Language of document : ECLI:EU:C:2009:561

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Settembru 2009 (*)

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikoli 9(1)(b) u 11(2) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni – Aċċident tat-traffiku – Trasferiment ipso jure tad-drittijiet tal-vittma favur korp tas-sigurtà soċjali – Rikors għal kumpens kontra l-assiguratur tal-persuna allegatament responsabbli – Għan ta’ protezzjoni tal-parti l-inqas b’saħħitha”

Fil-Kawża C‑347/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mil-Landesgericht Feldkirch (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

Vorarlberger Gebietskrankenkasse

vs

WGV-Schwäbische Allgemeine Versicherungs AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Vorarlberger Gebietskrankenkasse minn A. Wittwer, avukat,

–        għal WGV-Schwäbische Allgemeine Versicherungs AG minn A. Weber, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak minn C. Pesendorfer u G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol minn J. López‑Medel Báscones, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan minn I. Bruni bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej minn A.‑M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens bejn il-Vorarlberger Gebietskrankenkasse, stabbilit f’Dornbirn (l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“VGKK”), u WGV-Schwäbische Allgemeine Versicherungs AG, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem “WGV-SAV”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-premessi 11 sa 13 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)      B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

4        Ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 44/2001 jinsabu fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, li huwa magħmul mill-Artikoli 2 sa 31.

5        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-imsemmi Kapitolu II, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, li jinsab fl-istess sezzjoni, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

7        Fl-Artikoli 8 sa 14 tas-Sezzjoni 3, intitolata “Ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni”, tistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni.

8        Skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għal l-Artikolu 4 u punt 5 ta’ l-Artikolu 5”.

9        L-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

a)      fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat, jew

b)      fi Stat membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn l-attur ikun domiċiljat […]

[…]”

10      Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001:

“L-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta jkunu permissibli tali azzjonijiet diretti.”

 Id-Direttiva 2000/26/KE

11      Id-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Mejju 2000, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/239/KEE u 88/357/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331), kif emendata mid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 (ĠU L 149, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/26”), tipprovdi fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Dritt dirett ta’ azzjoni”:

“Kull Stat Membru għandu jassigura li l-partijiet danneġġjati msemmija fl-Artikolu 1 f’inċidenti fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni igawdu minn dritt dirett ta’ azzjoni kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra r-responsabbiltà ċivili.”

12      Sabiex jiddefinixxi “parti danneġġjata” [iktar ’il quddiem, “il-parti leża”], l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jirreferi għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10).

 Id-Direttiva 72/166

13      Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 72/166, il-“parti [leża]” [, fid-Direttiva, “il-parti inġurjata”,] tfisser kull persuna intitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja kkawżata minn vetturi.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14      Skont l-Artikolu 332(1) tal-Liġi Ġenerali dwar l-Assigurazzjoni Soċjali (Allgemeines Sozialversicherungsgesetz, iktar ’il quddiem l-“ASVG”):

“Jekk persuni li huma intitolati għal benefiċċji skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali [...] jistgħu, abbażi ta’ dispożizzjonijiet legali oħra, jitolbu kumpens għad-dannu subit, dawn id-drittijiet jgħaddu għand l-assiguratur sa fejn huwa għandu jipprovdi benefiċċji”.

15      L-Artikolu 1394 tal-Kodiċi Ċivili (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem l-“ABGB”) jipprovdi:

“Fir-rigward tad-drittijiet ittrasferiti, id-drittijiet tal-persuna li lilu jiġu ttrasferiti d-drittijiet huma l-istess bħad-drittijiet tal-persuna li jittrasferixxihom.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Fl-10 ta’ Marzu 2006, seħħ inċident stradali f’awtostrada fil-Ġermanja li kien jinvolvi, minn naħa, lil Gaukel, sewwieqa ta’ vettura assigurata fil-Ġermanja għal responsabbiltà ċivili ma’ WGV-SAV, u, min-naħa l-oħra, Kerti, sewwieqa ta’ vettura oħra. Minħabba t-traffiku, din tal-aħħar kellha tibbrejkja f’daqqa. Gaukel, is-sewwieqa tal-vettura li kienet tinsab wara dik ta’ Kerti, daħlet fil-vettura ta’ din tal-aħħar. Il-ħabta kkważat leżjoni fis-sinsla tad-dahar ta’ Kerti u hija kellha toqgħod għal diversi trattamenti mediċi. Barra minn hekk, it-tobba li rawha ċċertifikaw li hija ma setgħetx taħdem mill-15 sal-21 ta’ Marzu 2006. Il-VGKK, inkwantu korp tas-sigurta soċjali, ipprovda benefiċċji lill-persuna assigurata magħha, jiġifieri lil Kerti.

