Language of document : ECLI:EU:C:2020:1042

Kawża C-195/20 PPU

TR

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas17 ta’ Diċembru 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Motivi ta’ nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni – Eċċezzjonijiet – Eżekuzzjoni obbligatorja – Piena imposta in absentia – Ħarba tal-persuna investigata – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikoli 8 u 9 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċeduri kriminali kontra tiegħu – Rekwiżiti f’każ ta’ kundanna in absentia – Verifika waqt il-konsenja tal-persuna kkundannata”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku – Portata

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, premessa 6 u Atikolu 1(2), Artikolu 3, 4, 4a u 5)

(ara l-punti 30, 32)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għal nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena imposta in absentia – Ħarba tal-persuna kkundannata fl-istadju tal-investigazzjoni kriminali – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat fl-assenza ta’ garanziji tal-Istat Membru emittenti fir-rigward tar-rispett tad-dritt għal proċeduri mill-ġdid previst fid-Direttiva 2016/343 – Inammissibbiltà – Possibbiltà li tiġi invokata l-inosservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li għandhom effett dirett quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti.

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/343, Artikolu 8 u 9; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 4a(1))

(ara l-punti 36, 37, 39, 40, 45, 46, 54, 55 u d-dispożittiv)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għal nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena imposta in absentia – Possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat minkejja ċirkustanzi li jaqgħu taħt Raġunijiet għal nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ ksur ta’ drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata fil-każ tal-konsenja tagħha – Elementi ta’ evalwazzjoni

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 4a(1))

(ara l-punti 50-52)

Sunt

L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà ma tistax tiġi rrifjutata, meta l-persuna kkonċernata tkun ostakolat it-taħrika tagħha personalment u ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri minħabba li ħarbet lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għar-raġuni biss li l-Istat Membru emittenti ma jkunx assigura li sejjer jiġi rrispettat id-dritt ta’ din il-persuna għal proċeduri mill-ġdid

Dan ma jbiddel xejn mill-fatt li l-Istat Membru emittenti għandu josserva d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jiggarantixxu d-dritt għal proċeduri mill-ġdid

Inbdew proċeduri kriminali fir-Rumanija kontra TR, ċittadin Rumen, fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri distinti. Peress li l-persuna kkonċernata kienet ħarbet fil-Ġermanja, il-proċeduri li jikkonċernawh, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, żvolġew fl-assenza tiegħu. Madankollu huwa kien jaf b’tal-inqas waħda minn dawn il-proċeduri u kien irrappreżentat, minn avukati tal-għażla tiegħu fl-ewwel istanza u minn avukati maħtura ex officio fl-appell. Il-proċess wassal għal żewġ kundanni għal pieni li jċaħħdu l-libertà. Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Rumeni ħarġu mandati ta’ arrest Ewropej (iktar ’il quddiem “MAE”). Sa mill-31 ta’ Marzu 2020, TR, li jinsab f’Hamburg (il-Ġermanja), huwa mċaħħda mil-libertà.

Fit-28 ta’ Mejju 2020, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li teżegwixxi l-MAE. TR oppona għal din l-eżekuzzjoni, billi invoka l-fatt li l-awtoritajiet Rumeni kienu rrifjutaw li jiggarantixxu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali inkwistjoni, fatt li fl-opinjoni tiegħu, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-persuni akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċeduri kontrihom (1), u, f’każ ta’ assenza, mad-dritt tagħhom għal proċeduri ġodda (2). B’hekk, il-qorti Ġermaniża hija mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità tal-konsenja ta’ TR lill-awtoritajiet Rumeni, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas dwar l-MAE (3). Skont dak l-artikolu, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni għandha l-fakultà li twarrab MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà imposta fl-assenza tal-persuna kkonċernata, biss fil-każijiet stabbiliti b’mod limitattiv. F’dan il-kuntest, din il-qorti ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eventwali effett tan-nuqqas ta’ osservanza, fl-Istat Membru emittenti, tar-rekwiżiti li jikkonċernaw id-dritt għal proċeduri mill-ġdid, peress li din iċ-ċirkustanza ma hijiex marbuta ma’ wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 4a.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fil-kuntest tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE għas-sempliċi raġuni li hija ma għandhiex l-assigurazzjoni li, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti, ser jiġi rrispettat id-dritt tal-persuna kkonċernata għal proċeduri mill-ġdid (4), minkejja li din ħarbet lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u b’hekk ipprekludiet it-taħrika tagħha personalment, u ma dehritx fil-proċeduri.

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu MAE huma previsti b’mod limitat (5) u li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ MAE għal kundizzjonijiet oħra.

Din l-ispeċifikazzjoni magħmula, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-assenza tal-persuna kkonċernata fil-proċeduri li wasslu għall-kundanna tagħha, li fuq il-bażi tagħha sussegwentement inħareġ MAE kontriha, tikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE. Madankollu, wara emenda tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE (6), il-portata ta’ din ir-raġuni hija iktar limitata, peress li l-Artikolu 4a jelenka, b’mod eżawrjenti, każijiet li fihom l-eżekuzzjoni ta’ tali MAE għandha titqies li ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża. F’tali każijiet, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija għalhekk obbligata teżegwixxi l-MAE. Dan japplika b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata kellha għarfien tal-proċeduri previsti, tkun tat mandat lil konsulent legali, maħtur minnha stess jew mill-Istat, u tkun effettivament ġiet difiża minnu (7).

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-fatt li l-Istat Membru emittenti ma josservax id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jiggarantixxu d-dritt għal proċeduri mill-ġdid ma jistax jostakola l-eżekuzzjoni ta’ MAE mingħajr ma jevita s-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-obbligu tal-Istat Membru emittenti li josserva dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, jekk dan l-Istat Membru jkun realment naqas milli jittrasponihom fit-termini previsti jew ikun għamel traspożizzjoni inkorretta tagħhom, il-persuna kkonċernata tista’, fil-każ ta’ konsenja, tinvoka d-dispożizzjonijiet li għandhom effett dirett quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti fuq il-fatt li r-raġuni eżaminata hija raġuni għan-nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, fl-ipoteżi fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li hija ma hijiex fil-preżenza ta’ wieħed mill-każijiet li jeskludi l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna mogħtija in absentia, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura ruħha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Jekk ikun il-każ, hija tkun tista’ għalhekk tipproċedi bil-konsenja tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-persuna kkonċernata. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, huwa b’mod partikolari rilevanti l-fatt li l-persuna kkonċernata fittxet li tevita n-notifika tal-informazzjoni dwar il-proċeduri kriminali jew ukoll il-fatt li evitat kull kuntatt mal-avukati maħtura ex officio.


1      Dan id-dritt huwa previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1). L-Istati Membri jistgħu madankollu jipprovdu, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-proċeduri jistgħu isiru fl-assenza tal-persuna kkonċernata.


2      Dan id-dritt huwa previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343.


3      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34).


4      Kif iddefinit fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343.


5      Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE tiddistingwi l-każijiet ta’ nuqqas obbligatorju ta’ eżekuzzjoni, elenkati fl-Artikolu 3, mill-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, elenkati fl-Artikoli 4 u 4a.


6      Fil-verżjoni inizjali tagħha, din ir-raġuni kienet prevista fl-Artikolu 5(1). Din id-dispożizzjoni tħassret bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 u ġiet issostitwita, fid-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE, bl-Artikolu 4a.


7      L-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE.