Language of document : ECLI:EU:F:2012:83

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Dmir ta’ premura – Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Artikolu 4 tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, tat-30 ta’ Ġunju 2005, dwar il-politika l-ġdida fil-qasam tar-reklutaġġ u tal-impjieg tal-persunal temporanju tal-OLAF – Tul massimu tal-kuntratti bħala membru tal-persunal temporanju”

Fil-Kawża F‑63/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Luigi Macchia, ex membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni Ewropea, li jirrisjedi f’Woluwé-Saint-Lambert (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Rodrigues, A. Blot u C. Bernard-Glanz, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, I. Boruta u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: G. Ruiz Plaza, assistent,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju 2011, L. Macchia jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Aġent Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tat-12 ta’ Awwissu 2010, li tiċħad it-talba tiegħu għall-estensjoni tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Fir-rigward tad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprovdi:

“1. Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2. Dan id-dritt jinkludi:

[…]

(ċ) l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.”

3        Skont l-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”):

“Għall-iskopijiet ta’ dawn il-kondizzjonijiet ta’ l-impieg, “persunal temporanju” tfisser:

[il-]persunal imqabbad biex jimla post li huwa nkluż fil-lista tal-postijiet imwaħħla mat-taqsima tal-budgetrigward kull istituzzjoni u li l-awtoritajiet ta’ l-estimi kklassifikaw bħala temporanji;

[…]”

4        Fir-rigward tat-tul tal-kuntratti bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi:

“Il-persunal temporanju li għalih japplika l-Artikolu 2(a) għandu jitqabbad jaħdem għal perjodu stabbilit jew indefinit. Il-kuntratti tat-tali persunal li huma mqabbdin għal perjodu fiss jistgħu jiġġeddu għal mhux aktar minn darba għal perjodu fiss. Kull tiġdid ieħor ikun għal perjodu indefinit.”

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 sa 26 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali, għandhom japplikaw b’analoġija.

6        L-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi:

“Minbarra t-tmiem mal-mewt, l-impieg tal-persunal temporanju għandu jieqaf:

[…]

(b)      meta l-kuntratt huwa għal perjodu stabbilit:

(i)      fid-data ddikjarata fil-kuntratt;

(ii)      fl-aħħar tal-perjodu tan-notifika speċifikata fil-kuntratt li jagħti ’l-ħaddiem jew l-istituzzjoni l-opzjoni li jtemm qabel.. […]”

7        Barra minn hekk, fit-28 ta’ April 2004, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C(2004) 1597, dwar it-tul massimu tal-użu ta’ persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni (ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 75‑2004, tal-24 ta’ Ġunju 2004, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004”). Skont l-Artikolu 1(2)(a) tagħha, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-28 ta’ April 2004 tapplika, b’mod partikolari, għall-membri tal-persunal temporanju rreklutati skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

8        L-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004 jipprovdi li “t-tul totali akkumulat ta’ provvista ta’ servizzi ta’ membru tal-persunal mhux permanenti, permezz ta’ taħlita ta’ kuntratti jew ta’ assenjazzjonijiet, huwa limitat għal sitt snin maqsuma fuq perijodu ta’ tnax-il sena” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        B’deroga, fir-rigward tal-persunal mhux permanenti rreklutat mill-OLAF, l-Artikolu 4 ta-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, tat-30 ta’ Ġunju 2005, dwar il-politika l-ġdida fil-qasam tar-reklutaġġ u tal-impjieg tal-persunal temporanju tal-OLAF jipprovdi li “[l]-perijodu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni [tat-28 ta’ April 2004] applikabbli għall-persunal mhux permanenti tal-OLAF huwa ta’ [tmien] snin, maqsuma fuq perijodu ta’ [sittax]-il sena” (iktar ’il quddiem ir-“regola tat-tmien snin”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Ir-rikorrent ħadem mad-dipartimenti tal-Kummissjoni bħala espert nazzjonali kkollokat għal erba’ snin, mis-16 ta’ Ġunju 2003.

11      Fl-2005, l-OLAF nieda proċedura ta’ selezzjoni bil-għan li jirrekluta membri tal-persunal temporanju speċjalizzati b’mod partikolari fl-oqsma tal-investigazzjonijiet u tal-analiżi tal-informazzjoni. Is-sejħa għal kandidaturi kienet tippreċiża li l-kandidati li jgħaddu ser ikunu rreklutati għal perijodu ta’ erba’ snin bil-possibbiltà ta’ tiġdid, fejn it-tul totali tal-kuntratt ma setax jeċċedi tmien snin, skont id-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2005. Wara li għadda mill-eżamijiet tal-proċedura ta’ selezzjoni, ir-rikorrent iffirma kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju, skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għal perijodu ta’ erba’ snin b’effett mill-1 ta’ Mejju 2007, jiġifieri sat-30 ta’ April 2011.

12      Fl-2009, ir-rikorrent applika għal kompetizzjoni interna organizzata mill-Kummissjoni bil-għan li tirrekluta amministraturi tal-grad AD 8 speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-frodi iżda l-kandidatura tiegħu ma ġietx aċċettata minħabba li huwa ma kellux anzjanità fis-servizz ta’ mill-inqas tliet snin, bħala uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni.

13      Fit-12 ta’ April 2010, ir-rikorrent u erba’ membri tal-persunal temporanju oħra indirizzaw talba għall-estensjoni tal-kuntratt tagħhom lill-Aġent Direttur Ġenerali tal-OLAF.