17      Matul il-perijodu ta’ bejn it-2 ta’ Jannar 2006 u l-20 ta’ Awwissu 2007, Kerti kellha d-domiċilju tagħha fi Bludenz (l-Awstrija). Minn dak iż-żmien, hija residenti f’Ubstadt‑Weiher (il-Ġermanja).

18      Billi bbażat ruħha fuq it-trasferiment ipso jure tad-drittijiet ta’ Kerti, skont l-Artikolu 332 tal-ASVG, il-VGKK ippreżenta, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2006 talba għal ħlas, b’terminu li jiskadi fl-24 ta’ Ottubru 2006, lill-WGV-SAV, tal-ispejjeż li huwa kien bata sabiex jipprovdi benefiċċji lill-persuna assigurata miegħu. Fil-fatt, il-VGKK isostni li r-responsabbiltà esklużiva tal-inċident hija tal-persuna assigurata ma’ WGV-SAV.

19      Peress illi l-ħlas ma seħħx, il-VGKK ippreżenta, fit-13 ta’ Frar 2008, azzjoni għal kumpens quddiem il-Bezirksgericht Dornbirn (l-Awstrija) kontra WGV-SAV. Din tal-aħħar, li kkontestat il-mertu tar-rikors, invokat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża. Hija sostniet ,minn naħa, li, fid-dawl tal-oriġini tagħhom, id-drittijiet inkwistjoni kienu dawk ta’ Kerti li kienet residenti fil-Ġermanja meta r-rikors ġie ppreżentat. Min-naħa l-oħra, il-kawża kienet tinvolvi żewġ partijiet li jinsabu f’pożizzjoni ugwali, b’tali mod li r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika mill-protezzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001.

20      B’digriet tal-21 ta’ Mejju 2008, il-Bezirksgericht Dornbirn ċaħdet ir-rikors minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

21      Għaldaqstant il-VGKK appella quddiem il-Landesgericht Feldkirch u talab li d-digriet tal-21 ta’ Mejju 2008 jiġi annullat u li l-qorti tal-ewwel istanza tiġi ordnata tkompli tisma’ l-kawża.

22      Il-Landesgericht Feldkirch tqajjem tliet argumenti favur il-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi. L-ewwel nett, fil-fehma tagħha, il-VGKK għandu jitqies bħala l-parti leża, għaliex, wara l-inċident, huwa pprovda benefiċċji lil Kerti. It-tieni nett, minħabba t-trasferiment ipso jure skont l-Artikolu 332 tal-ASVG, il-VGKK daħal, mill-mument stess tal-inċident, fid-drittijiet kollha ta’ Kerti. Peress illi huwa daħal fil-pożizzjoni ġuridika tal-persuna li hija assigurata magħha, huwa jinvoka, fir-rikors tiegħu, id-drittijiet ta’ din tal-aħħar u mhux id-drittijiet proprji tiegħu. It-tielet nett, f’każ ta’ inċident gravi li jwassal għal danni fiżiċi, il-persuna direttament leża żżomm id-dritt tagħha għal kumpens għal dannu morali u għal danni materjali. Għalhekk hija tista’ titlob il-kumpens għal dan id-dannu quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tagħha. Id-drittijiet ta’ rimbors tal-ispejjeż għat-trattament mediku u eventwalment benefiċċji tal-pensjoni tal-irtirar huma, f’dan il-każ, ittrasferiti lill-korp tas-sigurtà soċjali. Jekk l-imsemmi korp ma jkunx jista’ jeżerċita l-istess ġurisdizzjoni, huwa għandu għaldaqstant jippreżenta rikors għal kumpens quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qrati ta’ diversi Stati Membri jiddeċiedu fuq l-istess fatti, u dan jista’ jmur kontra l-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, inkwantu sentenzi konfliġġenti jistgħu jingħataw mill-qrati ta’ diversi Stati Membri.

