Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (Id-Danimarka) fis-6 ta’ Ġunju 2019 – Viasat Broadcasting UK Ltd. vs TV2/Danmark A/S u Ir-Renju tad-Danimarka

(Kawża C-445/19)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Viasat Broadcasting UK Ltd.

Konvenuti fil-proċedura: TV2/Danmark A/S u Ir-Renju tad-Danimarka

Domandi preliminari

L-obbligu ta’ qorti nazzjonali li tikkundanna lil benefiċċjarja ta’ għajnuna għall-ħlas tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità (ara s-sentenza CELF 1 ) japplika wkoll f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih l-għajnuna illegali mill-Istat kienet tikkostitwixxi kumpens għal servizz pubbliku li sussegwentement ġiet irrikonoxxuta bħala kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, u l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet ibbażata fuq evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kollha ta’ servizz pubbliku, inkluża l-kapitalizzazzjoni tagħha?

L-obbligu ta’ qorti nazzjonali li tikkundanna lil benefiċċjarja ta’ għajnuna għall-ħlas tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità (ara s-sentenza CELF) japplika wkoll għall-ammonti li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ġew ittrasferiti mill-benefiċċjara tal-għajnuna lil impriżi terzi li huma marbuta miegħu, b’mod konformi ma’ obbligu tad-dritt pubbliku, u li, b’deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li saret definittiva, ġew meqjusa bħala li jiffavorixxu lil din il-benefiċċjarja fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

L-obbligu ta’ qorti nazzjonali li tikkundanna lil benefiċċjarja ta’ għajnuna għall-ħlas tal-interessi marbuta mal-perijodu ta’ illegalità (ara s-sentenza CELF) japplika wkoll għal għanuna mill-Istat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tħallset lill-benefiċċjarja tagħha minn impriża kkontrollata mill-Istat meta parti minn dawn il-mezzji kienu joriġinaw mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi tal-benefiċċjarja?

____________

1     Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C-199/06, EU:C:2008:79).