14      Peress li huwa ma rċieva ebda risposta, din it-talba kienet is-suġġett, fit-12 ta’ Awwissu 2010, ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li kontriha r-rikorrent ressaq, fl-10 ta’ Novembru 2010, ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-ilment ġie miċħud mid-Direttur tal-OLAF li jaġixxi bħala Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2011. F’din id-deċiżjoni, l-ASTK, wara li, b’mod partikolari, irreferiet għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-amministrazzjoni għandha fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti bħala membru tal-persunal temporanju konklużi għal żmien determinat, indikat li, “fid-dawl tal-possibbiltajiet baġitarji, tal-interess tas-servizz u tal-merti u tal-kompetenzi ta[r]-rikorrent […] hija ma setatx tilqa’ t-talba [tiegħu] għat-tiġdid tal-kuntratt.” L-ASTK kompliet kif ġej:

“Fil-fatt, fi tmiem il-kuntratt ta[r-rikorrent], il-pożizzjoni ta’ assistenza u ta’ monitoraġġ li fiha huwa kien assenjat fi ħdan l-OLAF ser tiġi riallokata taħt il-qasam tal-investigazzjonijiet.

Ir-riallokazzjoni ta’ din il-pożizzjoni baġitarja taqa’ taħt numru ta’ miżuri adottati wara r-rakomandazzjonijiet ripetuti tal-Qorti tal-Awdituri [tal-Unjoni Ewropea] fir-rapport speċjali tagħha tal-2005 dwar l-OLAF u fl-ewwel konklużjonijiet tagħha dwar il-verifika mwettqa fl-2010, iżda wkoll tal-[K]umitat tas-Sorveljanza tal-OLAF li jinsabu kemm fir-rapporti tiegħu ta’ attivitajiet annwali kif ukoll fl-opinjonijiet tiegħu fuq il-baġit, favur iffokar mill-ġdid tal-attivitajiet tal-OLAF fuq l-attività ta’ investigazzjoni

[…]

[I]l-[Kumitat tas-Sorveljanza tal-OLAF enfasizza, fl-opinjoni tiegħu dwar il-baġit 2010, li l-OLAF kellu jipprijoritizza l-attivitajiet kollha sabiex itejjeb l-użu tar-riżorsi umani u finanzjarji, u b’mod partikolari jikkonċentra r-riżorsi tiegħu fuq l-attivitajiet ta’ investigazzjoni (il-missjoni ċentrali tiegħu) u jevita li jassenja persunal ġdid lill-assistenza amministrattiva u lill-koordinazzjoni.

Huwa f’dan il-kuntest, li l-pożizzjoni baġitarja okkupata mill-persuna li qed tilmenta ser tiġi riallokata lejn funzjonijiet ta’ investigazzjoni, malli l-profil imfittex għad-deskrizzjoni l-ġdida tal-pożizzjoni jkun iddefinit abbażi tad-direzzjoni strateġika tal-OLAF.”

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir‑rikorrent jitlob li t‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        [j]iddikjara r-rikors preżenti ammissibbli;

–        “[prinċipalment]:

–        jannulla d-deċiżjoni impliċita, adottata fit-12 ta' Awwissu 2010, mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, fil-kwalità tiegħu ta’ [ASTK], li ma jġeddidx il-kuntratt tar-rikorrent [...];

–        sa fejn huwa neċessarju, jannulla d-deċiżjoni, adottata fit-22 ta’ Frar 2011, mill-[ASTK], li biha ċaħdet l-ilment imressaq mir-rikorrent [...];

konsegwentement:

–        jirreintegra lir-rikorrent fil-funzjonijiet li kellu fi ħdan l-OLAF, fil-kuntest tat-tiġdid [estensjoni] tal-kuntratt tiegħu skont l-eżiġenzi statutorji;

–        sussidjarjament, u fil-każ li ma tintlaqax it-talba għal reintegrazzjoni magħmula hawn fuq, jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu materjali subit mir-rikorrent, stmat provviżorjament ex aequo et bono fid[għad]-differenza [bejn ir-]remunerazzjoni li kien jirċievi bħala membru tal-persunal tempornaju fi ħdan l-OLAF u [r-remunerazzjoni li jirċievi fi]l-pożizzjoni li jokkupa attwalment (jiġifieri madwar EUR 3 000 fix-xahar), għal kull xahar li għadda matul l-istess perijodu tal-kuntratt tal-bidu tiegħu ([erba’] snin), u dan lil hinn mill-ipoteżi li fiha l-imsemmi kuntratt setgħa jiġġedded għat-tielet darba, li kien jagħtih id-dritt għal kuntratt permanenti;

–        f’kull każ, jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta’ somma ffissata provviżorjament u ex aequo et bon[o] għal EUR 5 000, bħala kumpens għad-dannu morali, bl-interessi moratorji bir-rata legali li jibdew jiddekorru mid-data tas-sentenza li tingħata;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż”.

16      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrent jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2011 tal-ASTK li tiċħad l-ilment tiegħu. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li t-talbiet għal annullament imressqa formalment kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom bħala effett li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li kontrih tressaq l-ilment, meta huma jkunu, fihom infushom, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, punt 8; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ April 2006, Camόs Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, punt 43).

18      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 14 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tal-ASTK li tiċħad l-ilment tinkludi motivazzjoni li bla dubju ta’ xejn kienet nieqsa fid-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li kontriha tressaq l-ilment. Fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, hija l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkompleta dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punti 58 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija tassew il-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li hija eżaminata, u dan, fid-dawl tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. F’dan il-każ, peress li t-talbiet għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tat-22 ta’ Frar 2011 kienu nieqsa minn kontenut awtonomu, ir-rikors għandu jitqies bħala formalment intiż kontra d-deċiżjoni impliċita tal-ASTK tat-12 ta’ Awwissu 2010 li tiċħad it-talba għall-estensjoni tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Fuq it-talbiet għal annullament

19      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u użu ħażin ta’ poter, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

20      Hemm lok li ż-żewġ motivi invokati mir-rikorrent jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u użu ħażin ta’ poter