23      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, jeżistu żewġ argumenti sabiex ma tiġix rikoxxuta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi. Minn naħa, l-għan tad-Direttiva 2000/26 huwa li jipproteġi lill-parti l-inqas b’saħħitha billi tissemplifika b’mod sinjifikattiv u tiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet għal kumpens f’każ ta’ inċidenti stradali li jinvolvu element barrani. B’riferiment għas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, Ġabra p. I‑11321), korp tas-sigurtà soċjali ma jistax jitqies bħala parti inqas b’saħħitha, li jistħoqqha protezzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 isemmi biss il-persuni leżi u mhux l-eventwali persuna li tiġi ttrasferita d-drittijiet ipso jure.

24      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesgericht Feldkirch iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-riferiment għall-Artikolu 9(1)(b) [tar-Regolament Nru 44/2001], li jinsab fl-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li korp ta’ sigurtà soċjali, li lilu jkunu ġew ittrasferiti d-drittijiet tal-persuna direttament leża bis-saħħa tal-liġi (Artikolu 332 tal-ASVG), ikun jista’ jippreżenta rikors dirett kontra l-assiguratur quddiem il-qorti tal-post fi Stat Membru li fih ikun stabbilit, sakemm dan ir-rikors dirett ikun ammissibbli u l-assiguratur ikollu d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:

         Din il-ġurisdizzjoni teżisti wkoll jekk, meta jiġi ppreżentat ir-rikors, il-persuna direttament leża ma jkollhiex id-domiċilju jew ir-residenza normali fl-Istat Membru li fih il-korp ta’ sigurtà soċjali jkun stabbilit?”

 Fuq id-domandi preliminari

 L-osservazzjonijiet preliminari

25      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li jeżistu differenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001. B’hekk il-verżjoni Franċiża tuża l-kelma “victime”, li l-interpretazzjoni semantika tagħha tirreferi għall-persuna li tkun sofriet direttament id-dannu. Min-naħa l-oħra, il-verżjoni Ġermaniża, li hija l-lingwa tal-kawża, tuża l-frażi “der Geschädigte”, li tifsser “il-persuna leża”. Issa, din il-frażi tista’ tirreferi mhux biss għall-persuna li tkun sofriet direttament id-dannu, iżda wkoll għal dik li sofrietu indirettament.

26      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju teskludi li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni għandu jiġi kkunsidrat b’mod iżolat, iżda teżiġi, bil-kontra, li huwa jiġi interpretat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1979, Koschniske, 9/79, Ġabra p. 2717, punt 6; tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 36, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2006, Zuid‑Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu, C‑174/05, Ġabra p. I‑2443, punt 20), u skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 14).

27      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, minn naħa, li verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 isegwu l-verżjoni Ġermaniża u jużaw il-frażi “il-persuna leża”. Dan jgħodd għall-verżjoni Spanjola (“persona perjudicada”), Ċeka (“poškozený”), Daniża (“skadelidte”), Estonjana (“kahju kannatanud pool”), Taljana (“persona lesa”), Pollakka (“poszkodowany”), Slovakka (“poškodený”) u Żvediża (“skadelidande”). Min-naħa l-oħra, fil-punt 26 tas-sentenza FBTO Schadeverzekeringen, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-funzjoni tar-riferiment magħmul fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 hija li mal-lista ta’ persuni li jistgħu jagħmlu talba, li tinsab fl-Artikolu 9(1)(b) ta’ dan ir-regolament, jiżdiedu l-persuni li jkunu sofrew dannu, mingħajr ma ċ-ċirku ta’ dawn il-persuni jiġi ristrett biss għal dawk li jkun sofrewh direttament.

28      Għaldaqstant l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-persuna leża.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-Artikolu 9(1)(b) tal-istess regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li korp tas-sigurtà soċjali, li lilu jkunu ġew ittrasferiti d-drittijiet tal-persuna direttament leża f’inċident tat-traffiku, jista’ jippreżenta rikors dirett quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit kontra l-assiguratur tal-persuna allegatament responsabbli għall-imsemmi inċident, li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-Artikolu 9(1)(b) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-post fejn il-persuna leża għandha d-domiċilju tagħha għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna li allegatament hija responsabbli meta tali azzjoni tista’ ssir u meta l-assiguratur għandu d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru (sentenza FBTO Schadeverzekeringen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

31      Fir-rigward tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta minn inċidenti tat-traffiku, mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 72/166 u mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/26, interpretati fid-dawl tat-tieni parti tal-premessa 16a ta’ din id-direttiva tal-aħħar, jirriżulta li l-persuna leża għandha d-dritt li tippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-post tad-domiċilju tagħha kontra l-assiguratur tal-persuna allegatament responsabbli.

