Language of document : ECLI:EU:F:2008:179

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

18 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-64/08

Bart Nijs

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura – Sunt tal-motivi mressqa fir-rikors – Proċedura ta’ evalwazzjoni – Nomina tal-evalwatur u tal-evalwatur ta’ appell – Nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu B. Nijs jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, tas-27 ta’ Settembru 2007, li aġixxa fil‑kapaċità tiegħu ta’ awtorità tal-ħatra, li tinnomina d-Direttur tat‑Traduzzjoni tal-Qorti tal-Awdituri bħala evalwatur tar-rikorrent u li jkun huwa stess l-evalwatur ta’ appell tiegħu għall-finijiet tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, kif ukoll il-kumpens tad-dannu morali allegatament subit minnu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir‑rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Nomina tal-evalwatur u tal-evalwatur ta’ appell għall-finijiet tal-proċedura ta’ evalwazzjoni (Regolamenti tal-persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))


Huma biss il-miżuri li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti, ta’ natura li jaffettwaw, b’mod dirett u immedjat, l-interessi tar-rikorrent billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil-każ ta’ atti jew deċiżjonijiet li l-implementazzjoni tagħhom tinvolvi stadji differenti, b’mod partikolari wara proċedura interna, huma biss, bħala regola, dawk il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni wara din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id‑deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, filwaqt li l‑legalità tal-miżuri intermedjarji tista’ madankollu tiġi kkontestata, b’mod inċidentali, meta jkun hemm rikors ippreżentat kontra l-atti li jistgħu jiġu kkontestati. Madankollu, anki fl-ipoteżi li wieħed jista’ jattribwixxi portata deċiżjonali lill-ittra li tinnomina l-evalwatur u l-evalwatur ta’ appell għall-finijiet tal‑proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal, nomina bħal din tikkostitwixxi miżura intermedjarja, li l-għan tagħha huwa li tipprepara d-deċiżjoni finali dwar l‑evalwazzjoni tal-kompetenza, l-effiċjenza u l‑kondotta tal-parti kkonċernata fis‑servizz, skont l-Artikolu 43 tal-Istatut. Għaldaqstant, il-legalità ta’ miżura bħal din ma tistax tiġi mminata ħlief meta jkun hemm rikors ippreżentat kontra r‑rapport finali tal-evalwazzjoni.

(ara l-punti 16 u 17)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ April 1965, Weighardt vs Il‑Kummissjoni, 11/64, Ġabra p. 365, 383; 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il‑Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 23; Il-Qorti Ġenerali 22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑32/89 u T‑39/89, Ġabra p. II‑281, punti 21 u 22; 7 ta’ Settembru 2005, Krahl vs Il‑Kummissjoni, T‑358/03, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑993, punt 38; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, F‑101/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punt 33; 24 ta’ Mejju 2007, Lofaro vs Il‑Kummissjoni, F‑27/06 u F‑75/06, Ġabra p. I‑0000, punt 57, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem Il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑293/07 P