21      Ir-rikorrent isostni li, sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu, l-ASTK, l-ewwel, invokat, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004, id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tat-30 ta’ Ġunju 2005, u b’mod partikolari, ir-regola tat-tmien snin u, min-naħa l-oħra, konsultazzjoni teknika li seħħet fid-9 ta’ Frar 2007 bejn ir-rappreżentanti tal-persunal, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal u amministrazzjoni” tal-Kummissjoni u l-OLAF, li matulha d-Direttur Ġenerali tal-OLAF impenja ruħu jallinja r-regoli dwar l-użu tal-persunal mhux permanenti mar-regoli fis-seħħ fil-Kummissjoni, konsultazzjoni teknika li l-kliem tagħha kien applikabbli biss għall-membri tal-persunal irreklutati qabel l-1 ta’ Frar 2006. F’dan is-sens, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq diversi skambji informali li seħħew mas-superjuri tiegħu u fuq nota tal-Aġent Direttur Ġenerali tal-OLAF, tat-8 ta’ Ottubru 2010, indirizzata lill-President tal-Kumitat Lokali tal-Persunal, li kien ġibed l-attenzjoni tad-Direttorat tal-OLAF dwar is-sitwazzjoni tal-ħames membri tal-persunal temporanju, fosthom ir-rikorrent, li kienu ressqu talba għat-tiġdid tal-kuntratt tagħhom. Għaldaqstant ir-rifjut li jiġġedded il-kuntratt tar-rikorrent kien tassew irriżulta mill-applikazzjoni awtomatika tar-regola tat-tmien snin.

22      Issa, deċiżjonijiet amministrattivi interni, bħad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tat-30 ta’ Ġunju 2005, ma jistgħux ikollhom bħala effett li jirristrinġu l-portata tar-regoli li huma superjuri għalihom, f’dan il-każ l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li ma jiffissa ebda limitu ta’ żmien għat-tiġdid tal-kuntratt tal-membri tal-persunal skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Hekk ġie deċiż mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli (T‑143/09 P, punti 31 u 35, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Petrilli”).

23      Ir-rikorrent sussegwentement isostni li, it-tieni nett, fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2011, li tiċħad l-ilment, l-ASTK iġġustifikat in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu billi bbażat ruħha fuq l-interess tas-servizz. Issa, dan l-argument il-ġdid, li kien intuża wkoll kontra l-erba’ membri tal-persunal temporanju oħra kofirmatarji tat-talba tat-12 ta’ April 2010, kien ġie mibni għall-bżonnijiet tal-kawża.

24      L-argument li jinsab fiċ-ċaħda tal-ilment huwa, f’kull każ, żbaljat, peress li l-ASTK ma setgħetx iktar tevita l-impenn meħud mid-Direttorat Ġenerali tal-OLAF, waqt il-konsultazzjoni teknika tad-9 ta’ Frar 2007, li jallinja “sakemm huwa possibbli” il-politika tal-OLAF fil-qasam tal-persunal temporanju ma’ dik tal-Kummissjoni, b’mod partikolari billi tnaqqas għal sitt snin it-tul massimu ta’ servizz tal-persunal mhux permanenti.

25      Barra minn hekk, qabel id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, qatt ma kienet ġiet diskussa xi riallokazzjoni tal-attivitajiet tal-OLAF lejn l-attività ta’ investigazzjoni. Tali rieda ta’ riallokazzjoni qamet biss wara li ngħatat is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Petrilli, u r-rikorrent huwa sorpriż, barra minn hekk, li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, tal-2005 u li qatt ma kienu ġew invokati matul l-iskambji li huwa kellu mas-superjuri tiegħu wara t-tressiq tat-talba tiegħu għat-tiġdid tal-kuntratt, ġew f’daqqa waħda meħuda inkunsiderazzjoni sitt snin wara.

26      F’kull każ, ir-riallokazzjoni tal-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent lejn l-attività ta’ investigazzjoni ma hijiex tali li tiġġustifika n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu peress li huwa stess ikun kompletament kompetenti fil-qasam tal-investigazzjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka, il-fatt li fl-2005 huwa kien għadda mill-proċedura ta’ selezzjoni miftuħa mill-OLAF bil-għan li jiġu rreklutati membri tal-persunal temporanju, ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jokkupa l-aħħar impjieg tiegħu fi ħdan l-OLAF, kif ukoll l-esperjenza li huwa kien kiseb fl-Italja, fil-verifika tal-finanzi, u fi ħdan l-amministrazzjoni Ewropea preċiżament fil-qasam ta’ monitoraġġ u ta’ analiżi ta’ investigazzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Fl-aħħar, ir-riallokazzjoni prevista tal-pożizzjoni baġitarja li r-rikorrent kien jokkupa kienet biss ipotetika peress li din kellha sseħħ biss, skont il-kliem stess tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, meta “l-profil imfittex għad-deskrizzjoni l-ġdida tal-pożizzjoni jkun iddefinit abbażi tad-direzzjoni strateġika tal-OLAF”; issa l-profil tal-pożizzjoni s’issa kienu għadu ma nħoloqx u d-direzzjoni strateġika tal-OLAF lanqas ma hija ddefinita.

27      Il-Kummissjoni ssostni li l-motivazzjoni mogħtija mill-ASTK sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrent tista’ tkun biss, f’dan il-każ, dik li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Il-fatt li fl-2007 seħħet konsultazzjoni teknika, jiġifieri diversi snin qabel mar-rikorrent talab it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, u anki qabel l-iffirmar tal-kuntratt, huwa manifestament irrilevanti għal din il-kawża.

28      Sussegwentement, il-Kummissjoni tfakkar is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom abbażi tal-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni tkun fl-interess tas-servizz, fatt li jispjega li t-tiġdid ta’ kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju ma jikkostitwixxix dritt iżda sempliċi possibbiltà mħallija għad-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti: f’dan ir-rigward il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il-Kummissjoni (T‑160/04, punt 30) u s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tas-7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol (F‑54/08, punt 46). Il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, l-ASTK kienet kompletament iġġustifikat id-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-interess tas-servizz, li huwa kunċett dinamiku, li d-definizzjoni tiegħu, li tħalli post għal setgħa diskrezzjonali wiesgħa mill-amministrazzjoni, tvarja fiż-żmien.

