.

176    Fis‑sentenza appellata, sabiex timmotiva l‑konstatazzjoni tagħha tal‑eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tenfasizza l‑ewwel nett, fil‑punti 145 sa 150, l‑importanza tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet fir‑rigward tal‑eżerċizzju tad‑drittijiet tad‑difiża billi tirreferi għal diversi sentenzi preċedenti.

177    B’hekk hija tirrileva li:

–        “[skont l‑]Artikolu 18(3) tar‑[R]egolament […] l‑Kummissjoni tista’ tibbaża d‑deċiżjonijiet tagħha ta’ inkompatibbiltà biss fuq l‑oġġezzjonijiet li dwarhom l‑impriżi kkonċernati setgħu jsostnu l‑osservazzjonijiet tagħhom”;

–        “[f]il‑kwalità tagħhom ta’ destinatarji tad‑deċiżjonijiet ta’ awtorità pubblika li taffettwa [jaffettwaw] b’mod kunsiderevoli l‑interessi tagħhom, l‑impriżi li huma parti għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ daqs Komunitarju għandhom fil‑fatt ikunu f’pożizzjoni li jinfurmaw b’mod effettiv il‑perspettiva tagħhom u, għal dawn il‑finijiet, [għandhom] ikunu informati b’mod ċar, fi żmien xieraq, tas‑sustanza [dwar is‑sustanza] ta’ l‑oġġezzjonijiet li l‑Kummissjoni mqajma [tqajjem] fir‑rigward ta’ l‑operazzjoni nnotifikata tagħhom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il‑Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15, u sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza ta’ l‑4 ta’ Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il‑Kummissjoni, T‑87/96, Ġabra p. II‑203, punt 88)”;

–        “[i]l‑komunikazzjoni ta’ l‑ilmenti jippreżentaw [id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tippreżenta] f’dan ir‑rigward importanza partikolari, peress li hija speċifikament destinata sabiex tippermetti lill‑impriżi kkonċernati jirreaġixxi [jirreaġixxu] għall‑preokkupazzjonijiet espressi mill‑istituzzjoni regulatorja, minn naħa, billi jesprimu l‑perspettiva tagħhom dwar dan, min‑naħa l‑oħra, bil‑għan li [billi] jissottomettu lill‑Kummissjoni miżuri destinati li jikkoreġu l‑impatt negattiv ta’ l‑operazzjoni nnotifikata”;

–        “[d]in il‑garanzija, li taqa’ taħt il‑garanziji fundamentali li bihom is‑sistema legali Komunitarja tarmonizza t‑twettiq tal‑proċeduri amministrattivi, tagħti importanza kbira lill‑verifika [għandha importanza kbira għall‑kontroll] ta’ l‑operazzjoni[jiet] ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14)”.

178    It‑tieni nett, fil‑punt 152 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tirreferi għas‑sentenza Schneider I sabiex tagħmel evalwazzjoni dwar il‑konsegwenzi, għall‑eżerċizzju tad‑drittijiet tad‑difiża, tal‑formulazzjoni difettuża tad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

179    Hija għalhekk tibbaża ruħha fuq l‑elementi kkonstatati fil‑punti 445, 453 et seq. tas‑sentenza Schneider I, jiġifieri li:

–        id‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet ma kinitx ittrattat b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti oġġezzjoni ta’ appoġġ;

–        il‑konklużjoni ġenerali ta’ din il‑komunikazzjoni ma wrietx li kien hemm xi tip ta’ appoġġ;

–        l‑imsemmija dikjarazzjoni ċaħħdet lil Schneider mill‑possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv fuq il‑mertu t‑teżi tal‑Kummissjoni u li tippreżenta fi żmien opportun proposti għal miżuri korrettivi.

180    Minn dawn l‑elementi tal‑aħħar, hija essenzjalment tasal, fl‑istess punt 152 tas‑sentenza appellata, li t‑termini tagħha huma mfakkra fil‑punt 112 ta’ din is‑sentenza, għall‑konklużjoni determinanti li Schneider ma setgħetx tkun taf li problema ta’ appoġġ setgħet twassal għal dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni notifikata.

