Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2019 minn l-Kummisjsoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-684/14, Krka vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-151/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Mongin, F. Castilla Contreras, C. Vollrath, aġenti, D. Bailey, Barrister)

Parti oħra fil-proċedura: Krka Tovarna Zdravil d.d.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punti 1 sa 4 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-684/14;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 61 tal-Istatut;

tikkundanna lil Krka għall-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li Krka ma kinitx sors ta’ pressjoni kompetittiva fuq Servier fiż-żmien tal-ftehim inkwistjoni.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-kontenut u l-għanijiet tal-ftehim ta’ liċenzja bħala inċentiv għal Krka sabiex taċċetta r-restrizzjonijiet tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwim.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi tal-analiżi mill-Qorti Ġenerali, tal-intenzjonijiet tal-partijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żbaljat billi ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti favur il-kompetizzjoni tal-liċenzja fis-swieq li ma humiex fil-portata tal-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE misjub mid-deċiżjoni.

Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali zbaljat fl-evalwazzjoni tagħha tas-suġġett tal-ftehim ta’ ċessjoni.

Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

____________