Language of document : ECLI:EU:C:2018:400

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-6 ta’ Ġunju 2018 (1)

Kawża C149/17

Bastei Lübbe GmbH & Co. KG

vs

Michael Strotzer

(talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Kumpens fil-każ ta’ kondiviżjoni ta’ fajls bi ksur tad-drittijiet tal-awtur – Konnessjoni mal-internet aċċessibbli għal xi membri tal-familja tad-detentur – Eżenzjoni tar‑responsabbiltà tad-detentur mingħajr il-ħtieġa li tiġi speċifikata n‑natura tal-użu tal-konnessjoni mill-membru tal-familja”






 Introduzzjoni

1.        Għalkemm id-dritt sostantiv dwar il-proprjetà intellettwali huwa parzjalment armonizzat fid-dritt tal-Unjoni, il-proċeduri intiżi sabiex jippenalizzaw il-ksur ta’ dan id-dritt u jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw minnu jaqgħu, bħala regola, taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jitlob ċerti rekwiżiti li jmorru lil hinn minn sempliċi test ta’ effettività normalment applikat fil-kuntest tal‑awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

2.        Din il-kawża tqajjem il-kwistjoni tal-portata ta’ dawn ir-rekwiżiti u tar-rabta tagħhom mad-drittijiet fundamentali. Din il-kwistjoni diġà ġiet issottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja iżda din il-kawża ser tagħtiha l‑opportunità li tiżviluppa u li tispeċifika iktar il-ġurisprudenza tagħha f’dan ir-rigward.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 3(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal‑informazzjoni (2) jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax‑xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

[…]

b)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

[…] ”

4.        Skont l-Artikolu 8(1) u (2) tal-istess direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is‑sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

2.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d‑detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad‑danni […]”.

5.        L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (3) jipprevedi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il‑mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet, il‑miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal‑proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil‑liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.

2.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad‑dispożizzjonijiet speċifiċi fuq l-infurzar tad-drittijiet u fuq l‑eċċezzjonijiet li qegħdin fil-leġislazzjoni tal-Komunità li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet oħra relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur, l‑aktar dawk [...] fid-Direttiva [2001/29] u, b’mod partikolari, l‑Artikoli 2 sa 6 u l-Artikolu 8 tiegħu.”

6.        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r‑rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r‑rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il‑kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

7.        Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fuq l-applikazzjoni ta’ xi parti li ppreżentat evidenza raġjonevoli u suffiċjenti biex tissportja it-talba tagħha, u għandha, fis-sostanzjament ta' dawk it-talbiet, evidenza speċifika li qegħda fil-kontroll tal-parti opposta, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarja jistgħu jordnaw li dik l-evidenza tiġi ppreżentata mill-parti opposta, bla ħsara għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.”

8.        Fl-aħħar nett, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill‑kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad‑dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal‑kontravvenzjoni.”

 Id-dritt Ġermaniż

9.        L-Artikolu 97 tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-dritt tal-awtur u d‑drittijiet relatati) tad-9 ta’ Settembru 1965 jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ ksur illegali tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt ieħor protett minn din il-liġi, il-persuna leża tista’ titlob li jitwaqqaf il‑preġudizzju; fil-każ ta’ riskju ta’ reċidiva, hija tista’ titlob il‑ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni. Id-dritt li jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni jeżisti wkoll meta jkun jidher għall-ewwel darba li hemm riskju ta’ ksur.

2.      Min iwettaq ksur b’mod intenzjonat jew b’negliġenza għandu jikkumpensa lill-persuna leża għad-dannu li jirriżulta minnu. Il-kalkolu tal-kumpens jista’ jinkludi wkoll il-profitt li l-awtur tal-ksur ikun ħa mill‑ksur tad-dritt. Il-kumpens jista’ jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont li l-awtur tal-ksur messu ħallas bħala remunerazzjoni ġusta li kieku kiseb l-awtorizzazzjoni biex juża d-dritt miksur. L-awturi, l-edituri ta’ ġurnali xjentifiċi (Artikolu 70), il-fotografi (Artikolu 72) u l-artisti tal-ispettaklu (Artikolu 73) jistgħu wkoll jitolbu kumpens finanzjarju tad-dannu morali li jkun ekwu.”

 Il-kuntest fattwali, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.      Bastei Lübbe AG, kumpanija rregolata mid-dritt Ġermaniż, hija detentriċi, bħala produttur ta’ fonogrammi, tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fuq il-verżjoni awdjo ta’ ktieb.