181    Fil‑punt 153 tas‑sentenza appellata, hija tirrileva l‑konsegwenza ta’ dannu ta’ din is‑sitwazzjoni billi tenfasizza li, minħabba f’hekk, il‑miżuri korrettivi proposti minn Schneider ma kinux oġġettivament ta’ natura tali li jsolvu l‑problema speċifika tal‑appoġġ fis‑swieq settorjali Franċiżi inkwistjoni.

182    Fl‑aħħar nett, fil‑punt 155 tal‑istess sentenza, filwaqt li tagħmel essenzjalment distinzjoni bejn analiżi kompleta fil‑mertu ta’ problema ta’ kompetizzjoni u l‑indikazzjoni ta’ din il‑problema, sabiex tikkunsidra li s‑sempliċi indikazzjoni ma kienet tinvolvi ebda diffikultà partikolari, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza teżamina b’mod iktar speċifiku l‑kundizzjoni għall‑kwalifika ta’ ksur suffiċjentement serju marbuta mal‑kwistjoni ta’ jekk hemmx jew le sitwazzjoni kumplessa li għandha tiġi rregolata.

183    Għandu jiġi ammess li, permezz ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet kollha, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza:

–        ippermettiet lill‑Kummissjoni li tkun taf ir‑raġunijiet għaliex ikkonstatat li hemm ksur suffiċjentement serju, u lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li teżerċita l‑istħarriġ tagħha fuq din il‑kwalifika legali;

–        tat lir‑rikorrenti risposti espliċiti u impliċiti għall‑argumenti mqajma minnha.

184    Minn dan isegwi li t‑tieni parti tat‑tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

185    Għalhekk, it‑tieni aggravju għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

C –  Fuq it‑tielet aggravju bbażat fuq l‑argument li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza kkonstatat b’mod żbaljat li teżisti rabta kawżali diretta bejn in‑nuqqas tal‑Kummissjoni u d‑dannu mġarrab minn Schneider minħabba t‑tnaqqis mogħti fil‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand

1.     L‑argumenti tal‑partijiet

186    It‑tielet aggravju ta’ annullament tas‑sentenza appellata huwa magħmul minn ħames partijiet, ibbażati rispettivament fuq l‑argumenti li, meta kkonstatat l‑eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn in‑nuqqas tal‑Kummissjoni u d‑dannu mġarrab minn Schneider minħabba t‑tnaqqis fil‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand mogħti bħala korrispettiv għall‑posponiment għall‑10 ta’ Diċembru 2002 tat‑twettiq effettiv tal‑bejgħ miftiehem fis‑26 ta’ Lulju 2002, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza:

–        għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti sabiex tiddeċiedi, l‑ewwel nett, li Schneider kienet imġiegħla tikkonkludi n‑negozjati fuq il‑bejgħ mill‑ġdid u l‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand fis‑26 ta’ Lulju 2002, it‑tieni nett, li d‑data tal‑posponiment tal‑10 ta’ Diċembru 2002 miftiehma għat‑twettiq effettiv tal‑bejgħ kienet suffiċjentement wara d‑data prevedibbli tal‑għoti tas‑sentenza Schneider I sabiex Schneider setgħet tiżgura ruħha mill‑possibbiltà li terġa’ tikseb l‑eżami mill‑ġdid tal‑konċentrazzjoni mill‑Kummissjoni permezz tal‑preżentazzjoni ta’ miżuri korrettivi ġodda u, it‑tielet nett, li kien hemm rabta ta’ kawża u effett bejn il‑ksur suffiċjentement serju u t‑tnaqqis fil‑prezz ta’ trasferiment allegat minn Schneider;

–        żnaturat ukoll il‑provi sabiex tiddeċiedi fuq dawn it‑tliet punti;

–        wettqet żball fil‑kwalifika legali tal‑fatti;

–        ivvizzjat id‑deċiżjoni tagħha b’kontradizzjoni fil‑motivi, fir‑rigward tal‑analiżi li hemm fil‑punti 260 sa 286 tal‑istess sentenza, li fi stadju preċedenti kienet wasslet lill‑Qorti tal‑Prim’Istanza sabiex teskludi rabta kawżali suffiċjentement stretta bejn in‑nuqqas tal‑Kummissjoni u t‑telf totali tal‑valur tal‑ishma inkwistjoni bejn l‑akkwist tagħhom minn Schneider u t‑trasferiment sussegwenti tagħhom;

