Language of document : ECLI:EU:F:2009:103

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Settembru 2009

Kawża F-47/07

Joachim Behmer

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2005 – Legalità tal-istruzzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ promozzjoni – Konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal – Eżami komparattiv tal-merti – Diskriminazzjoni kontra rappreżentanti tal-persunal”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li bih J. Behmer jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma tippromwovihx għall-grad A*13 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2005.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni – Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Articoli 45 u 110)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Mogħdija minn sistema għal oħra

3.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Bidla fis-sistema ta’ promozzjoni

4.      Uffiċjali – Promozzjoni – Deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

5.      Uffiċjali – Promozzjoni – Kriterji – Merti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fil-grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

6.      Uffiċjali – Promozzjoni – Kontestazzjoni ta’ kandidat li ma ħax promozzjoni – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25, Artikoli 45 u 90(2))

1.      Il-frażi “id-disposizzjonijiet ġenerali biex idaħħlu fis-seħħ” li tinsab fl-Artikolu 110 huwa intiż, fl-ewwel lok, għall-miżuri ta’ applikazzjoni espressament ipprovduti minn ċerti dispożizzjonijiet speċjali tar-Regolamenti tal-Persunal u, fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni espressa, l-obbligu ta’ promulgazzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni suġġetti għall-kundizzjonijiet formali tal-imsemmi artikolu jista’ jiġi aċċettat biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġifieri meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkollhomx ċarezza u preċiżjoni tant li ma jkunux jistgħu jiġu applikati mingħajr arbitrarjetà.

Istruzzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ promozzjoni adottati minn istituzzjoni Komunitarja b’applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jikkostitwixxux dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1) ma jipprovdux espressament l-obbligu li jiġu adottati dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fis-sens tal-imsemmi Artikolu 110. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet huma preċiżi biżżejjed sabiex ikollhom applikazzjoni mhux arbitrarja, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet formali ta’ implementazzjoni.

(ara l-punti 47 u 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 31 ta’ Marzu 1965, Rauch vs Il-Kummissjoni, 16/64, Ġabra p. 179, 193; 8 ta’ Lulju 1965, Prakash vs Il-Kummissjoni, 19/63 u 65/63, Ġabra p. 677, 695;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, Echauz Brigaldi et vs Il-Kummissjoni, T‑156/95, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑509, punt 53

2.      L-awtorità regolatorja hija libera li f’kull mument iddaħħal il-bidliet li hija tikkunsidra li jkunu fl-interess tas-servizz, u dan anki meta d-dispożizzjonijiet magħmula jkunu inqas favorevoli għall-uffiċjali, bil-kundizzjoni li d-drittijiet leġittimament miksuba mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal tagħhom jiġu protetti u li l-persuni speċifikament affettwati mil-leġiżazzjoni l-ġdida jiġu ttrattati b’mod identiku.

Konsegwentement, uffiċjal ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali meta l-amministrazzjoni tibdel is-sistema ta’ promozzjoni, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, din tal-aħħar setgħet leġittimament tikkunsidra li kien fl-interess tas-servizz li temenda din is-sistema, it-tieni nett, li r-riforma ta’ din is-sistema ma tbiddilx il-prinċipji gwida li jikkonċernaw, fost oħrajn, il-kriterji, il-proċeduri u t-trasparenza applikabbli għall-proċedura ta’ promozzjoni tal-uffiċjali fi ħdan l-istituzzjoni u b’hekk ma tippreġudikax id-drittijiet li diġà setgħu nkisbu fir-rigward tal-promozzjoni, u li, it-tielet nett, l-uffiċjali kollha tal-istess grad jiġu ttrattati b’mod identiku.

Barra minn hekk, peress li l-mogħdija minn sistema ta’ promozzjoni għal oħra hija legali, l-amministrazzjoni ma tistax tiġi kkritikata li tkun kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta hija tirriforma s-sistema ta’ promozzjoni, għar-raġuni li l-bidliet li jkunu saru kienu ta’ ħsara għall-uffiċjali li għandhom anzjanità fi grad għolja.

