Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2018 minn VTB Bank PAO, li kienet VTB Bank OAO mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-734/14, VTB Bank vs Il-Kunsill

(Kawża C-729/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: VTB Bank PAO, li kienet VTB Bank OAO (rappreżentanti: M. Lester QC, J. Dawid, Barristers, C. Claypoole, Solicitor, J. Ruiz Calzado, abogado)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell ta’ VTB mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali;

tordna li l-atti restrittivi jiġu annullati inkwantu dawn japplikaw għal VTB;

twettaq dikjarazzjoni ta’ illegalità/inapplikabbiltà fir-rigward tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK 1 , tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 833/2014 2 , tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK 3 , u tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 960/2014 4 ;

tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż ta’ VTB ta’ dan l-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament meta kkonkludiet li l-kundizzjoni li istituzzjoni għandu jkollha “mandat espliċitu li tippromwovi l-kompetittività tal-ekonomija Russa, id-diversifikazzjoni tagħha u tinkoraġġixxi l-investimentˮ ma kinitx tapplika għal VTB bħala “istituzzjoni ewlenija tal-kreditu, jew istituzzjoni ewlenija oħraˮ. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-Kunsill ma wettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li VTB kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi inkluża skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament.

It-tieni aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-kriterji li taħthom VTB ġiet inkluża skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni u l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament kienu xierqa u proporzjonati fir-rigward tal-għanijiet tal-atti restrittivi.

It-tielet aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-atti restrittivi applikati għal VTB kienu jirrappreżentaw interferenza proporzjonata mad-drittijiet fundamentali ta’ VTB kif iggarantiti bl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u bl-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-tnejn li huma fir-rigward tal-kriterji adottati taħt l-atti restritivi u d-deċiżjoni li VTB tiġi inkluża skont dawk il-kriterji.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35).

2 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59).

3 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK tat-8 ta’ Settembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 271, p. 54).

4 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 tat-8 ta’ Settembru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 271, p. 3).