Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Marzu 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg – il-Ġermanja) – Abubacarr Jawo vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-163/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Kunċett ta’ “ħarba” – Modalitajiet ta’ estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fi tmiem il-proċedura ta’ ażil – Kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fl-imsemmi Stat Membru)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Abubacarr Jawo

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland

Dispożittiv

It-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għandha tiġi interpretata fis-sens li applikant “jaħrab”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta deliberament jevadi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli għat-twettiq tat-trasferiment tiegħu, bl-għan li jipprevjeni dan tal-aħħar. Jista’ jiġi preżunt li dan huwa l-każ meta dan it-trasferiment ma jistax jiġi implimentat minħabba l-fatt li dan l-applikant ikun telaq mill-post ta’ residenza allokat lilu mingħajr ma jkun informa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar l-assenza tiegħu, bil-kundizzjoni li huwa jkun ġie informat dwar l-obbligi tiegħu f’dan ir-rigward, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju għandha tivverifikaha. L-imsemmi applikant iżomm il-possibbiltà li juri li l-fatt li huwa ma kienx avża lil dawn l-awtoritajiet dwar l-assenza tiegħu huwa ġġustifikat minħabba raġunijiet validi u mhux minħabba l-intenzjoni li jevadi lil dawn l-awtoritajiet.

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament, billi ssostni li, peress li hija ma kinitx ħarbet, it-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur kien skada.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex it-terminu ta’ trasferiment jiġi estiż sa massimu ta’ tmintax-il xahar, huwa biżżejjed li l-Istat Membru rikjedenti jinforma, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur, lill-Istat Membru responsabbli dwar il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħarbet u li dan jindika, fl-istess ħin, it-terminu l-ġdid ta’ trasferiment.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludix li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi ttrasferit, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 604/2013, lejn l-Istat Membru li, konformement ma’ dan ir-regolament, huwa normalment responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, meta, fil-każ ta’ għotja ta’ tali protezzjoni f’dan l-Istat Membru, dan l-applikant jiġi espost għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li jista’ jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-imsemmi Stat Membru taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, sakemm il-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment ma ssibx, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati u fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurat mid-dritt tal-Unjoni, ir-realtà ta’ dan ir-riskju għal dan l-applikant, minħabba l-fatt li, fil-każ ta’ trasferiment, dan isib ruħu, indipendentement mir-rieda tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema.

____________

1     ĠU C 318, 25.9.2017.