32      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk korp tas-sigurtà soċjali, li lilu jkunu ġew ittrasferiti d-drittijiet tal-vittma ta’ inċident tat-traffiku, għandux ukoll dan id-dritt.

33      F’dan ir-rigward, il-VGKK isostni li huwa sofra dannu meta pprovda benefiċċji lill-persuna assigurata miegħu. B’hekk huwa jqis li huwa għandu jitqies bħala persuna leża, skont interpretazzjoni awtonoma ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, bħala l-korp li lilu ġew ittrasferiti ipso jure d-drittijiet tal-persuna assigurata miegħu, huwa daħal, skont il-liġi Awstrijaka, mhux biss fid-drittijiet sostanzjali ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll fid-drittijiet proċedurali tagħha, li jinkludu dawk stabbiliti fl-Artikoli 9(1)(b) u 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Inkella, jiġifieri jekk isiru distinzjonijiet fl-ambitu tat-trasferiment ipso jure, dan il-kunċett ġuridiku jitlef is-sens tiegħu.

34      Il-Gvern Spanjol jenfasizza b’mod partikolari li jekk il-persuna leża direttament tmut, il-werrieta tagħha, jiġifieri l-persuni li lilhom jiġu ttrasferiti ipso jure d-drittijiet tagħha, għandhom ikunu jistgħu jiftħu, quddiem il-qorti tad-domiċilju tagħhom, kawża għad-danni kontra l-assiguratur tal-persuna li allegatament hija responsabbli, bl-istess mod li seta’ jiftaħ il-kawża d-decuius tagħhom meta kien għadu ħaj.

35      Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa u l-interpretazzjoni awtonoma tar-Regolament Nru 44/2001, prinċipalment għandu jsir riferiment għall-istruttura u għall-għanijiet tiegħu (sentenzi tal-14 tal-Lulju 1983, Gerling Konzern Speziale Kreditversicherung et, 201/82, Ġabra p. 2503, punt 11; tal-20 ta’ Marzu 1997, Farrell, C‑295/95, Ġabra p. I‑1683, punti 12 u 13; tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C‑269/95, p. I‑3767, punt 12, u tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein, C‑433/01, Ġabra p. I‑981, punt 24). Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-kunċetti ġuridiċi partikolari, bħalma huwa t-trasferiment ipso jure, previst kemm mid-dritt Awstrijak kif ukoll mis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, ma tistax taffettwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Inkella l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 tiġi neċessarjament suġġetta għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri u l-applikazzjoni uniformi tiegħu fil-Komunità tiġi kompromessa.

36      F’dan ir-rigward, il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà u għandhom ikunu stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u li din il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli, ħlief f’ċerti sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-kawża jew l-awtonomija tal-partijiet jiġġustifikaw kriterju ieħor ta’ rabta.

37      B’hekk, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu, indipendentement min-nazzjonalità tiegħu, tikkostitwixxi, fis-sistema tal-imsemmi regolament, il-prinċipju ġenerali, stabbilit fl-Artikolu 2(1), ta’ dan ir-regolament (sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C‑89/91, Ġabra p. I‑139, punt 14; tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil, C‑265/02, Ġabra p. I‑1543, punt 23; tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C‑103/05, Ġabra p. I‑6827, punt 22, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport, C‑98/06, Ġabra p. I‑8319, punt 34).

38      L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jidderoga mill-imsemmi prinċipju ġenerali. Fil-fatt, huwa jipprovdi li l-persuni li għandhom id-domiċilju tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jissejħu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, iżda dan iseħħ biss abbażi tar-regoli stabbiliti fis-Sezzjonijiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Reisch Montage, punt 22, u Freeport, punt 34).

39      Għaldaqstant, l-imsemmija regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw mill-prinċipju ġenerali ma jistgħux jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil ’hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mir-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1978, Bertrand, 150/77, Ġabra p. 1431, punt 17; tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte, C‑26/91, Ġabra p. I‑3967, punt 14, Shearson Lehman Hutton, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi, C‑412/98, Ġabra p. I‑5925, punt 49, u Freeport, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

40      Is-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi sistema awtonoma ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C‑112/03, Ġabra p. I‑3707, punt 29). L-għan ta’ din is-sezzjoni huwa, skont il-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001, li l-parti l-inqas b’saħħitha tiġi mħarsa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha mir-regoli ġenerali.

