Language of document : ECLI:EU:T:2018:889

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

7 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Kuntratti pubbliċi – Regolament finanzjarju – Esklużjoni minn proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u ta’ għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal perijodu ta’ sentejn – Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju – Drittijiet tad-difiża – Prova tal-irċevuta ta’ notifika”

Fil-Kawża T‑280/17,

GE.CO. P. Generale Costruzioni e Progettazioni SpA, stabbilita ġewwa Ruma (l-Italja), irrapreżentata minn G. Naticchioni, avukat,

rikorrent

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Dintilhac u F. Moro, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Marzu 2017 li teskludi lir-rikorrenti mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u għall-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ fondi fil-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat‑2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU 2015, L 58, p. 17), u li tordna l-pubblikazzjoni ta’ din l-esklużjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-atti kollha li huma preċedenti jew sussegwenti għal din id-deċiżjoni, inklużi dawk li r-rikorrenti ma hijiex konxja tagħom,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz u N. Półtorak (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq il-mertu

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

[omissis]

42      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi parti integrali tiegħu (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Id-dritt għal smigħ huwa llum stabbilit mhux biss fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll permezz tal-Artikolu 41 tagħha, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba. L-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi li dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna għal smigħ qabel ma tittieħed kontriha miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Skont dan il-prinċipju, li huwa applikabbli meta l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju, id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dritt għal smigħ japplika wkoll meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix b’mod espliċitu tali rekwiżit proċedurali (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punti 31 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi, fl-Artikolu 108(8)(c) tar-Regolament Finanzjarju, li, qabel ma jadotta kwalunkwe rakkomandazzjoni, il-bord tal-Artikolu 108 għandu jagħti lill-operatur ekonomiku u lill-awtoritajiet kontraenti nnotifikati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li l-operatur ekonomiku u l-awtoritajiet kontraenti nnotifikati għandu jkollhom tal-inqas ħmistax-il jum biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

46      Madankollu, il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix b’liema mezz ta’ komunikazzjoni l-operatur ekonomiku għandu jkun nnotifikat mill-bord tal-Artikolu 108 dwar il-kwalifika ġuridika tal-fatti u s-sanzjoni prevista.

47      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li deċiżjoni – u għalhekk a fortiori ittra li fiha l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti rilevanti u s-sanzjoni prevista mill-bord tal-Artikolu 108 hija debitament innotifikata meta tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha u huwa jkun f’pożizzjoni li jsir jaf biha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑9 ta’ Lulju 2013, Page Protective Services vs SEAE, T‑221/13, mhux ippublikat, EU:T:2013:363, punt 12).

48      F’dan il-każ, il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kienet debitament innotifikat lir-rikorrenti l-ittra kkontestata hija s-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet. Fl-ewwel lok, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-ittra inkwistjoni ġiet fdata lil servizz ta’ posta espress. Fit-tieni lok, hija tindika li l-imsemmija ittra ntbagħtet ukoll permezz tal-posta elettronika lill-amministratur uniku tar-rikorrenti. Sabiex tipprova li l-ittra kontenzjuża ġiet debitament innotifikata, il-Kummissjoni tinvoka l-messaġġ elettroniku tat‑23 ta’ Diċembru 2016 u r-rapport ta’ qari li hija rċeviet fl-istess ġurnata. Ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma kienet taf dwar l-eżistenza tal-ittra kkontestata jew jekk l-istess ittra intbagħtitx.

[omissis]

60      Kif jirriżulta mill-punti 42 sa 44 u 47 iktar ’il fuq, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tiżgura l-effettività tad-dritt għal smigħ u, għaldaqstant, hija għandha turi li hija qiegħdet lir-rikorrenti f’pożizzjoni fejn hija tkun taf b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar l-elementi li fuqhom hija kien fi ħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tikkuntenta ruħha bir-rapport ta’ qari li hija tirrikonoxxi li huwa messaġġ elettroniku mibgħut awtomatikament mis-sistema informatika tad-destinatarju, sabiex tiddikjara, kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-ittra kontenzjuża, u li hija ma kinitx tat segwitu għal din l-ittra.

61      Fil-fatt, fid-dawl tal-proċess, b’mod partikolari l-elementi mressqa mill-Kummissjoni, u fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet fir-rigward ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi osservat li r-rapport ta’ qari huwa messaġġ elettroniku li jista’ jiġi ġġenerat u mibgħut awtomatikament mis-sistema informatika tad-destinatarju ta’ posta elettronika mingħajr intervent manwali mid-destinatarju u, għalhekk, mingħajr ma neċessarjament dan kien jaf bl-eżistenza tal-imsemmi messaġġ elettroniku. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li rapport ta’ qari ma jippermettix lill-Kummissjoni li turi li r-rikorrenti tqiegħdet debitament f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-ittra kontenzjuża jew li l-istess rikorrenti setgħet kienet taf bl-eżistenza ta’ tali ittra jew bil-fatt li ntbagħtet.

62      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, anki jekk in-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta ma għandhiex tkun l-uniku mod ta’ notifika ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, hija xorta waħda tibqa’, permezz tal-garanziji speċifiċi li tippreżenta kemm għall-persuna kkonċernata kif ukoll għall-amministrazzjoni, soluzzjoni partikolarment żgura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AG vs Il‑Parlament, F‑25/10, EU:F:2010:171, punt 38), u dan iktar u iktar meta l-persuna kkonċernata hija esterna għall-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AG vs Il‑Parlament, F‑25/10, EU:F:2010:171, punt 39). Waħda minn dawn il-garanziji, b’mod partikolari, tippermetti li jiġi żgurat permezz tal-firma u t-timbru tad-destinatarju fuq il-konferma ta’ rċevuta, li dan id-destinatarju jaf li ittra hija mibgħuta lilu u li teħtieġ l-attenzjoni tiegħu. Issa, mill-proċess jirriżulta li, għad-differenza tal-konferma ta’ rċevuta bil-posta, ir-rapport ta’ qari ma joffrix din it-tip ta’ garanzija. Kuntrarjament għall-iffirmar ta’ konferma ta’ rċevuta mid-destinatarju ta’ ittra jew għall-abbozzar u t-trażmissjoni ta’ konferma ta’ rċevuta ta’ messaġġ elettroniku mid-destinatarju tiegħu, ir-rapport ta’ qari inkwistjoni, minħabba il-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni awtomatika tiegħu mis-sistema informatika tad-destinatarju kif diġa deskritti fil-punt 61 iktar ’il fuq, ma jippermettix li jiġi stabbilit mingħajr ebda dubju li r-rikorrenti kienet taf jew kienet f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-ittra kontenzjuża fil-jum tat-trażmissjoni tal-imsemmi rapport.

63      Meta l-effettività tad-dritt għal smigħ qiegħed fil-perikolu hekk kif huwa l-każ f’din il-kawża, ir-rapport ta’ qari, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li din debitament żgurat li r-rikorrenti tqiegħdet f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha.

64      Peress li ma huwiex stabbilit il-fatt li r-rikorrenti ngħatat debitament l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

65      Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas7 ta’ Marzu 2017 li teskludi lil GE.CO. P. Generale Costruzioni e Progettazioni S.p.A mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u għall-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ fondi fil-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li tordna l-pubblikazzjoni ta’ din l-esklużjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1      Qed jiġu rriprodotti biss dawk il-punti tas-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.