(ara l-punti 52 sa 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il-Kummissjoni, 28/74, Ġabra p. 463, punti 5 u 6;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punti 98 u 104; 18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il-Parlament, T‑47/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 107, li hija suġġetta għal appell quddiem Il-Qorti tal-Ġustizzja, kawża C‑496/08 P;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑109 u II‑A‑1‑409, punt 71; 24 ta’ April 2008, Dalmasso vs Il-Kummissjoni, F‑61/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 78

3.      Id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għall-individwi li jinsabu f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja tkun ħolqot fihom tamiet fondati. Min-naħa l-oħra, ebda uffiċjal ma jista jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet speċifiċi mogħtija lilha mill-amministrazzjoni.

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ impenn tal-amministrazzjoni li żżomm fis-seħħ sistema antika ta’ promozzjoni, uffiċjal ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sabiex jopponi r-riforma tal-imsemmija sistema.

(ara l-punti 55 u 56)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Mejju 1983, Mavridis vs Il-Parlament, 289/81, Ġabra p. 1731, punt 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il‑Kummissjoni, T‑123/89, Ġabra p. II‑131, punt 25; 30 ta’ Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il-Kummissjoni, T‑498/93, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑813, punt 46; Angé Serrano et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121

4.      L-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex l-obbligu li tipposponi l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ uffiċjali promossi meta d-deċiżjoni tal-għoti tal-punti ta’ mertu ta’ wieħed mill-kandidati tkun għadha ma ġietx iffinalizzata. Fil-fatt, il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra tadotta d-deċiżjonijiet tagħha ta’ promozzjoni mingħajr ma jkollha d-deċiżjonijiet kollha ta’ għoti ta’ punti ta’ mertu ma jikkostitwixxix fih innifsu difett. Huwa biss meta n-nuqqas ta’ deċiżjoni definittiva jkun dovut għal dewmien sostanzjali attribwibbli biss għall-amministrazzjoni li tista’ tiġi kkonstatata irregolarità.

(ara l-punt 76)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Jannar 1983, List vs Il-Kummissjoni, 263/81, Ġabra p. 103, punt 27; 17 ta’ Diċembru 1992, Moritz vs Il-Kummissjoni, C‑68/91 P, Ġabra p. I‑6849, punt 17;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2000, Rappe vs Il-Kummissjoni, T‑202/99, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑911, punt 39; 15 ta’ Novembru 2001, Sebastiani vs Il-Kummissjoni, T‑194/99, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑991, punti 44 et seq.

5.      L-anzjanità fil-grad ma tinsabx fost il-kriterji elenkati fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiddeterminaw liema mill-uffiċjali għandhom jiġu promossi, peress li tali kriterju jseħħ biss b’mod sussidjarju. Għaldaqstant, il-fatt li uffiċjal ma setax ikun promoss, minkejja li kiseb l-istess numru ta’ punti ta’ mertu bħall-uffiċjali li għandhom anzjanità fi grad inqas u li ġew promossi, ma jistax jikkaratterizza l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li l-amministrazzjoni setgħet tikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ kriterji oħra kienu jiġġustifikaw il-promozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju ta’ anzjanità fil-grad ma jfissirx li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-karriera professjonali kollha ta’ uffiċjal.

(ara l-punti 84 u 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ April 2003, Tejada Fernández vs Il-Kummissjoni, T‑134/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑609, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Settembru 2009, Behmer vs Il‑Parlament, F‑124/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 106 sa 110

6.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward tal-kandidati mhux promossi, hija madankollu obbligata li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tiċħad ilment imressaq skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, minn kandidat li ma jkunx ġie promoss, peress li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba għandha tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha l-ilment kien dirett. Madankollu, l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata li tindika kif evalwat kull wieħed mill-kriterji li wassluha sabiex tadotta deċiżjoni.

Deċiżjoni li tiċħad talba li fiha l-Awtorità tal-Ħatra tindika li l-merti tal-persuna interessata ma kinux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw il-promozzjoni tagħha tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, fis-sens li r-responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjali promossi kienu inkontestabbilment superjuri. Fil-fatt, l-elementi msemmija fiha jippermettu lill-persuna interessata tiddeduċi l-motivi tad-deċiżjoni li ma tippromwovix u li teżerċita l-użu neċessarju tad-drittijiet u tal-interessi tagħha. Barra minn hekk, huma jippermettu li jsir stħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 94 sa 97)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, Ġabra p. 1099, punt 13; 27 ta’ Ottubru 1977, Moli vs Il-Kummissjoni, 121/76, Ġabra p. 1971, punt 12; 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il-Parlament, F‑44/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 35; 8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il-Parlament, F‑81/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 27