Language of document : ECLI:EU:F:2013:126

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑126/11

José António de Brito Sequeira Carvalho

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Sanzjoni dixxiplinari — Twissija — Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a, li permezz tiegħu, J. A. de Brito Sequeira Carvalho jitlob prinċipalment l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-24 ta’ Marzu 2011, li timponilu s-sanzjoni ta’ twissija, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens għad-diversi danni materjali u morali.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. J. A. de Brito Sequeira Carvalho għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari — Obbligu li tiġi identifikata l-persuna li għamlet l-investigazzjoni fid-deċiżjoni ta’ sanzjoni adottata fi tmiem il-proċedimenti — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 3)

2.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Proċedura — Limiti — Dinjità tal-kariga — Kunċett — Akkuża, fil-kuntest ta’ ilment amministrattiv preliminari, b’fatti allegatament illeċiti relatati ma’ uffiċjal ieħor — Obbligi tal-uffiċjali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12 u 90)

3.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Żvelar ta’ fatti li jistgħu jwasslu għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attività illegali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu gravi — Protezzjoni kontra proċeduri dixxiplinari — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a)

4.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Proċedura — Limiti — Dinjità tal-kariga — Atti li jistgħu jippreġudikaw id-dinjità tal-kariga — Kunċett — Żvelar ta’ akkużi li jirrigwardaw uffiċjal ieħor

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12, 22a, 22b u 24)

5.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Impożizzjoni ta’ sanzjoni marbuta mal-fatt li uffiċjal bagħat ittra elettronika — Obbligu għall-amministrazzjoni li tikkomunika kopja tal-ittra elettronika — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 2)

6.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Rispett tad-dinjità tal-kariga — Portata — Aġir irregolari ta’ uffiċjal ieħor — Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12)

7.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari u kriminali mibdija parallelament fir-rigward tal-istess fatti — Sospensjoni tal-proċedura dixxiplinari — Applikazzjoni għall-proċeduri kriminali mibdija minn uffiċjal fil-konfront ta’ kollega — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 25)

8.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Attakk fuq id-dinjità ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor — Ftuħ tal-proċedura suġġett għat-tressiq mill-vittma ta’ talba għal assistenza fondata — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal Artikolu 24 u Anness IX)

9.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 3)

1.      L-ebda dispożizzjoni ma timponi lill-amministrazzjoni li tinkludi f’deċiżjoni ta’ sanzjoni l-identità tal-persuna li tkun wettqet l-investigazzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 33 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 69)

2.      Uffiċjal ma jistax juża bħala pretest l-introduzzjoni ta’ talba jew ta’ ilment sabiex ixerred ma’ terzi persuni akkużi fil-konfront ta’ wieħed mill-kollegi tiegħu. Fil-fatt, anki fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet previsti mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar it-tressiq ta’ talba jew ta’ ilment lill-awtorità tal-ħatra, l-uffiċjal għandu juri r-riżerva u l-moderazzjoni li jimponulu d-dmir ta’ oġġettività u dak ta’ imparzjalità, kif ukoll ir-rispett u d-dinjità tal-kariga, l-unur tal-persuni u l-preżunzjoni ta’ innoċenza.

Ċertament, meta uffiċjal ikollu l-intenzjoni li jikkontesta l-illegalità ta’ att, huwa għandu jkun jista’ jsostni l-motivi, l-ilmenti u l-argumenti li jidhirlu neċessajri u, għalhekk, eventwalment jifformula kritika fil-konfront ta’ terzi persuni, iżda tali kritika tista’ tkun leġittimizzata bil-bżonn tal-persuna interessata li tiddefendi l-kawża tagħha biss jekk din tkun limitata għal dak li huwa neċessarju għall-imsemmija difiża.

(ara l-punti 72, 73 u 87)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Jannar 2011, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑77/09, punti 70 u 73

3.      Għalkemm l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti protezzjoni lill-uffiċjali jew membri tal-persunal li javżaw lill-istituzzjoni tagħhom bl-aġir ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor li jista’ jikkostitwixxi nuqqas gravi tat-twettiq tal-obbligi tal-uffiċjal, din il-protezzjoni tippreżumi li l-uffiċjali jew membri tal-persunal ikunu osservaw, huma stess, il-proċedura prevista fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, sabiex tiġi ppreżervata l-onorabbiltà professjonali tal-uffiċjal jew tal-aġent ikkonċernat mill-informazzjoni kkomunikata lill-istituzzjoni sakemm l-awtorità dixxiplinari ma tkunx iddeċidiet dwar dan is-suġġett, l-Artikolu 22a jipprovdi l-lista ta’ persuni li jistgħu jirċievu l-informazzjoni.

(ara l-punt 77)

4.      Jikser id-dmir li jastjeni minn kull azzjoni u imġiba li tista’ timmina d-dinjità tal-kariga tiegħu, kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal li jesprimi pubblikament inġurji gravi, li jistgħu jimminaw l-unur ta’ ċerti persuni, mhux biss minħabba imputazzjonijiet li jistgħu jattakkaw id-dinjità tagħhom bħala persuna, iżda wkoll minħabba allegazzjonijiet ta’ natura li jiskreditaw l-onorabbiltà professjonali.

