Language of document : ECLI:EU:F:2007:143

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Lulju 2007

Kawża F-143/06

Donato Continolo

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Continolo jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Jannar 2006, li tirrigwarda l-konċessjoni u l-likwidazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni, safejn għall-kalkolu ta’ dawn ta’ l-aħħar, hija ma tiħux in kunsiderazzjoni l-perijodu bejn il-11 ta’ Ġunju 1981 u l-1 ta’ Marzu 1983, li matulu huwa kien fuq leave għal raġunijiet personali, ħlief sa sena, ħames xhur u sitt ijiem minflok sena, tmien xhur u għoxrin jum, flimkien mad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tal-5 ta’ Settembru 2006 li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2006, imsemmija iktar ’il fuq.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Appell – Ilment amministrattiv preċedenti – Suġġett u bażi legali identiċi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, appell huwa ammissibbli biss jekk l-awtorità tal-ħatra tkun qabel irċeviet ilment skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra l-att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal, f’terminu ta’ tliet xhur stabbilit f’dan l-artikolu.

Appell ta’ uffiċjal minn deċiżjoni ta’ l-amministrazzjoni li tiddetermina d-drittijiet tiegħu għal pensjoni, meta l-ilment preċedenti tiegħu kien kontra deċiżjoni sussegwenti ta’ l-amministrazzjoni li tiċħad it-talba tiegħu għal kontribuzzjoni retroattiva fl-iskema Komunitarja tal-pensjonijiet, huwa inammissibbli. Fil-fatt, l-appell, safejn huwa dirett kontra l-ewwel deċiżjoni, ma ġiex preċedut minn ilment preċedenti dwar l-istess suġġett u għalhekk ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, jekk jitqies li l-ilment, safejn jirrigwarda l-kalkolu, mill-amministrazzjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ l-appellant, jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkontesta anki l-legalità ta’ l-ewwel deċiżjoni u li, konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat bħala li sar inċidentalment kontra din id-deċiżjoni, huwa kellu jitressaq fit-termini stabbiliti mil-liġi.

(ara l-punti 18 u 22 sa 24)