11.      Michael Strotzer huwa detentur ta’ konnessjoni mal-internet li permezz tagħha, fit-8 ta’ Mejju 2010, din il-fonogramma ġiet kondiviża, sabiex titniżżel, lil numru illimitat ta’ utenti ta’ pjattaforma ta’ skambju fuq l‑internet (peer-to-peer). Kien hemm espert li assenja b’eżattezza l-indirizz IP lil M. Strotzer.

12.      Permezz ta’ ittra datata 28 ta’ Ottubru 2010, Bastei Lübbe intimat lil M. Strotzer biex itemm il-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Peress li din l‑intimazzjoni ma kellha l-ebda riżultat, Bastei Lübbe ppreżentat rikors quddiem l-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il‑Ġermanja) kontra M. Strotzer, bħala detentur tal-indirizz IP inkwistjoni, sabiex tikseb kumpens finanzjarju.

13.      Madankollu, M. Strotzer jikkontesta li hu stess kiser id-drittijiet tal‑awtur u jenfasizza li l-konnessjoni mal-internet tiegħu kienet sikura biżżejjed. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-ġenituri tiegħu, li jgħixu taħt l-istess saqaf, kellhom ukoll aċċess għal din il-konnessjoni bl-istess mod iżda li, sa fejn kien jaf hu, huma ma kellhomx dan ix-xogħol fuq il‑kompjuter tagħhom, ma kinux jafu bl-eżistenza tiegħu u ma kinux jużaw is‑softwer tal-pjattaforma ta’ skambju onlajn. Barra minn hekk, il‑kompjuter kien mitfi fil-mument tal-ksur inkwistjoni.

14.      L-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München) ċaħdet ir-rikors għad-danni ta’ Bastei Lübbe minħaba li M. Strotzer ma setax jitqies li wettaq il-ksur allegat tad-drittijiet tal-awtur, peress li kien indika li anki l-ġenituri tiegħu setgħu wettqu l-ksur inkwistjoni. Bastei Lübbe għalhekk appellat quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

15.      Il-qorti tar-rinviju iktar ixxaqleb li żżomm lil M. Strotzer responsabbli għat-twettiq tal-ksur allegat tad-drittijiet tal-awtur peress li mill‑ispjegazzjonijiet tiegħu ma jirriżultawx li kien hemm xi ħadd ieħor li uża l-konnessjoni tal-internet fil-mument ta’ dan il-ksur, b’tali mod li huwa probabbli ħafna li seta wettaq dan il-ksur. Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija affaċċjata bil-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal‑Ġustizzja, il-Ġermanja) li, fl-opinjoni tagħha, tista’ tipprekludi l-kundanna tal-konvenut (4).

16.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), kif interpretata mill-qorti tar-rinviju, huwa r-rikorrent li għandu jallega u jipprova l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Il‑Bundesgerichtshof tikkunsidra, barra minn hekk, li d-detentur tal‑konnessjoni mal-internet huwa effettivament preżunt li kkommetta tali ksur meta l-ebda persuna oħra ma setgħet tuża din il-konnessjoni mal-internet fil-mument tat-tali ksur. Madankollu, jekk il-konnessjoni mal-internet ma kinitx sikura biżżejjed jew kienet konxjament imħollija għad-dispożizzjoni ta’ persuni oħra fil-mument ta’ dan il-ksur, allura d‑detentur ta’ din il-konnessjoni ma huwiex effettivament preżunt li wettaq dan il-ksur.