–        għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti u wettqet żbalji ta’ liġi sabiex tiddeċiedi li Schneider ma kinitx ikkontribwiet għat‑twettiq tad‑dannu kollu, filwaqt li kellha tintlaħaq konklużjoni kuntrarja minħabba, l‑ewwel, li Schneider setgħet tkun taf bil‑problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa neċessarjament mis‑sitwazzjoni ta’ appoġġ maħluqa mill‑konċentrazzjoni, it‑tieni nett, li hija kienet irtirat it‑talba tagħha għas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni u ma kinitx ippreżentat sussegwentement rikors għal miżuri provviżorji f’dak li jikkonċerna l‑obbligu ta’ trasferiment ta’ Legrand u, it‑tielet nett, kienet għażlet li titrasferixxi lil Legrand f’data li fiha ma kinitx marbuta b’obbligu f’dan is‑sens.

187    Insostenn tat‑tielet aggravju tagħha, il‑Kummissjoni b’mod partikolari ssostni li, wara s‑sentenzi Schneider I u Schneider II u, b’mod partikolari, wara l‑annullament tad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni li rriżultat minnhom, Schneider, fl‑10 ta’ Diċembru 2002, ma kinitx obbligata li titrasferixxi lil Legrand, “kundizzjoni sine qua non għall‑materjalizzazzjoni tad‑dannu inkwistjoni”.

188    Schneider issostni li l‑ewwel tliet partijiet tal‑aggravju huma inammissibbli peress li jwasslu għal reviżjoni ta’ konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula fis‑sentenza appellata. Hija tallega li l‑ħames parti tal‑aggravju hija wkoll inammissibbli sa fejn l‑argumenti taħt din il‑parti ġew evokati għall‑ewwel darba f’dan l‑istadju tal‑kawża.

189    Għall‑kumplament, hija ssostni li l‑argumenti mressqa fil‑kuntest tat‑tielet aggravju mhumiex fondati jew huma mingħajr effett.

2.     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

190    L‑ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati flimkien it‑tielet u l‑ħames partijiet tal‑aggravju sa fejn jirrigwardaw l‑impatt tat‑trasferiment effettiv ta’ Legrand li sar fl‑10 ta’ Diċembru 2002.

a)     Fuq l‑ammissibbiltà

191    Għandu jiġi mfakkar li, ladarba l‑Qorti tal‑Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il‑fatti, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha l‑kompetenza li teżerċita, skont l‑Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq il‑kwalifika legali ta’ dawn il‑fatti u l‑konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il‑Qorti tal‑Prim’Istanza abbażi ta’ din il‑kwalifika (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tad‑19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 105).

192    Issa, fil‑qasam tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Komunità, il‑kwistjoni dwar l‑eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il‑fatt li kkawża d‑dannu u d‑dannu, kundizzjoni meħtieġa sabiex ikun hemm din ir‑responsabbiltà, tikkostitwixxi punt ta’ liġi li hija, għalhekk, suġġetta għall‑istħarriġ tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

193    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, sa fejn tirreferi preċiżament għal stħarriġ tal‑kwalifika legali tal‑fatti magħmula mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi li hemm rabta kawżali diretta bejn in‑nuqqas tal‑Kummissjoni u d‑dannu allegat minn Schneider, u sa fejn, kif ser jintwera iktar tard, dan l‑istħarriġ jista’ jitwettaq f’din il‑kawża mingħajr ma jiġu kkontestati l‑konstatazzjonijiet u l‑evalwazzjonijiet ta’ fatti magħmula, it‑tielet parti tal‑aggravju eżaminat hija ammissibbli.

194    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għad‑dikjarazzjoni ta’ Schneider, l‑argument li hemm fil‑ħames parti, jiġifieri li Schneider kienet għażlet li titrasferixxi lil Legrand f’data li fiha meta ma kinitx marbuta b’obbligu f’dan is‑sens, ma tressaqx l‑ewwel darba fl‑istadju tal‑appell.