29      Il-Kummissjoni ssostni li kemm il-Qorti tal-Awdituri kif ukoll il-Kumitat tas-Sorveljanza tal-OLAF taw rakkomandazzjonijiet fid-dawl tar-riallokazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ pożizzjonijiet, fosthom dik okkupata mir-rikorrent, lejn il-qasam tal-investigazzjonijiet. Barra minn hekk il-Kummissjoni ssostni li l-kwalità tax-xogħol imwettaq mir-rikorrent matul it-tul tal-kuntratt tiegħu ma hijiex qed tiġi ddubbitata iżda li, fil-kuntest tar-riallokazzjonijiet tal-persunal previsti, it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu ma kienx imperattiv u ma kienx iġġustifikat minn ebda raġuni superjuri għall-interess tas-servizz, li ma jistax jitqiegħed fuq l-istess livell tal-interess personali tar-rikorrent li jikseb it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu.

30      Lanqas ma tista’ tkun kwistjoni ta’ użu ħażin ta’ poter. L-uniku element imressaq mir-rikorrent insostenn ta’ dan l-ilment huwa l-allegazzjoni li skontha l-argument li jinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment qam biss wara li ngħatat is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Petrilli. Issa, dan ma huwiex element li huwa biżżejjed biex juri li l-ASTK kienet irrifjutat it-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrent sabiex tilħaq finijiet differenti minn dawk eċepiti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li hija ma għandhiex il-possibbiltà, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha tal-interess tas-servizz, tadotta deċiżjonijiet interni ta’ natura ġenerali li permezz tagħhom hija tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti għal żmien determinat. Dak li l-qorti tal-Unjoni kienet ipprojbixxitilha huwa li tirrinunzja kompletament milli tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha f’każijiet individwali.

31      Il-Kummissjoni żżid li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Petrilli kienet tikkonċerna l-każ ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 31 ta-Kondizzjonijiet tal-impjieg u kienet ġiet immotivata permezz tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għal din l-aħħar kategorija ta’ membri tal-persunal. Ma teżistix dispożizzjoni paragunabbli fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħar-rikorrent.

32      Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-pożizzjoni ta’ “legal officer” (membru tal-persunal inkarigat mill-assistenza amministrattiva u mill-koordinazzjoni) okkupata mir-rikorrent kienet ġiet ittrasformata, wara t-tluq tiegħu, f’pożizzjoni ta’ “policy officer” (membru tal-persunal inkarigat mill-politika), speċjalment inkarigat mill-prevenzjoni tal-frodi, skont id-direzzjoni strateġika l-ġdida tal-OLAF, kif iddefinita fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Qorti tal-Awdituri dwar l-istrateġija kontra l-frodi tal-Kummissjoni [SEC 2011 791 finali], li tagħti prijorità lill-prevenzjoni. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tinsisti fuq in-neċessità għall-OLAF li jibbenefika minn “aġġornament” tal-għarfien tal-persunal tiegħu permezz tar-reklutaġġ ta’ persuni li għandhom esperjenza reċenti fl-Istati Membri, partikolarment fil-kuntest attwali ta’ kriżi ekonomika li żżid ir-riskju ta’ frodi.

33      B’mod definittiv, ir-rikorrent ma wriex li, f’dan il-każ, l-ASTK kienet kompletament irrinunċjat għas-setgħa diskrezzjonali tagħha u lanqas li r-rifjut li ġġeded il-kuntratt tar-rikorrent huwa manifestament kuntrarju għall-interess tas-servizz.

34      Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent u ttrasformata mat-tluq tiegħu f’pożizzjoni ta’ “policy officer” kienet, wara dan, ġiet assenjata lil membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-imjieg. Hija osservat ukoll li, anki fl-ipoteżi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li ma għandux ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward, jagħmlilha domanda f’dan ir-rigward, hija ma hijiex obbligata tiġġustifika b’mod preċiż ir-raġunijiet għar-rifjut tagħha li ġġedded kuntratt għal żmien determinat jew li tagħti kuntratt ġdid lil membru tal-persunal temporanju li l-kuntratt inizjali tiegħu ser jiskadi.

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura

35      Ir-rikorrent jilmenta li l-ASTK ma ssodisfatx ir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ premura li huwa kellu d-dritt jistenna mingħandha. Fil-fatt skont l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-rifjut ta’ tiġdid tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju jista’ jirriżulta biss minn eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni partikolari tal-membru tal-persunal ikkonċernat, tal-kapaċitajiet tiegħu u tas-servizzi li huwa jista’ jipprovdi lill-istituzzjoni. Issa, f’dan il-każ, la ttieħed kont tal-evalwazzjoni tal-kap tal-unità tar-rikorrent, li skontha t-tluq ta’ dan tal-aħħar kienet ikkostitwixxiet nuqqas ta’ kontinwità fis-servizz, la tal-evalwazzjonijiet eloġjużi li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2009, u lanqas tal-kompetenza tar-rikorrent, b’mod partikolari fil-qasam tal-fondi strutturali, fatt li kien rendieh partikolarment indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-servizz. Waqt is-seduta, ir-rikorrent irrefera għal kompendju li huwa kien ħejja fl-2011 għall-attenzjoni tal-investigaturi tal-OLAF, qabel l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu, u li jelenka l-indikazzjonijiet ta’ twissija, neċessarji għall-iskoperta tal-każijiet ta’ frodi.

