Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fl-4 ta’ Novembru 2019 – “DSK Bank” EAD u “FrontEx International” EAD

(Kawża C-807/19)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “DSK Bank” EAD u “FrontEx International” EAD

Domandi preliminari

Il-fatt li qorti nazzjonali tkun mgħobbija b’ħafna iktar xogħol minn qrati oħra tal-istess grad u li, minħabba f’hekk, l-imħallfin sedenti f’din il-qorti ma jkunux f’pożizzjoni li, fl-istess ħin, iwettqu stħarriġ tal-atti ppreżentati quddiemhom, li għandhom jew li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni provviżorja, u jagħtu d-deċiżjonijiet tagħhom f’terminu raġonevoli, jikkostitwixxi fih innifsu ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi jew ta’ drittijiet fundamentali oħra?

Qorti nazzjonali għandha tirrifjuta li tadotta deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur ma joġġezzjonax għal dan u f’sitwazzjoni fejn ikollha dubji serji li l-kawża hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż mal-konsumatur, iżda mingħajr ma jkun hemm provi kategoriċi ta’ dan fil-proċess tal-kawża?

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, fil-każ ta’ dubju qorti nazzjonali tista’ teżiġi provi addizzjonali mill-parti kontraenti li tkun il-bejjiegħ jew il-fornitur, irrispettivament mill-fatt li, skont id-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali ma għandhiex id-dritt li tagħmel dan fil-kuntest ta’ proċedura li fiha jiġi adottat att ta’ eżekuzzjoni forzata, sakemm id-debitur ma joġġezzjonax?

Ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ex officio ta’ ċerti ċirkustanzi min-naħa tal-qorti nazzjonali, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni inkonnessjoni mad-direttivi dwar l-armonizzazzjoni tad-dritt dwar il-konsumaturi, japplika anki fil-każijiet fejn il-leġiżlatur nazzjonali jkun ta protezzjoni addizzjonali (iktar drittijiet) lill-konsumaturi permezz ta’ att leġiżlattiv nazzjonali, li jimplimenta dispożizzjoni ta’ direttiva li tippermetti li tingħata tali protezzjoni msaħħa?

____________