195    Fil‑fatt, fil‑kontroreplika tagħha ppreżentata fl‑ewwel istanza, il‑Kummissjoni, fil‑kontestazzjoni tagħha tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali, espressament sostniet li:

–        id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni li tiftaħ mill‑ġdid il‑proċedura ta’ eżami approfondit wara s‑sentenzi Schneider I u Schneider II b’ebda mod ma għamlet it‑trasferiment inevitabbli;

–        hija b’ebda mod ma imponiet lil Schneider li titrasferixxi l‑ishma tagħha, b’mod speċjali fid‑dawl tal‑fatt li Schneider kellha l‑possibiltà li timplementa l‑klawżola ta’ xoljiment innegozjata minnha sabiex it‑trasferiment ma jitwettaqx;

–        huwa minħabba li ma riditx tipproponi miżuri korrettivi adegwati sabiex jiġu rrimedjati l‑problemi kkawżati mill‑konċentrazzjoni fi Franza li Schneider kienet għażlet li twettaq it‑trasferiment ta’ Legrand, u mhux minħabba xi att ta’ nuqqas tal‑Kummissjoni.

196    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑ħames parti tal‑aggravju hija ammissibbli sa fejn għandha l‑argument li Schneider kienet għażlet li titrasferixxi lil Legrand f’data li fiha hija ma kinitx marbuta b’obbligu f’dan is‑sens.

b)     Fuq il‑mertu

197    Fil‑punt 303 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tistabbilixxi li hija stess għandha teżamina jekk l‑illegalità li tivvizzja d‑deċiżjoni negattiva kellhiex bħala konsegwenza tnaqqis fil‑valur li bih ishma miżmuma minn Schneider fil‑kapital ta’ Legrand ġew evalwati fil‑kuntratt ta’ trasferiment.

198    Fil‑punti 315 u 316 tal‑istess sentenza, hija kkonkludiet li:

–        il‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża li jivvizzja d‑deċiżjoni negattiva għandu jiġi meqjus bħala li huwa relatat permezz ta’ rabta suffiċjentement diretta mal‑posponiment għall‑10 ta’ Diċembru 2002, fil‑kuntratt ta’ trasferiment, tat‑terminu għat‑twettiq effettiv tal‑bejgħ ta’ Legrand, sa fejn dan il‑posponiment kien indispensabbli sabiex jippermetti lil Schneider li teżerċità b’mod effettiv id‑dritt ta’ kull persuna kkonċernata li tikseb deċiżjoni legali fuq il‑kompatibbiltà mas‑suq komuni ta’ konċentrazzjoni debitament innotifikata u, eventwalment, li tkun tista’ tinstema’ fi proċedura li toffrilha l‑garanziji meħtieġa;

–        konsegwentement, il‑ksur serju tad‑dritt Komunitarju li waslet għalih il‑Qorti tal‑Prim’Istanza għandu jitqies bħala li huwa wkoll relatat permezz ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta mad‑dannu mġarrab minn Schneider minħabba t‑tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand inerenti għall‑posponiment tat‑twettiq effettiv tat‑trasferiment.

199    Sabiex tasal għall‑konklużjonijiet tagħha, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, fil‑punti 304 sa 312 tas‑sentenza appellata, tikkunsidra essenzjalment l‑elementi li ġejjin:

–        in‑negozjati li seħħew fid‑dawl tat‑trasferiment ta’ Legrand u l‑konklużjoni tal‑kuntratt ta’ trasferiment fis‑26 ta’ Lulju 2002 irriżultaw direttament mid‑deċiżjoni negattiva li, għalkemm illegali, kellha l‑effetti legali kollha tagħha sal‑annullament tagħha permezz tas‑sentenza Schneider I, mogħtija fit‑22 ta’ Ottubru 2002;

–        Schneider, minħabba din id‑deċiżjoni, ġiet imġiegħla li tibda u tikkonkludi negozjati għat‑trasferiment saħansitra qabel l‑għoti tas‑sentenza li tiddeċiedi fuq ir‑rikors għal annullament tagħha;

