Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du Contentieux des Étrangers (Il-Belġju) fit-12 ta’ Diċembru 2016 – X, X vs État belge

(Kawża C-638/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil du Contentieux des Étrangers

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: X, X

Konvenut: État belge

Domandi preliminari

L-“obbligi internazzjonaliˮ, imsemmija fl-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 810/2009, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi 1 , jirrigwardaw id-drittijiet kollha ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, dawk iggarantiti mill-Artikoli 4 u 18, u dawn ikopru wkoll l-obbligi li jorbtu lill-Istati Membri, fir-rigward tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati?

A.    B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għad-domanda Nru 1, l-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 810/2009, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, l-Istat Membru li quddiemu tiġi ppreżentata applikazzjoni għal viża b’validità territorjali limitata, huwa obbligat joħroġ il-viża li għaliha saret applikazzjoni, meta jkun hemm riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 u/jew tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, jew ta’ obbligu internazzjonali ieħor tiegħu?

L-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-applikant u l-Istat Membru li quddiemu tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal viża (per eżempju, rabtiet familjari, familji ospitanti, garanti u sponsors, eċċ.) taffettwa r-risposta għal din id-domanda?

____________

1     Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, p. 1).