41      Il-funzjoni ta’ protezzjoni sodisfatta minn dawn id-dispożizzjonijiet timplika li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, previsti għal dan l-għan mir-Regolament Nru 44/2001, ma tiġix estiża biex tinkludi persuni li għalihom din il-protezzjoni mhix iġġustifikata.

42      Madankollu ma ġiex sostnut li korp tas-sigurtà soċjali, bħalma huwa l-VGKK, huwa parti ekonomikament inqas b’saħħitha u ġuridikament b’inqas esperjenza minn assiguratur għal responsabbilta ċivili, bħalma hija WGV-SAV. B’mod ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppeċiżat li l-ebda protezzjoni speċjali mhija ġġustifikata fil-każ fejn ir-relazzjonijiet huma bejn professjonisti fis-settur tal-assigurazzjoni u li ħadd fosthom ma jista’ jiġi preżunt li qiegħed f’pożizzjoni dgħajfa meta mqabbel mal-ieħor (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et, C‑77/04, Ġabra p. I‑4509, punt 20).

43      Għaldaqstant, korp tas-sigurtà soċjali, li lilu ġew ittrasferiti ipso jure d-drittijiet tal-persuna li hija direttament leża f’inċident tat-traffiku, ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(b) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex jippreżenta rikors dirett quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit kontra l-assiguratur tal-persuna li allegatament hija responsabbli għall-imsemmi inċident, u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

44      Min-naħa l-oħra, il-korp li lilu ġew ittrasferiti ipso jure d-drittijiet tal-persuna li hija direttament leża, li huwa nnifsu jista’ jitqies bħala l-parti l-inqas b’saħħitha, għandu jkun jista’ jibbenefika mir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni definiti fl-imsemmija dispożizzjonijiet. Kif sostna l-Gvern Spanjol, dan huwa minnu b’mod partikolari fil-każ tal-werrieta tal-vittma ta’ inċident.

45      Barra minn hekk, il-konklużjoni magħmula fil-punt 43 ta’ din is-sentenza hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regoli speċjali fil-qasam tal-kuntratti tal-konsumatur stabbiliti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li għandhom ukoll l-għan li jipproteġu lill-parti l-inqas b’saħħitha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-persuna li lilha jiġu ttrasferiti d-drittijiet li, fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha, tidher quddiem il-qorti sabiex titlob id-dejn ta’ min ikun ittrasferixxa d-drittijiet lilha, li jirriżulta minn kuntratt konkluż minn konsumatur, ma tistax tibbenefika mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, għaliex l-għan ta’ dawn ir-regoli huwa l-protezzjoni tal-parti li hija ekonomikament l-inqas b’saħħitha u li ġuridikament għandha inqas esperjenza (sentenza Shearson Lehman Hutton, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 sa 24).

46      Is-sentenza Blijdenstein, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonferma wkoll il-konklużjoni magħmula fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. Fil-punt 34 tas-sentenza Blijdenstein, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni tas-27 ta Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u – test emendat – p. 77), bil-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1) u bil-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika tal-Portugall (ĠU L 285, p. 1), fis-sens li huwa ma jippermettix lil korp pubbliku li jippreżenta quddiem il-qrati tal-Istat kontraenti fejn huwa stabbilit rikors għall-irkupru tal-ammont li, b’applikazzjoni tad-dritt pubbliku, huwa ħallas lil kreditur ta’ manteniment, li l-korp daħal fid-drittijiet tiegħu, kontra d-debitur tal-manteniment li għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor, inkwantu dan il-korp mhuwiex, meta mqabbel mad-debitur tal-manteniment, il-parti l-inqas b’saħħitha.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għanda tkun li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-Artikolu 9(1) tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li korp tas-sigurtà soċjali, li lilu ġew ittrasferiti ipso jure d-drittijiet tal-persuna li ġiet leża direttament f’inċident tat-traffiku, ma jistax jippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit kontra l-assiguratur tal-persuna li allegatament hija responsabbli għall-imsemmi inċident u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor.

 Fuq it-tieni domanda

48      Fid-dawl tar-riposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għall-Artikolu 9(1)(b) tal-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li korp tas-sigurtà soċjali, li lilu ġew ittrasferiti ipso jure d-drittijiet tal-persuna li ġiet leża direttament f’inċident tat-traffiku, ma jistax jippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit kontra l-assiguratur tal-persuna li allegatament hija responsabbli għall-imsemmi inċident u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.