–        Schneider kienet marbuta, permezz tal‑eżistenza tad‑deċiżjoni negattiva, li tistabbilixxi prezz ta’ trasferiment fl‑att konkluż fis‑26 ta’ Lulju 2002 u li tiggarantixxi l‑possibbiltà li tissospendi l‑eżekuzzjoni effettiva tat‑trasferiment sal‑10 ta’ Diċembru 2002;

–        din id‑data kienet suffiċjentement wara d‑data prevedibbli tal‑għoti tas‑sentenza Schneider I sabiex tippermetti lil Schneider tikseb il‑konferma, fil‑każ taċ‑ċaħda tar‑rikors għal annullament tagħha, tal‑legalità tad‑deċiżjoni inkwistjoni jew, fis‑sitwazzjoni kuntrarja ta’ annullament, li tiżgura ruħha li jkollha l‑possibbiltà li terġa’ tikseb l‑eżami mill‑ġdid tal‑konċentrazzjoni mill‑Kummissjoni, permezz tal‑preżentazzjoni ta’ miżuri korrettivi ġodda, fid‑dawl tal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tiddeċiedi legalment fuq il‑kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni mas‑suq komuni;

–        dan l‑obbligu li jiġi pospost it‑twettiq effettiv tal‑bejgħ neċessarjament wassal sabiex Schneider tagħti lill‑akkwirent tnaqqis fil‑prezz meta mqabbel mal‑prezz li hija kienet tikseb fil‑każ ta’ bejgħ assigurat li kien iseħħ fin‑nuqqas ta’ illegalità tad‑deċiżjoni negattiva;

–        il‑posponiment għall‑10 ta’ Diċembru 2002 tal‑bejgħ effettiv li kien jimplika l‑għoti lill‑akkwirent ta’ kumpens għar‑riskju ta’ deprezzament tal‑ishma ta’ Legrand seħħ biss minħabba l‑eventwalità ta’ varjazzjoni żvantaġġuża fil‑prezzijiet tat‑titoli industrijali fil‑perijodu inkluż bejn id‑data tal‑firma tal‑kuntratt tat‑trasferiment u l‑aħħar terminu miftiehem bejn il‑partijiet kontraenti għat‑twettiq effettiv tal‑bejgħ.

200    Għandu jiġi kkonstatat li, fis‑26 ta’ Lulju 2002, data li fiha Schneider ikkonkludiet ma’ Wendel‑KKR kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand li kien jipprovdi li dan it‑trasferiment kellu jseħħ sa mhux iktar tard mill‑10 ta’ Diċembru 2002, bla ħsara għal dritt ta’ xoljiment stipulat favur Schneider bi ħlas ta’ kumpens għal xoljiment ta’ EUR 180 miljun, din il‑kumpannija tal‑aħħar kienet obbligata li tibda proċess ta’ bejgħ b’implementazzzjoni tad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni.

201    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, fid‑data tas‑26 ta’ Lulju 2002 u wara l‑proċeduri għal miżuri provviżorji mibdija u sussegwentement imwaqqfa minn Schneider, il‑Kummissjoni kienet ipprorogat għall‑5 ta’ Frar 2003 it‑terminu iniżjalment stabbilit bħala l‑5 ta’ Novembru 2002 għas‑separazzjoni, u li, min‑naħa l‑oħra, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, li kienet aċċettat li tiddeċiedi skont il‑proċedura mħaffa, annullat id‑deċiżjoni negattiva permezz tas‑sentenza Schneider I, tat‑22 ta’ Ottubru 2002, qabel it‑terminu stabbilit mill‑kuntratt għat‑twettiq tat‑trasferiment.

202    F’dan il‑kuntest, Schneider iddeċidiet li ma teżerċitax id‑dritt ta’ xoljiment fit‑terminu li skada fil‑5 ta’ Diċembru 2002 u li tħalli b’hekk it‑trasferiment isir effettiv fl‑10 ta’ Diċembru 2002.