Sussegwentement, li jintbagħtu lil persuni li ma jaqgħux taħt il-każijiet imsemmija fl-Artikoli 22a, 22b u 24 tar-Regolamenti ittri elettroniċi li jinkludu akkużi jikkostitwixxi fih innifsu ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti u dan, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tiġi vverifikata l-fondatezza tal-akkużi magħmula.

L-istess japplika fir-rigward tat-tixrid ta’ akkużi dwar uffiċjal ieħor lil responsabbli f’kariga għolja tal-Kummissjoni bi ksur tal-Artikolu 12 li jikkostitwixxi waħda mill-espressjonijiet speċifiċi tal-obbligu ta’ lealtà, li jimponi lill-uffiċjal mhux biss li jastjeni minn aġir li jimmina d-dinjità tal-kariga u r-rispett dovut lill-istituzzjoni u lill-awtoritajiet tagħha, iżda wkoll li jadotta, iktar u iktar jekk ikollu grad għoli, aġir korrett u rispettabbli.

(ara l-punti 85, 86 u 91)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Marzu 1996, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑146/94, punti 66 u 67; 19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il-Kummissjoni, T‑34/96 u, punti 123, 124 u 127 sa 130; 12 ta’ Settembru 2000, Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑259/97, punt 29

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Novembru 2007, Andreasen vs Il-Kummissjoni, F‑40/05, punt 234; Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67; 5 ta’ Diċembru 2012, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑88/09 u F‑48/10, punt 252, li hija suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-88/13P

5.      Għalkemm huwa minnu li d-drittijiet tad-difiża jeżiġu kopja ta’ kull dokument li l-Awtorità tal-Ħatra jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuqu sabiex tadotta sanzjoni dixxiplinari kontra l-persuna kkonċernata, in-nuqqas ta’ żvelar ta’ dokument ma huwiex, madankollu, suxxettibbli li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkonċernata ħlief jekk l-ilmenti magħmula kontra din il-persuna jkunu jistgħu jiġu pprovati biss b’riferiment għal dawn id-dokumenti.

F’dan ir-rigward, sanzjoni adottata abbażi ta’ ittra elettronika, meta l-uffiċjal li huwa s-suġġett tal-proċedura dixxiplinari jkun l-awtur tal-ittra u meta jkunu għaddew inqas minn ħames snin minn meta ntbagħtet, l-istituzzjoni tista’ leġittimament tikkunsidra li dan żamm kopja u li ma huwiex neċessarju li jingħata kopja ġdida.

(ara l-punti 97, 127 u 131)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, punti 68, 71 u 73 sa 75

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Lulju 2001, E vs Il-Kummissjoni, T‑24/98 u T‑241/99, punt 92

6.      Uffiċjal ma jistax juża bħala pretest aġir ta’ uffiċjal ieħor li huwa jikkunsidra irregolari, jew anki li jattakka d-dinjità tiegħu, sabiex huwa wkoll jikser id-dmir ta’ lealtà u l-osservanza tad-dinjità tal-kariga tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 108)

7.      Il-prinċipju li “deċiżjoni dixxiplinari tingħata biss wara li l-proċedura kriminali tkun intemmet” li jistabbilixxi essenzjalment l-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti, jirreferi għas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali kontrih parallelament għall-fatti kkunsidrati mill-proċedura dixxiplinari u mhux dik ta’ uffiċjal li jkun beda proċeduri kriminali kontra wieħed mill-kollegi tiegħu.

(ara l-punt 113)

8.      Fir-rigward ta’ proċedura dixxiplinari dwar l-attakk minn uffiċjal fuq id-dinjità ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprovdi li l-amministrazzjoni tkun tista’ tibda l-proċedura dixxiplinari għal tali raġuni biss fuq il-kundizzjoni li tkun tressqet quddiemha minn din il-persuna talba ta’ assistenza li tkun fondata.

(ara l-punt 121)

9.      Għalkemm mill-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tibbaża ruħha fuq rapport tal-investigazzjoni sabiex tiftaħ il-proċedura dixxiplinari, li jippreżupponi li tkun saret investigazzjoni imparzjali u kontradittorja sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti allegati u ċ-ċirkustanzi relatati ma’ dawn tal-aħħar, xejn ma jipprojbixxi lill-amministrazzjoni milli twettaq tali investigazzjoni taħt il-forma ta’ sempliċi eżami tal-fatti li hija tkun saret taf bihom mingħajr ma tadotta miżuri supplimentari.

Bl-istess mod, għalkemm il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jobbliga lill-imsemmija awtorità teżamina bir-reqqa u imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni li jkollha quddiemha, l-ebda dispożizzjoni ma tipprovdi li l-investigazzjoni magħmula tkun saret biex takkuża jew tiskaġuna. Fil-fatt, l-amministrazzjoni ma għandhiex tissostitwixxi ruħha għall-uffiċjal akkużat sabiex tfittex minfloku kull prova li tista’ tiskaġunah jew tnaqqas is-sanzjoni li tkun eventwalment adottata.

(ara l-punti 123 u 124)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 266 u 268