17.      F’każ bħal dan, il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) xorta timponi fuq id-detentur tal-konnessjoni mal-internet oneru sekondarju tal-allegazzjoni. Dan id-detentur jissodisfa b’mod suffiċjenti dan l-oneru sekondarju billi juri li persuni oħra, li tagħhom għandu jindika, jekk ikun il-każ, l-identità, kellhom aċċess awtonomu għall-konnessjoni mal-internet tiegħu u setgħu, għalhekk, iwettqu l-abbuż allegat tad-drittijiet tal-awtur. Jekk membru tal-familja kellu aċċess għal konnessjoni mal-internet inkwistjoni, id-detentur ta’ din il‑konnessjoni madankollu ma huwiex marbut li jipprovdi spjegazzjonijiet addizzjonali dwar il-mument u n-natura tal-użu ta’ din il‑konnessjoni, fid-dawl tal-protezzjoni taż-żwieġ u tal-familja stabbilita fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-dispożizzjonijiet rispettivi tad-dritt kostituzzjonali Ġermaniż.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) u (2) flimkien ma’ dawk tal‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ‘sanzjonijiet effettivi u dissważivi kontra l‑ksur tad-dritt li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal‑pubbliku’ għandhom jibqgħu fis-seħħ anki meta l-proprjetarju ta’ konnessjoni mal-internet li permezz tagħha twettaq ksur tad‑drittijiet tal-awtur permezz ta’ kondiviżjoni ta’ fajls (file sharing) ma jinżammx responsabbli meta huwa jindika mill-inqas membru wieħed tal-familja li bħalu kellu l-possibbiltà li jaċċedi għal din il-konnessjoni mal-internet, mingħajr ma jagħti iktar dettalji, stabbiliti permezz ta’ investigazzjonijiet xierqa fir-rigward tal-ħin u tan-natura tal-użu tal-internet minn dak il-membru tal-familja?

2)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘miżuri effettivi sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali’ għandhom jibqgħu fis-seħħ anki meta l‑proprjetarju ta’ konnessjoni mal-internet li permezz tagħha twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ kondiviżjoni ta’ fajls (file sharing) ma jinżammx responsabbli meta huwa jindika mill-inqas membru wieħed tal-familja li bħalu kellu l-possibbiltà li jaċċedi għal din il-konnessjoni mal-internet, mingħajr ma jagħti iktar dettalji, stabbiliti permezz ta’ investigazzjonijiet xierqa fir-rigward tal-ħin u tan-natura tal-użu tal-internet minn dak il-membru tal-familja?”

19.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2017. Bastei Lübbe, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bastei Lübbe u l‑Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li saret fl-14 ta’ Marzu 2018.

 Analiżi

 Rimarki preliminari

20.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tesprimi dubji fuq ir-rilevanza tad-domandi preliminari għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. Jiena ma naqbilx magħhom.

21.      Bid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk huwiex konformi mar-rekwiżit tal-effettività tal-miżuri previsti biex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet tal-awtur, li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29 u mill-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2004/48, li d-detentur ta’ konnessjoni mal‑internet, li permezz tagħha seħħew ksur tad-drittijiet tal-awtur (5), ikun jista’ jaħrab mir-responsabbiltà għall-imsemmi ksur abbażi ta’ preżunzjoni, billi jidentifika, mingħajr iktar indikazzjonijiet speċifiċi, membru tal-familja li kellu wkoll aċċess għal din il-konnessjoni. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) dwar ir-rimedji ġudizzjarji li għandhom, skont id-dritt Ġermaniż, id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li soffrew dannu.

22.      Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda huma l-qrati nazzjonali biss li għandhom jinterpretaw u japplikaw il-ġurisprudenza nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, mill-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jirriżulta li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretaw, kemm jista’ jkun possibbli, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħhom b’tali mod li jagħtu effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit jinkludi l-obbligu li tiġi mibdula l-ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk hija inkompattibli ma’ dan id-dritt (6). Jidher għalhekk li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi timponi fuq il-qorti tar‑rinviju l-obbligu li tinterpreta u tapplika l-ġurisprudenza tal‑Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), kemm jista’ jkun possibbli, b’tali mod li tiżgura l-effett sħiħ tal-obbligi li jirriżultaw mid‑dritt tal-Unjoni dwar l-effettività tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Issa, huwa ċertament il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti tar-rinviju l-indizji kollha neċessarji li jirrigwardaw il-portata ta’ dawn l-obbligi.

23.      Għalhekk, jekk il-qorti tar-rinviju għandha dubji li jikkonċernaw il-konformità tal‑ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), kif hija tinterpretaha, mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddefinixxi l-portata ta’ dawn ir-rekwiżiti. Għandhom jiġu eżaminati żewġ aspetti ta’ din il-kwistjoni: il-portata tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u r-rispett tad-drittijiet fundamentali meta jkunu applikati dawn id-dispożizzjonijiet.

 Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2001/29 u 2004/48

24.      Id-Direttiva 2001/29 hija pjuttost lakonika f’dak li jikkonċerna l‑miżuri intiżi biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet li tarmonizza. L‑Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jillimita ruħu sabiex jobbliga lill-Istati Membri, b’mod ġenerali, biex jipprovdu sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi biex jiġu ripressi l-ksur tal-imsemmija drittijiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, għall‑benefiċċju tad-detenturi li sofrew dannu, il-possibbiltà li jippreżentaw rikorsi għad-danni. Il-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu biex jiġu ssodisfatti dawn l-obbligi tħallew kompletament għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

25.      Madankollu, minħabba l-importanza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għas-suċċess tas-suq intern, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħass il‑ħtieġa li jipprevedi regoli armonizzati iktar iddettaljati biex tiġi żgurata protezzjoni omoġenja ta’ dawn id-drittijiet madwar l-Unjoni kollha (7). Id‑Direttiva 2004/48 hija għalhekk iddedikata kompletament għall‑miżuri intiżi li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

26.      Huwa vera li, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/48, din tal‑aħħar tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, speċjalment dawk tal‑Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tagħti prijorità lir-regoli tad-Direttiva 2001/29 meta mqabbla mad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48. Madankollu, dan ma jfissirx li d-drittijiet tal-awtur fit-totalità tagħhom għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48. L-Artikolu 2(1) ta’ din id‑direttiva jistipula b’mod ċar ħafna li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw “għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil‑liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat”. Peress li d-drittijiet tal-awtur bla dubju jaqgħu taħt il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 2004/48 hija applikabbli għalihom, bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet partikolari li jinsabu fl-atti tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernawh. Barra minn hekk, din id-direttiva tipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari l‑Artikolu 5 li jistabbilixxi preżunzjoni tal-kwalità tal-awtur jew tad-detentur ta’ dritt relatat mad-dritt tal-awtur.

27.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29 għandu għalhekk jitqies mhux biss bħala dispożizzjoni iżolata ta’ natura ġenerali ħafna, imma pjuttost bħala element ta’ sistema armonizzata tal-protezzjoni ta’ drittijiet tal‑proprjetà intellettwali stabbilita mid-Direttiva 2004/48. Din is‑sistema tmur lil hinn minn sempliċi awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, billi timponi fuq dawn tal-aħħar obbligi konkreti, li l-osservanza tagħhom, inkluż tal-aspett proċedurali, taqa’ taħt l-iskrutinju tal‑Qorti tal-Ġustizzja, li jmur lil hinn mill-qafas tal-kontroll klassiku tal‑prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Interpretazzjoni differenti tkun iċċaħħad lid-Direttiva 2004/48 mir-raġuni tal-eżistenza tagħha, għaliex ma żżid xejn meta mqabbla mal-obbligu, li diġà huwa impost fuq l-Istati Membri permezz tal-prinċipju ta’ effettività, li jiġi żgurata l-effett utli tad‑dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Fil-fatt, ikun illoġiku li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal‑Unjoni żviluppa direttiva magħmula minn obbligi li jistgħu jkunu żvojtati minn kull kontenut minn sett ta’ regoli proċedurali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/48 għandha kamp ta’ applikazzjoni awtonomu, għaliex skont l-Artikolu 2(1) tagħha, din ma tapplikax biss għall-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali armonizzati fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll għad-drittijiet previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Din id‑direttiva għalhekk ma għandhiex tkun ridotta għal sempliċi konkretizzazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ effettività tal-protezzjoni ta’ drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, li jiġi applikat, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni.

28.      Għalhekk, jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/29, issupplimentat u speċifikat f’dan ir-rigward mill-Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2004/48, jipprevedi d-dritt għad-detentur li sofra d-dannu li jippreżenta kawża għad-danni, dan jimplika fil-fehma tiegħi l-obbligu li fis-sistema legali nazzjonali jiġu previsti u applikati mekkaniżmi li jippermettu effettivament li d-detenturi jiksbu dawn id-danni. Għalkemm il‑mekkaniżmi proċedurali konkreti maħsuba għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-direttivi jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, l-effettività tagħhom taqa’ taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, dan il‑kontroll ma huwiex limitat biss għall-kwistjoni dwar jekk huwiex prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb kumpens għad-danni, għaliex, normalment, din l-evalwazzjoni ssir fil-kuntest tal-kontroll tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività. Il-kontroll tal-osservanza tal‑obbligi li jirriżultaw minn dawn id-direttivi jirrikjedi interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet konkreti tagħhom fid-dawl tal-effett utli tagħhom.