203    Mill‑proċess jirriżulta li hija ħadet din id‑deċiżjoni essenzjalment abbażi tal‑biża tagħha li ma tiksibx, fil‑kuntest tat‑tkomplija tal‑proċedura ta’ eżami approfondit, anki wara proposta ta’ miżuri korrettivi, deċiżjoni li tikkonstata l‑kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni, filwaqt li:

–        ir‑riskju ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mas‑suq komuni huwa inerenti għal kull proċedura ta’ kontroll, kemm jekk sa mill‑bidu tagħha u kemm jekk wara l‑annullament tal‑ewwel deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, fil‑kuntest tat‑tkomplija tal‑proċedura amministrattiva;

–        deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tibqa’ f’kull każ suġġetta għall‑istħarriġ tal‑Qorti Komunitarja.

204    Issa, il‑konsegwenza legali loġika tal‑annullament tad‑deċiżjoni negattiva u tad‑deċiżjoni ta’ separazzjoni kellha tkun li Schneider ipparteċipat fit‑tkomplija tal‑proċedura ta’ eżami approfondit sat‑tmiem tagħha, mument meta kien hemm dawn l‑alternattivi li ġejjin, kif sostniet essenzjalment il‑Kummissjoni fl‑appell tagħha:

–        jew tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata l‑kompatibbiltà tal‑konċentrazzjoni, f’liema każ Schneider ma kinitx tkun marbuta li tittrasferixxi lil Legrand u għalhekk ma kienx ikollha ġġarrab l‑allegat tnaqqis fil‑prezz;

–        jew jerġgħu jiġu adottati deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà kif ukoll deċiżjoni ta’ separazzjoni, f’liema każ it‑trasferiment kien ikun il‑konsegwenza legali tal‑inkompatibbiltà kkonstatata u għalhekk ma kienx ikun il‑kawża ta’ dannu reparabbli, peress li tali trasferiment kien ikun ukoll parti mir‑riskju li normalment tassumi impriża li teżerċita d‑dritt previst fl‑Artikolu 7(3) tar‑Regolament li twettaq konċentrazzjoni permezz ta’ offerta pubblika ta’ skambju qabel id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni fuq din il‑konċentrazzjoni.

205    B’hekk jidher li l‑Qorti tal‑Prim’Istanza ma ġibditx il‑konsegwenzi tal‑konstatazzjonijiet tagħha stess u wettqet żball fil‑kwalifika legali tal‑fatti peress li l‑kawża diretta tad‑dannu invokat kienet id‑deċiżjoni ta’ Schneider, li ma kinitx imposta fuqha fil‑kuntest tal‑proċess tal‑bejgħ mibdi fiċ‑ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, li tħalli li t‑trasferiment ta’ Legrand isir effettiv fl‑10 ta’ Diċembru 2002.

206    Din il‑konklużjoni mhijiex ikkontestata mill‑fatt li, fl‑eżerċizzju tal‑għażla tagħha, Schneider kienet esposta għar‑riskju li jkollha tħallas penali ta’ EUR 180 miljun. Fil‑fatt, tali riskju kien jirriżulta mill‑kuntratt ta’ trasferiment konkluż, fiċ‑ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, mill‑impriża.

207    B’mod definittiv, għandu jintlaqa’ t‑tielet aggravju, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat il‑kumplament tat‑tielet u l‑ħames partijiet u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l‑ewwel, it‑tieni u r‑raba’ partijiet tiegħu.

208    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati r‑raba’ u l‑ħames aggravji, dwar, rispettivament, l‑identifikazzjoni mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza ta’ kap ta’ dannu mhux invokat minn Schneider u dwar l‑għoti ta’ interessi kumpensatorji mill‑10 ta’ Diċembru 2002 dwar id‑dannu marbut mat‑tnaqqis allegat fil‑prezz tat‑trasferiment, is‑sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn:

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni tikkumpensa żewġ terzi tad‑dannu invokat minn Schneider minħabba l‑ammont tat‑tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand li hija kienet tat lill‑akkwirenti bħala korrispettiv għall‑posponiment sal‑10 ta’ Diċembru 2002 tat‑terminu għat‑twettiq effettiv tal‑bejgħ;

–        ordnat perizja sabiex issir stima ta’ dan il‑kap tad‑dannu;

–        tat interessi fuq il‑kumpens korrispondenti għal dan id‑dannu.

