Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2011 – ZZ vs BEI

(Kawża F-128/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentant: L. Isola, avukat)

Konvenut: BEI

Suġġett

Fl-ewwel lok, l-annullament tal-posta elettronika u tad-deċiżjonijiet tal-BEI dwar il-proċedura amministrattiva fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rendiment tar-rikorrent matul is-sena 2010. Fit-tieni lok, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-president tal-BEI rrifjuta li tinbeda l-proċedura ta’ konċiljazzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI. Fit-tielet lok, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2010 fil-parti fejn ma jattribwixxix il-marka “exceptional performance” jew “very good performance” u ma jipproponix, fir-rigward tar-rikorrent, promozzjoni għall-funzjoni D. Fl-aħħar lok, talba sabiex il-BEI jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali u fiżiċi allegatament subiti mir-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla l-messaġġ elettroniku tal-4 ta’ Lulju 2011, li permezz tiegħu “is-segretarjat’ tal-kumitat tal-appelli, skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI u skont in-Note to Staff HR/P&O/2011–079/Ks tal-25 ta’ Marzu 2011, informa lir-rikorrent li huwa qatt ma kien ippreżenta lill-“kumitat” kopja tal-appell tiegħu kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2010, il-messaġġ elettroniku tat-12 ta’ Awwissu 2011, li permezz tiegħu l-istess “segretarjat” informa lir-rikorrent li l-kumitat tal-appelli kellu l-intenzjoni jisma’ lill-partijiet biss fuq il-kwistjoni tal-inammissibbiltà tal-appell kif ukoll id-deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2011, li permezz tagħha l-“kumitat” kellu għarfien tar-rinunzja tar-rikorrent;

jannulla n-Note to Staff HR/P&O/2011–079/Ks tal-25 ta’ Marzu 2011 u n-nota CD/Pres/2011-35 tas-6 ta’ Settembru 2011 li permezz tagħha, filwaqt li stqarr li kienet ser tiġi kkanċellata n-“Note to Staff...” iċċitata, il-president tal-BEI rrifjuta li tinbeda l-proċedura ta’ konċiljazzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, kif mitlub mir-rikorrent fin-nota tiegħu tat-2 ta’ Awwissu 2011 (Anness 8) u b’messaġġ elettroniku tat-2 ta’ Settembru 2011;

jannulla l-linji gwida stabbiliti mid-dipartiment tar-riżorsi umani bin-nota 698 RH/P&O/2010-0265 tal-20 ta’ Diċembru 2010 u l-“Guidelines to the 2010 annual staff appraisal exercise” relatati, inkluż fil-parti (punt 12.1), li jipprovdu li l-evalwazzjoni finali għandha tiġi espressa b’sunt verbali, iżda ma jistabbilixxux il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-evalwatur sabiex rendiment jitqies li huwa “exceptionnelle dépassant les attentes”, jew “très bonne”, jew anki “répondant à toutes les attentes”; u lanqas il-kriterji li jiddeskrivu rendiment bħala “répondant à la plupart des attentes avec toutefois des domaines nécessitant des améliorations”, jew ukoll “ne répondant pas aux attentes”.

jannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2010 fl-intier tiegħu, kemm fil-parti tal-evalwazzjoni u l-parti li fiha r-rendiment ma huwiex ikklassifikat fil-qosor bħala exceptionnelle jew très bonne u ma jipproponix lir-rikorrent għall-promozzjoni fil-funzjoni D, kif ukoll fil-parti li tistabbilixxi l-għanijiet għas-sena 2011;

jannulla l-atti kollha relatati, konsekuttivi u preċedenti, li ċertament jinkludu l-promozzjonijiet deċiżi fl-10 ta’ April 2011, fin-nota tad-direttur tar-riżorsi umani “2010 staff appraisal exercise, award of promotions and titles”, fid-dawl tal-fatt li, billi bbaża ruħu fuq l-evalwazzjoni tas-superjuri tar-rikorrent, li qed tiġi appellata hawnhekk, il-BEI naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tar-rikorrent fil-punt “Promotions from Function E to D”;

jikkundanna lill-BEI għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali u fiżiċi konsegwenti;

jikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.