36      F’kull każ, l-ASTK kien imissha eżaminat il-possibbiltà li testendi l-kuntratt tar-rikorrent sal-mument li fih ir-riallokazzjoni prevista tal-pożizzjoni tiegħu kienet saret effettiva jew ukoll dik li tassenja mill-ġdid lir-rikorrent fil-pożizzjoni ta’ investigatur li għandha timtela wara din ir-riallokazzjoni. F’dan ir-rigward ir-rikorrent jirreferi għas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-9 ta’ Diċembru 2010, Schuerings vs ETF (F‑87/08, punt 59, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑108/11 P).

37      Il-Kummissjoni, filwaqt li ma tikkontestax il-fatt li r-rikorrent kien irċieva rapport ta’ evalwazzjoni pożittiv għas-sena 2009, tirrepeti li dan il-fatt ma huwiex, fih innifsu, rilevanti sabiex jiġi stabbilit li l-interess tas-servizz kien jeħtieġ l-estensjoni tal-kuntratt tar-rikorrent. Tali pożizzjoni twassal sabiex l-interess tas-servizz jiġi konfuż mal-interess personali ta’ kull membru tal-persunal temporanju li rċieva rapport ta’ evalwazzjoni favorevoli, f’liema każ il-persuna kkonċernata tibbenefika mid-dritt li tikseb it-tiġdid tal-kuntratt tagħha għal żmien determinat jew l-għoti ta’ kuntratt għal żmien indeterminat. Barra minn hekk, hekk kif iddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA (F‑35/07, punt 79), l-interess personali tal-membru tal-persunal ikkonċernat, jekk dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, qatt ma jkun deċiżiv għall-istituzzjoni. L-ASTK għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa l-interess tas-servizz u din id-diskrezzjoni tista’ tiġi ssanzjonata biss jekk kellu jiġi muri, b’mod manifest, li r-rifjut ta’ tiġdid tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju ma kellux rabta razzjonali ma’ dan l-interess jew li r-rifjut huwa spjegat, fir-realtà, minn motiv inammissibbli, fatt li f’dan il-każ ma ġiex muri.

38      Il-Kummissjoni tqis ukoll li, skont il-ġurisprudenza, l-oneru tal-prova li l-interess ġenerali ġie ppreġudikat jaqa’ fuq ir-rikorrent, u dan, sabiex tiġi ggarantita l-preżunzjoni ta’ legalità li d-deċiżjonijiet amministrattivi għandhom.

39      Fl-aħħar, fir-rigward tad-dmir ta’ premura, il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tas-soluzzjoni kkonstatata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenzi Schuerings vs ETF, iċċitata iktar ’il fuq, u Vandeuren vs ETF, iċċitata iktar ’il fuq, u tirrileva li dawn iż-żewġ sentenzi huma s-suġġett ta’ appelli pendenti tal-konvenuta quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tqis li, f’kull każ, din il-ġurisprudenza, li tikkonċerna lil membri tal-persunal impjegati taħt is-sistema ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, ma tistax tapplika fir-rigward tal-persuni li għandhom kuntratti għal żmien determinat li ser jiskadu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

40      L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, li ngħatat wara li ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Petrilli, li ċaħdet l-appell li l-Kummissjoni kienet ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrilli vs Il-Kummissjoni (F‑98/07), l-ASTK ma rreferietx għar-regola tat-tmien snin sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrent, iżda bbażat ruħha fuq is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti bħala membru tal-persunal temporanju konklużi għal żmien determinat, filwaqt li indikat li, “fid-dawl tal-possibbiltajiet baġitarji, tal-interss tas-servizz u tal-merti u tal-kompetenzi ta[r]-rikorrent […] hija ma setatx tilqa’ t-talba [tiegħu] għat-tiġdid tal-kuntratt.”

41      Il-fatt li, billi ċaħdet l-ilment, l-ASTK b’hekk ma segwietx il-kunsiderazzjonijiet mogħtija fil-passat u, b’mod partikolari, fin-nota tat-8 ta’ Ottubru 2010 mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF dwar il-portata tar-regola tat-tmien snin, u minflok qieset motivi oħra marbuta mal-“possibbiltajiet baġitarji”, mal-interess tas-servizz u mal-merti u l-kompetenzi tar-rikorrent, ma jistax, fih innifsu, jirrendi d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid illegali, peress li l-għan tal-proċedura ta’ ilment huwa preċiżament li jippermetti l-eżami mill-ġdid mill-ASTK tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ deċiżjoni impliċita fir-rigward tal-ilmenti mressqa mill-persuna li qed tilmenta, jekk ikun il-każ, billi temenda l-motivi li setgħu joħorġu mill-kuntest li taħtu din id-deċiżjoni kienet taqa’. Hekk kif tfakkar fil-kuntest tal-eżami tas-suġġett tat-talbiet għal annullament (punt 18 iktar ’il fuq), il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha għaldaqstant tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-ilment imressaq kontra l-motiv, li ma jinsabx fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, ibbażat fuq ir-regola tat-tmien snin, li fir-rigward tagħha, barra minn hekk, mill-fajl ma jirriżultax li din kienet finalment u effettivament ġiet applikata f’dan il-każ. Għaldaqstant tali lment għandu jitqies bħala irrilevanti.

43      Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, membru tal-persunal temporanju, li għandu kuntratt għal żmien determinat, bħala regola ġenerali ma għandu ebda dritt għat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, peress li dan huwa biss sempliċi possibbiltà, suġġetta għall-kundizzjoni li dan it-tiġdid ikun konformi mal-interess tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni T‑7/01, punt 64; is-sentenza Bernard vs Europol, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

44      Fil-fatt, bid-differenza tal-uffiċjali, li l-istabbiltà tal-impjieg tagħhom hija ggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-persunal temporanju jifformaw parti minn sistema oħra li abbażi tagħha huwa mfassal il-kuntratt ta’ impjieg konkluż mal-istituzzjoni kkonċernata. Mis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li t-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn istituzzjoni u membru tal-persunal temporanju rreklutat għal żmien determinat huwa, preċiżament, irregolat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet.