209    Il‑kumplament tal‑appell għandu jiġi miċħud.

VII –  Fuq il‑konsegwenzi tal‑annullament parzjali tas‑sentenza appellata

210    Skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, jekk l‑appell ikun fondat, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tannulla d‑deċiżjoni tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza. F’dan il‑każ hija tista’ jew tiddeċiedi hija stess definittivament il‑kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l‑kwistjoni quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza sabiex din tiddeċidiha.

211    Il‑kawża preżenti tista’ tiġi deċiża fuq it‑talba għad‑danni mressqa minn Schneider.

A –  Fuq id‑dannu kkostitwit mill‑ispejjeż sostnuti minn Schneider sabiex tipparteċipa fit‑tkomplija tal‑proċedura ta’ kontroll tal‑konċentrazzjoni

212    Permezz tas‑sentenza appellata, il‑Komunità ġiet ikkundannata li tikkumpensa d‑dannu kkostitwit mill‑ispejjeż sostnuti minn Schneider minħabba l‑parteċipazzjoni tagħha fit‑tkomplija tal‑proċedura ta’ verifika tal‑konċentrazzjoni li seħħet wara l‑għoti tas‑sentenzi Schneider I u Schneider II.

213    L‑aggravji tal‑appell tal‑Kummissjoni kontra din id‑deċiżjoni ġew miċħuda.

214    Għalhekk, għandha ssir likwidazzjoni tad‑dannu inkwistjoni.

215    Fir‑rikors promotur tagħha għal kumpens, Schneider tinvoka spejjeż addizzjonali f’ammont totali ta’ EUR 2 107 619.18, li jirriżultaw prinċipalment mill‑assistenza tal‑konsulenti legali, ekonomiċi u bankarji tagħha.

216    Kif diġà ġie deċiż fil‑punt 320 tas‑sentenza appellata, sabiex jiġi ddeterminat l‑ammont li l‑Kummissjoni għandha tikkumpensa lil Schneider, għandhom jitnaqqsu minn dawn l‑ispejjeż kollha:

–        it‑total tal‑ispejjeż sostnuti minn Schneider fil‑Kawżi T‑310/01, T‑77/02 u T‑77/02 R;

–        l‑ispejjeż ta’ konsulenza ta’ konsulenti legali, fiskali u bankarji u l‑ispejjeż amministrattivi l‑oħra sostnuti sabiex tiġi implementata s‑separazzjoni skont il‑metodi imposti mill‑Kummissjoni;

–        l‑ispejjeż li Schneider neċessarjament sostniet b’konnessjoni mal‑miżuri korrettivi tal‑appoġġ li hija f’kull każ kellha tipproponi qabel l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni negattiva, li kieku din ġiet adottata b’rispett tad‑drittijiet tad‑difiża tagħha.

217    Huma l‑partijiet li għandhom jew jittrażmettu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, f’terminu ta’ tliet xhur mid‑data tal‑għoti tas‑sentenza preżenti, l‑ammont għal dak li jirrigwarda dan il‑kap tad‑dannu stabbilit bi ftehim komuni skont il‑metodi ta’ kalkolu indikati fil‑punt preċedenti, jew jippreżentaw lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, f’dan l‑istess terminu, it‑talbiet tagħhom dwar il‑kwantifikazzjoni tad‑dannu.

B –  Fuq id‑dannu korrispondenti għat‑tnaqqis fil‑prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand mogħti minn Schneider

218    Permezz tas‑sentenza appellata, il‑Komunità ġiet ikkundanata tikkumpensa żewġ terzi tad‑dannu kkostitwit mill‑ammont tat‑tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand mogħti minn Schneider lill‑akkwirenti bħala korrispettiv għall‑posponiment tat‑terminu għat‑twettiq effetiv tal‑bejgħ sal‑10 ta’ Diċembru 2002. Barra minn hekk, ġiet ordnata perizja sabiex jiġi stmat dan id‑dannu u ngħataw interessi fuq il‑kumpens korrispondenti għal dan id‑dannu.