29.      Il-kawża prinċipali tinvolvi ksur ta’ dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mwettqa permezz tal-internet. Huwa diffiċli għad-detenturi ta’ drittijiet li huma vittmi ta’ dan it-tip ta’ ksur li jidentifikaw lill-persuni li jwettqu l-ksur u li jġibu prova tal-involviment ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, il-ksur imwettqa permezz tal-internet ma jħallux traċċi fiżiċi (8) u jippermetti, sa ċertu punt, li jinżamm l-anonimità tal‑persuni ħatja tal-ksur. L-uniku indizju li normalment huwa possibbli li jinstab huwa l-indirizz IP li minnu twettaq il-ksur. Din l‑identifikazzjoni tad-detentur tal-indirizz IP, anke jekk hija eżatta, ma tikkostitwixxix prova tar-responsabbiltà ta’ persuna partikolari, speċjalment jekk il-konnessjoni internet inkwistjoni kienet aċċessibbli għal diversi persuni.

30.      Huwa għalhekk li d-drittijiet nazzjonali jipprevedu ta’ spiss miżuri ta’ tnaqqis tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq id-detenturi tad-drittijiet tal‑awtur li sofrew id-dannu. Miżura bħal din tista’ b’mod partikolari tieħu l‑forma ta’ preżunzjoni ta’ ħtija tad-detentur tal-konnessjoni internet għall-ksur imwettaq mill-indirizz IP tiegħu. Dawn il-miżuri jippermettu li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tad-detenturi biex jitolbu kumpens għad-danni fil-każijiet ta’ ksur imwettqa permezz tal-internet. Skont l‑informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, preżunzjoni bħal din ġiet introdotta fis-sistema legali Ġermaniża mill-ġurisprudenza.

31.      L-obbligu li tiġi introdotta tali preżunzjoni la hija kkontemplata espressament fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 u lanqas f’dawk tad-Direttiva 2004/48. Madankollu, jekk din il-miżura hija l-mod prinċipali stipulat mid-dritt nazzjonali biex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu subit imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/29, din għandha tiġi applikata b’mod koerenti u effikaċi. Din il-miżura ma tistax tilħaq l-għan tagħha jekk ikun tant faċli li l-preżunzjoni ta’ ħtija tiġi evitata, billi ma tħalli l-ebda possibbiltà oħra lid-detentur li sofra d-dannu li jinvoka d-dritt tiegħu għal kumpens għad-dannu subit. Dan id-dritt isir għalhekk irrealistiku.

32.      Għalhekk, jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprovdi l-ebda mod konkret biex jiżgura l-effettività tad-dritt għal talba ta’ danni, fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li l-miżuri li jeżistu għandhom jiġu applikati b’mod koerenti u effikaċi. F’dan ir-rigward, il-qrati nazzjonali għandhom rwol kruċjali ta’ evalwazzjoni tal-provi u ta’ bbilanċjar tal‑interessi differenti kkonċernati.

33.      Konsegwentement, jekk il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir‑rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal‑Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) dwar ir‑responsabbiltà u l-obbligi tad-detenturi ta’ konnessjoni mal-internet, hija għandha tagħti preferenza lil dik li tiżgura bl-aħjar mod l-effikaċja tal‑protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

 Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

34.      Jidher li l-problema li ltaqgħet magħha l-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal‑applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) hija fir-rigward tal-użu tal-prinċipju tal-protezzjoni tal‑ħajja familjari biex tillimita l-obbligu tad-detentur ta’ konnessjoni mal-internet li jipprovdi informazzjoni relatata mal-persuna li setgħet wettqet il-ksur tad-drittijiet tal-awtur. B’hekk, meta l-imsemmi detentur tal-konnessjoni jindika li persuni oħra għajru seta’ kellhom aċċess għal din il‑konnessjoni, huwa ma huwiex obbligat la li jiżvela l‑identità tagħhom u lanqas li jagħti speċifikazzjonijiet oħra li jikkonċernawhom, għaliex tali obbligu jikkostitwixxi ndħil mhux iġġustifikat fl-isfera familjari tiegħu.

35.      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttivi 2001/29 u 2004/48, l-Istati Membri huma naturalment marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Karta. Id‑dritt għar-rispett tal-privatezza u tal-ħajja familjari huwa protett mill‑Artikolu 7 ta’ din. Madankollu, f’kawżi li jirrigwardaw id-drittijiet tal-awtur, id-dritt għar-rispett tal-privatezza u tal-ħajja familjari jista’ jikkompeti mad-dritt fundamentali għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta. Il‑proprjetà intellettwali hija msemmija espliċitament fih fil-paragrafu 2.