45      Barra minn hekk, ġurisprudenza wkoll stabbilita tirrikonoxxi lill-amministrazzjoni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tiġdid ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz vs Il‑Kummissjoni T‑330/00 u T‑114/01, punt 82; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-23 ta’ Novembru 2010, Gheysens vs Il-Kunsill, F‑8/10, punt 75). Barra minn hekk l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-arranġamenti u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx fi ħdan limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

46      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddeduċiet mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-Tribunal għas-Servizz Pubblika ma jista’ jeżerċità ebda stħarriġ fuq il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.

47      Fir-rigward ta’ dan, ir-risposta li għandha tingħata lill-Kummissjoni għandha tkun li, anki jekk l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li quddiemu ġie ppreżentat rikors għal annullament intiż kontra att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa, xorta waħda jwettaq stħarriġ tal-legalità tiegħu, li jsir b’diversi modi indipendetement mill-eżistenza jew le ta’ obbligu formali ta’ motivazzjoni.

48      Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiġi mitlub jistħarreġ jekk l-amministrazzjoni bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq fatti materjali ineżatti jew inkompleti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-26 ta’ Ottubru 2004, Brendel vs Il-Kummissjoni, T‑55/03, punt 60). Għal dan il-għan, huwa għandu jivverifika jekk hija eżerċitatx b’mod effettiv is-setgħat li hija għandha bil-għan li tistabbilixxi l-fatti li jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni tagħha, b’mod li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, punt 39, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala C‑413/06 P, punt 145; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, punt 67). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ wkoll jiġi mitlub jeżamina jekk l-amministrazzjoni wettqitx eżami ddettaljat, jew konkret tal-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni, b’mod li dan l-eżami jitwettaq b’attenzjoni u imparzjalità (ara, fir-rigward tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kandidati għall-promozzjoni, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ Novembru 1993, Perakis vs Il-Parlament, T‑78/92, punt 16, u tat-8 ta’ Mejju 2001, Caravelis vs Il‑Parlament, T‑182/99, punt 32 ; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il‑Kunsill, T‑413/03, punt 63).

49      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-motivi mressqa mir-rikorrent, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jivverfika jekk l-amministrazzjoni wettqitx żball manifest meta evalwat l-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tieħu d-deċiżjoni kkontestata. Issa, fil-kuntest, bħal dak ta’ din il-kawża, ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni, il-fatt li jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din l-evalwazzjoni jippreżumi li l-provi, li r-rikorrent għandu jipproduċi, huma suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKTvs Il-Kummissjoni, T‑380/94, punt 59, u tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, punt 221).

50      Għandu jingħad ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ premura, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jimplikaw b’mod partikolari li, meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, u dan, anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; hija u tagħmel dan hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat (ara, fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-servizz, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, punt 22, u tat-29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il‑Kummissjoni, 125/80, punt 19). Fid-dawl preċiżament tal-estent tas-setgħa diskrezzjonali li l-istituzzjonijiet għandhom fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu madankollu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kompetenti baqgħetx f’limiti raġonevoli u ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod żbaljat (ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Lulju 1999 (Séché vs Il‑Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, punti 147 sa 149, u tat-2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, punti 99 u 100).

51      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom, f’dan il-każ, jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni u tad-dmir ta’ premura.

52      Mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta li l-ASTK ma setgħetx tilqa’ t-talba tar-rikorrent intiża għat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu “fid-dawl tal-possibbiltajiet baġitarji, tal-interess tas-servizz u tal-merti u tal-kompetenzi ta[r-rikorrent]”. F’din id-deċiżjoni huwa ppreċiżat li l-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent ser “tiġi riallokata lejn il-qasam tal-investigazzjonijiet”, li din ir-riallokazzjoni tifforma parti minn numru ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-OLAF adottati wara r-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Kumitat tas-Sorveljanza tal-OLAF, favorevoli għall-iffokar mill-ġdid” tal-attivitajiet tal-OLAF fuq “l-attività ta’ investigazzjoni”, “il-missjoni ċentrali” tiegħu, u li, “f’dan il-kuntest, […] [i]l-pożizzjoni baġitarja okkupata mill-persuna li qed tilmenta ser tiġi riallokata lejn funzjonijiet ta’ investigazzjoni, malli l-profil imfittex għad-deskrizzjoni l-ġdida tal-pożizzjoni jkun iddefinit abbażi tad-direzzjoni strateġika tal-OLAF.”

53      L-ewwel nett, huwa ċar li l-“possibbiltajiet baġitarji” li jissemmew fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma jistgħux, mingħajr spjegazzjoni oħra, jostakolaw l-għoti ta’ kuntratt ġdid lir-rikorrent, peress li minn din id-deċiżjoni nnifisha jirriżulta li l-pożizzjoni tar-rikorrent kienet ser tiġi “riallokata” taħt pożizzjoni relatata mal-funzjonijiet ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta, il-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent kienet ġiet ittrasformata f’pożizzjoni ta’ “policy officer”, speċjalment inkarigat mill-prevenzjoni tal-frodi, u hija attwalment okkupata minn membru tal-persunal temporanju, skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fatt li jikkorrispondi preċiżament għan-natura tal-pożizzjoni baġitarja li r-rikorrent kien jokkupa.