219    Dawn il‑kapi ta’ deċiżjoni ġew annullati fuq l‑appell tal‑Kummissjoni.

220    Għalhekk għandha tiġi deċiża mill‑ġdid it‑talba ta’ Schneider f’dak li jikkonċerna d‑dannu inkwistjoni.

221    Fid‑dawl tal‑motivazzjoni li wasslet għall‑annullament parzjali tas‑sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat nuqqas ta’ rabta kawżali diretta bejn it‑tnaqqis fil‑prezz kontenzjuż u l‑illegalità li vvizzjat id‑deċiżjoni negattiva tal‑Kummissjoni.

222    Fil‑fatt, il‑kawża diretta tad‑dannu allegat hija d‑deċiżjoni ta’ Schneider, li ma kinitix imposta fuqha, li tħalli t‑trasferiment ta’ Legrand isir effettiv fl‑10 ta’ Diċembru 2002.

223    Għalhekk ir‑rikors ta’ Schneider għandu jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l‑kumpens, b’mod prinċipali u l‑interessi, ta’ dan id‑dannu.

VIII –  Fuq l‑ispejjeż

224    Skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 122 tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, meta l‑appell ikun fondat u l‑Qorti tal‑Ġustizzja taqta’ l‑kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l‑ispejjeż.

225    Skont l‑Artikolu 69(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, applikabbli għall‑proċedura ta’ appell skont l‑Artikolu 118 tal‑istess regoli, il‑parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

226    Il‑Kummissjoni talbet li Schneider tiġi kkundannata għall‑ispejjeż marbuta mal‑proċedura tal‑ewwel istanza u mal‑proċedura tal‑appell.

227    Peress li Schneider, fid‑dawl ta’ din is‑sentenza, tilfet fir‑rigward ta’ ħafna mill‑motivi u l‑pretensjonijiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l‑ispejjeż tagħha marbuta mal‑proċedura tal‑ewwel istanza u ma’ din il‑proċedura, żewġ terzi tal‑ispejjeż sostnuti mill‑Kummissjoni fil‑kuntest ta’ dawn il‑proċeduri.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑351/03), hija annullata sa fejn:

–        tikkundanna lill‑Komunità Ewropea tikkumpensa żewġ terzi tad‑dannu invokat minn Schneider Electric SA minħabba l‑ammont tat‑tnaqqis fil‑prezz tat‑trasferiment ta’ Legrand li hija tat lill‑akkwirenti bħala korrispettiv għall‑posponiment sal‑10 ta’ Diċembru 2002 tat‑twettiq effettiv tal‑bejgħ;

–        ordnat perizja sabiex jiġi stmat dan il‑kap tad‑dannu;

–        tat interessi fuq il‑kumpens korrispondenti għal dan id‑dannu.

2)      Il‑kumplament tal‑appell huwa miċħud.

3)      Il‑partijiet għandhom jittrażmettu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej, f’terminu ta’ tliet xhur mid‑data tal‑għoti tas‑sentenza preżenti, l‑istima tad‑dannu kkostitwit mill‑ispejjeż sostnuti minn Schneider Electric SA sabiex tipparteċipa fit‑tkomplija tal‑proċedura ta’ kontroll tal‑konċentrazzjoni li seħħet wara l‑għoti tas‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑310/0l u T‑77/02), stima stabbilita bi ftehim komuni skont il‑metodi indikati fil‑punt 216 ta’ din is‑sentenza.

4)      Fin‑nuqqas ta’ tali ftehim, il‑partijiet għandhom jippreżentaw lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej, fl‑istess terminu, it‑talbiet tagħhom dwar il‑kwantifikazzjoni tad‑dannu.

5)      Il‑kumplament tar‑rikors ta’ Schneider Electric SA huwa miċħud.

6)      Schneider Electric SA hija kkundannata tħallas, minbarra l‑ispejjeż tagħha marbuta mal‑proċedura tal‑ewwel istanza u ma’ din il‑proċedura, żewġ terzi tal‑ispejjeż sostnuti mill‑Kummissjoni fil‑kuntest ta’ dawn il‑proċeduri.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Franċiż.