36.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li d-dritt għall-informazzjoni tar-rikorrent fil-kuntest ta’ azzjoni dwar il-protezzjoni ta’ drittijiet għall-proprjetà intellettwali taqa’ fid‑dritt għal rimedju effettiv iggarantit bl-Artikolu 47 tal-Karta u b’dan il-mod jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-dritt għall-proprjetà intellettwali (9).

37.      F’sitwazzjoni bħal din, fejn drittijiet fundamentali differenti qegħdin f’konkorrenza, hi r-responsabbiltà tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali li jiżguraw bilanċ xieraq bejn dawn id-drittijiet (10). Jista’ jkun ukoll il-każ li r-rikonċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet fundamentali jkollha titwettaq fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt (11).

38.      Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rikonċiljazzjoni, għandu jkun żgurat li jiġi osservat il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa kuntrarju kemm għad-dritt fundamentali għall-proprjetà kif ukoll għad-dritt għal rimedju effettiv li stabbiliment bankarju jiġi permess jeċċepixxi s‑sigriet bankarju, bis-saħħa tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali stabbilita bl-Artikolu 8 tal-Karta, biex jirrifjuta li jipprovdi d-data tal‑proprjetarju ta’ kont, ħaġa li kienet tippermetti li tinfetaħ kawża kontrih dwar il-protezzjoni tad‑drittijiet għall-proprjetà intellettwali (12).

39.      Huwa possibbli li jiġi segwit raġunament analogu fir-rigward tal‑interdipendenza bejn id-dritt għall-proprjetà intellettwali u d-dritt għal rimedju effettiv, minn naħa, u d-dritt għar-rispett għal ħajja familjari, min-naħa l-oħra.

40.      Li kieku d-dritt, irrikonoxxut għad-detentur tal-konnessjoni mal‑internet f’isem il-protezzjoni tal-ħajja familjari tiegħu, li jirrifjuta milli jagħti indikazzjonijiet speċifiċi dwar persuni li setgħu wettqu l-ksur tad-drittijiet tal-awtur ikollu fil-prattika jipprekludi lid-detentur tal-imsemmija drittijiet milli jikseb kumpens għad-dannu subit, dan ikun ta’ preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà intellettwali ta’ dan id-detentur. F’dan il-każ, id-dritt għall-proprjetà għandu jieħu preċedenza fuq id-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari. Min-naħa l-oħra, jekk indħil bħal dan fil-ħajja familjari kellu jiġi kkunsidrat inammissibbli mill-qorti nazzjonali, huwa d-detentur tal-konnessjoni mal-internet li għandu jinżamm responsabbli tal-ksur tad-drittijiet tal‑awtur. Tali responsabbiltà sekondarja hija apparentament possibbli fid-dritt Ġermaniż (13). Qabel ma ssib lid-detentur tal‑konnessjoni mal-internet responsabbli, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika li ma jeżistux modi oħra proċedurali li jippermettu li d-detentur tad‑drittijiet tal-awtur li sofra d-dannu jidentifika l-persuni li wettqu l-ksur, sabiex jieħu kumpens (14).

41.      Minbarra dan, jidhirli li żewġ dispożizzjonijiet oħra tal-Karta għadhom jistgħu jiġu kkunsidrati fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar tad-drittijiet fundamentali.

42.      L-ewwel dispożizzjoni hija l-Artikolu 20 tal-Karta li jistabbilixxi l‑ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. Fil-fatt, skont l-informazzjoni mogħtija minn Bastei Lübbe fl-osservazzjonijiet tagħha, madwar 70 % tal‑konnessjonijiet mal-internet fil-Ġermanja huma “konnessjonijiet familjari”, jiġifieri użati f’kuntest familjari. Dan iħalli 30 % tal‑konnessjonijiet li ma humiex użati f’tali kuntest, li minnhom hemm uħud li probabbilment huma miżmuma minn persuni li jgħixu waħedhom. Jekk l-użu ta’ konnessjoni mal-internet fil-kuntest familjari jippermetti li persuna taħrab faċilment mir-responsabbilità għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur, dan jista’ jwassal għal trattament sfavorevoli ta’ persuni li, billi jgħixu waħedhom, ma jippermettux lill-membri oħra tal‑familja jaċċessaw il-konnessjoni tagħhom mal-internet. Issa, jekk il‑persuni li jgħixu f’familja ma jsibux ruħhom fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li jgħixu waħedhom minn perspettiva ta’ dritt għar-rispett tal-ħajja familjari, din id-differenza fis-sitwazzjoni ma teżistix f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Għalhekk, is-sempliċi fatt li persuna tgħix ma’ membri oħra tal-familja ma għandux iwassal awtomatikament għall-esklużjoni ta’ din ir-responsabbiltà.