54      Bla dubju ta’ xejn, fit-talba tiegħu tat-12 ta’ April 2010, ir-rikorrent talab, speċifikament, biss it-“tiġdid tal-kuntratt tiegħu”. Madankollu, l-ASTK, skont id-dmir ta’ premura tagħha, kellha tagħti interpretazzjoni sħiħa lil din it-talba li permezz tagħha ir-rikorrent essenzjalment kien qed jipprova jkompli r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu fi ħdan l-OLAF, billi teżamina, b’mod partikolari, jekk kienx hemm pożizzjoni oħra ta’ membru tal-persunal temporanju, skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li abbażi tagħha l-kuntratt tar-rikorrent seta’, fl-interess tas-servizz, jiġi validament imġedded (sentenzi Schuerings vs ETF, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 60, u Vandeuren vs ETF, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 60). Issa, mingħajr ma ċaħdet l-eżistenza ta’ tali pożizzjonijiet, il-Kummissjoni fis-seduta sostniet li l-ASTK ma kinitx wettqet tali eżami, għaliex hija kienet qieset li ma kinitx obbligata twettqu.

55      It-tieni nett, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tispejga lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sa fejn “il-merti u l-kompetenzi” tar-rikorrent, imsemmija fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, ġew effettivament meħuda inkunsiderazzjoni mill-ASTK sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba għat-tiġdid tal-kuntratt, u dan, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet eloġjużi mogħtija mis-superjur dirett tar-rikorrent, b’mod partikolari fl-aħħar rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu, u li r-rikorrent irrefera għalihom kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkontestatx il-merti u l-kompetenzi tar-rikorrent. Għall-kuntrarju, hija sostniet, waqt is-seduta, li, għalkemm huwa veru li l-merti u l-kompetenzi tar-rikorrent ma setgħux, bħala tali, jiġġustifikaw it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, dawn ma kinux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw madankollu t-tiġdid tal-kuntratt jew l-għoti ta’ kuntratt ġdid lir-rikorrent. Tali affermazzjoni fformulata fi kliem ġenerali, mingħajr ma għandha, anki waqt is-seduta, l-inqas preċiżazzjoni jew l-inqas kummentarju, għall-inqas dwar il-kwalifiki professjonali tar-rikorrent fir-rigward tal-attività ta’ investigazzjoni, ikkunsidrata bħala prijoritarja mill-OLAF, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bħala motiv suffiċjentement serju sabiex jiġġustifika, mill-angolu tal-merti u tal-kompetenzi tar-rikorrent, id-deċiżjoni li l-kuntratt tiegħu ma jiġġeddidx. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment, għall-merti u l-kompetenzi tar-rikorrent, li jinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, għandu jitqies bħala frażi mingħajr rilevanza vera għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

56      It-tielet u l-aħħar nett, il-Kummissjoni rreferiet għall-interess tas-servizz. Id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tinvoka, f’dan ir-rigward, ir-riallokazzjoni tal-pożizzjonijiet lejn l-attività ta’ investigazzjoni, li taqa’ taħt il-missjoni ċentrali tal-OLAF.

57      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent u tal-kwalifiki professjonali tiegħu, li dan tal-aħħar għandu esperjenza twila fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi u li merti tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ “legal officer” li huwa eżerċita l-aħħar fi ħdan l-OLAF kienu debitament apprezzati mis-superjur dirett tiegħu, ġustament minħabba l-kapaċitajiet u l-konoxxenzi professjonali tiegħu. Mingħajr preċiżjoni oħra fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tallega li r-rikorrent li ma kienx ikkwalifikat sabiex jokkupa l-pożizzjoni l-ġdida ta’ “policy officer”, li lejha kienet ġiet riallokata l-pożizzjoni antika tiegħu, filwaqt li d-deskrizzjoni ta’ din il-pożizzjoni l-ġdida ma hijiex fundamentalment differenti mill-pożizzjoni antika.

58      Ċertament, mill-fajl bl-ebda mod ma huwa stabbilit li l-interess tas-servizz kien jeħtieġ preċiżament li biss ir-rikorrent jiġi nnominat għal din il-pożizzjoni l-ġdida ta’ “policy officer” u lanqas li r-rifjut li tinżamm ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn ir-rikorrent u l-OLAF kien, fih innifsu, kuntrarju għall-interess tas-servizz, peress li amministrazzjoni tista’, fl-interess tas-servizz u fil-kuntest tal-politika tal-persunal tagħha, titwassal tgħaddi mingħajr il-kollaborazzjoni ta’ membri tal-persunal, minkejja li jistħoqilhom, f’każ ta’ orjentazzjoni mill-ġdid tal-attivitajiet tagħha.

59      Madankollu, mill-fajl u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta jirriżulta li l-amministrazzjoni riedet qabel kollox, fil-kuntest tal-politika tagħha ta’ tiġdid tal-kuntratti tal-membri tal-persunal tagħha, taħdem favur l-“aġġornament” tal-għarfien tal-persunal tagħha, fatt li kien ippermettilha tevita kull estensjoni ta’ kuntratt jew tkomplija ta’ relazzjoni ta’ xogħol, li tista’, fit-tmiem tagħha, twassal għall-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien indeterminat. F’dan il-każ tali intenzjoni kienet tipprekludi li l-amministrazzjoni tfittex konkretament possibbiltà li żżomm ir-relazzjoni ta’ xogħol mar-rikorrent f’pożizzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-OLAF.

60      Issa, għalkemm ma huwiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jistħarreġ l-għażla tal-politika tal-persunal li istituzzjoni għandha l-intenzjoni ssegwi sabiex twettaq tajjeb il-missjonijiet assenjati lilha, huwa validament jista’, meta, bħal f’dan il-każ, titressaq quddiemu talba għall-annullament ta’ ċaħda ta’ tiġdid ta’ kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju, jivverifika jekk il-motivi kkunsidrati mill-amministrazzjoni humiex ta’ natura li jmorru kontra l-kriterji u l-kondizzjonijiet bażiċi stabbiliti mil-leġiżlatur fir-Regolamenti tal-Persunal u intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu lill-persunal bil-kuntratt il-possibbiltà li jibbenefika, skont il-każ, fit-tmiem, minn ċertu kontinwità ta’ impjieg. Huwa b’dan il-mod li għandu jinftiehem l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jipprovdi li l-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju, skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jista’ jiġġedded darba waħda biss għal żmien determinat u li kull tiġdid sussegwenti jsir għal żmien indeterminat, fatt li jista’ preċiżament jiġi annalizzat f’miżuri preventivi intiżi sabiex tiġi miġġielda l-prekarjetà tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2012, Huet, C‑251/11, punt 37). Din l-interpretazzjoni hija msaħħa bid-dmir ta’ premura li minnu ġie b’mod partikolari dedott li hija l-awtorità kompetenti li għandha tfittex jekk teżistix pożizzjoni li fiha l-membru tal-persunal temporanju jista’, fl-interess tas-servizz u fid-dawl tan-neċessitajiet prijoritarji tal-każ, ikun utilment irreklutat jew li fiha l-kuntratt tiegħu jista’ jiġi mġedded.

61      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-ASTK, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fir-rigward tat-talba għat-tiġdid tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent, naqset milli tosserva d-dmir ta’ premura tagħha u l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg billi rreferiet, b’mod astratt, għall-“possibbiltajiet baġitarji” u għall-“merti u l-kompetenzi tar-rikorrent” filwaqt li naqset milli tfittex, fil-kuntest ta’ eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrent u tas-servizzi li huwa jkun f’pożizzjoni li jipprovdi lill-istituzzjoni, jekk l-interess tas-servizz li hija riedet tilħaq ma setax jiġi rrikonċiljat mal-assenjazzjoni ta’ kompiti ġodda u ta’ funzjonijiet ġodda lir-rikorrent u għaldaqstant mal-possibbiltà ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu jew tal-għoti ta’ kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal temporanju. Billi pproċediet b’dan il-mod, l-ASTK irrestrinġiet, b’mod ġenerali u impersonali, il-possibbiltajiet offruti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jiġu mġedda l-kuntratti bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg sabiex tiġi ggarantita lill-persunal bil-kuntratt ikkonċernat ċerta kontinwità ta’ impjieg.

62      Għaldaqstant, għal dan il-motiv, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni, ma jistax jiġi deċiż jekk hija wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tagħhom.

 Fuq it-talbiet intiżi għar-reintegrazzjoni tar-rikorrent u sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu materjali subit

63      Konsegwentement għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ASTK li ma ġġeddidx il-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tiegħu, ir-rikorrent jitlob ir-reintegrazzjoni tiegħu fil-funzjonijiet li huwa kien jokkupa fi ħdan l-OLAF jew, fil-każ li t-talba tiegħu għal reintegrazzjoni tiġi miċħuda, huwa jitlob il-ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni bejn dik li huwa kien jirċievi preċedentement bħala membru tal-persunal temporanju tal-OLAF u dik li huwa jirċievi attwalment, u dan matul perijodu ta’ erba’ snin, jew anki iktar fil-każ li l-kuntratt tiegħu kien ġie mġedded għat-tielet darba, għal żmien indeterminat.

64      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrent intiża għar-reintegrazzjoni tiegħu fi ħdan l-OLAF, għandu jiġi mfakkar li l-annullament ta’ att mill-qorti għandu bħala effett l-eliminazzjoni retroattiva ta’ dan l-att mis-sistema legali u li, meta l-att annullat ikun diġà ġie eżegwit, id-distruzzjoni tal-effetti tiegħu teżiġi li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ġuridika li kien jinsab fiha r-rikorrent qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F-1/05, punt 92, u tas-26 ta’ Mejju 2011, Kalmár vs Europol, F‑83/09, punt 88, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑455/11 P). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha “[t]ieħu l-miżuri neċessarji sabiex [t]ikkonforma ruħ[ha] mas-sentenza” li tagħha hija d-destinatarja.

65      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata minħabba li l-ASTK ma wettqitx, b’mod partikolari fid-dawl tad-dmir ta’ premura li hija għandha, eżami komplet u ddettaljat tal-fatti fir-rigward tal-interess tas-servizz u tal-merti u tal-kompetenzi tar-rikorrent.

66      F’kull każ, f’dan il-kuntest ma jistax jiġi eskluż li l-ASTK tqis li tista’ tadotta mill-ġdid deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent wara eżami mill-ġdid komplut u ddettaljat tal-fajl, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi ta’ din is-sentenza.

67      Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-salarju tar-rikorrent mid-data li fiha l-ASTK indebitament iddeċidiet li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ dan tal-aħħar. Minn dan jirriżulta li huwa ma jistax jilqa’ t-talbiet tar-rikorrent f’dan is-sens.

 Fuq it-talbiet intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu morali subit

68      Ir-rikorrent essenzjalment jitlob il-kumpens għad-dannu morali li huwa kien sofra kemm minħabba l-illegalitajiet li bihom ġiet akkużata l-ASTK fil-kuntest tat-talbiet tiegħu għal annullament kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ diliġenza, jew tal-iskarsezza, li bihom l-ASTK kienet ittrattat il-fajl tiegħu. Huwa jistima provviżorjament id-dannu morali tiegħu għal EUR 5 000.

69      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ma jinkludi ebda prova dwar jekk id-dannu morali allegat ma jistax jiġi integralment irrimedjat bl-annullament tad-deċizjoni kkontestata, li minnha huwa kkawżat.

70      Għaldaqstant, hemm lok li t-talba għall-kumpens tad-dannu morali tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 88(2) it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

72      Mill-motivi stabbiliti f’din is-sentenza jirriżulta li t-talbiet prinċipali tar-rikorrent, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huma milqugħa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu huwa espressament talab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm għaldaqstant lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Aġent Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tat-12 ta’ Awwissu 2010, li tiċħad it-talba għall-estensjoni tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju ta’ L. Macchia hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ L. Macchia.

Van Raepenbusch

Boruta

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ġunju 2012.

W. Hakenberg

 

      S. Van Raepenbusch

Reġistratur                                                                          President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.