43.      It-tieni nett, l-Artikolu 54 tal-Karta jistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ abbuż tad-drittijiet li huma rrikonoxxuti fiha. Huwa minnu li dan l‑artikolu huwa prinċipalment indirizzat kontra atti li, taħt il-pretensjoni ta’ drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta, fir-realtà huma intiżi biex jiġġieldu kontra d-drittijiet fundamentali u jeqirduhom (15). Bla dubju, il-ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxix att ta’ din in-natura.

44.      Dan espost, il-projbizzjoni ta’ abbuż tad-dritt ilha tagħmel parti mill‑prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għal ħafna żmien (16). Skont dan il-prinċipju, il-partijiet f’kawża ma jistgħux jużaw b’mod abbużiv drittijiet mogħtija bir-regoli tal-Unjoni sabiex jiksbu vantaġġi li jirriżultaw minnhom mingħajr ma jkun intlaħaq l-għan ta’ dawn ir-regoli.

45.      Fil-kawża prinċipali, M. Strotzer isostni li ma jistax jinżamm responsabbli tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq permezz tal-konnessjoni tiegħu mal-internet, għaliex persuni oħra, jiġifieri l-ġenituri tiegħu, għandhom aċċess ukoll għal din il-konnessjoni. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-ġenituri tiegħu la għandhom konoxxenza tas-softwer użat biex twettaq dan il-ksur u lanqas ma għandhom fuq il-kompjuter tagħhom ix-xogħol li ġie mqiegħed illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

46.      Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk M. Strotzer huwiex qed jabbuża mid-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja familjari meta jinvokah, mhux sabiex jiġu protetti l-membri tal-familja tiegħu kontra eventwali responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur li miegħu jidher ċar li ma għandhom l-ebda rabta, iżda sempliċement biex jevita r-responsabbiltà tiegħu stess għal dan il-ksur. Jekk dan ikun il-każ, id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja familjari ma għandux jipprekludi l‑protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur imsemmija.

 Konklużjoni

47.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja):

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal‑informazzjoni u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l‑infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jimponux l-introduzzjoni fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tad‑detenturi tal-konnessjoni mal-internet għall-ksur tad-drittijiet tal‑awtur imwettqa permezz ta’ din il-konnessjoni. Madankollu, jekk id‑dritt nazzjonali jipprevedi tali preżunzjoni biex jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet imsemmija, din għandha tiġi applikata b’mod koerenti sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ din il-protezzjoni. Id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal‑familja, irrikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma għandux jiġi interpretat b’tali mod li jċaħħad lid-detenturi minn kull possibbiltà reali ta’ protezzjoni tad-dritt tagħhom għall-proprjetà intellettwali stabbilit fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p 230.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p 32.


4      Il-qorti tar-rinviju tikkwota partikolarment is-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal‑Ġustizzja) tas‑6 ta’ Ottubru 2016, I ZR 154/15, Afterlife.


5      Jien nifhem dan it-terminu bħala wieħed li jinkludi kemm id-drittijiet tal-awtur infushom kif ukoll id-drittijiet relatati, bħad-drittijiet ta’ produtturi ta’ fonogrammi.


6      Ara, fl-aħħar nett, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 71 u 72).


7      Ara l-premessi 1, 8 u 9 tad-Direttiva 2004/48.


8      Kuntrarjament, pereżempju, għall-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati.


9      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany (C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 29).


10      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:689, punt 84).


11      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany (C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 33).


12      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany (C‑580/13, EU:C:2015:485, punti 37 sa 41).


13      Ara s-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġermanja) tat-30 ta’ Marzu 2017, I ZR 19/16 Loud, mogħtija wara t-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża.


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany (C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 42).


15      Ara Woods, “Article 54 – Abuse of Rights” _L., f’Peers, S., Harvey. T.K., Kenner. J. u oħrajn (ed), The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, Hart Publishing, Oxford and Portland (Oregon), 2014, p. 1539-1559..


16      Ara, għal applikazzjoni reċenti, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 48 et seq.)