Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2018 minn Prysmian SpA, Prysmian Cavi e Sistemi Srl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-475/14: Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-601/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Prysmian SpA, Prysmian Cavi e Sistemi Srl (rappreżentanti: C. Tesauro, F. Russo, L. Armati, avvocati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, The Goldman Sachs Group, Inc., Pirelli & C. SpA

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Sussidjarjament, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 1 ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli tieħu immaġnijiet forensiċi ta’ hard drives sħaħ tal-impjegati tagħha mingħajr ma tkun eżaminat il-kontenut tagħhom u milli tkompli l-analiżi tagħhom fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell. L-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni hija li l-ispezzjonijiet jistgħu jitwettqu biss fil-bini tal-impriża u l-Kummissjoni tista’ tieħu biss kopji ta’ rekords li tagħhom tkun eżaminat ir-rilevanza. Peress li tinterferixxi fuq id-drittijiet fundamentali tal-kumpanniji u tal-impjegati tagħhom, prassi bħalma hija dik ta’ teħid ta’ immaġnijiet forensiċi ta’ hard drives sħaħ ma għandhiex tiġi rrelegata għal nota ta’ spjega li tagħti diskrezzjoni sħiħa lill-Kummissjoni, iżda għandha tiġi rregolata mil-liġi, konformement mal-prinċipju ta’ legalità.

Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, iċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minbarra l-ksur tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, u dan billi naqset milli tikkunsidra li l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil Prysmian Cavi e Sistemi bbażata fuq kontinwità ekonomika hija eċċezzjoni għar-regola fejn ir-responsabbiltà ssegwi l-persuna ġuridika li tkun qiegħda tamministra l-impriża fil-mument tal-ksur. Bħal fil-każ tal-eċċezzjonijiet kollha, din hija suġġetta għal applikazzjoni stretta u tista’ tiġi ġġustifikata biss fejn l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun tinsab f’riskju. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta eskludiet il-possibbiltà ta’ diskriminazzjoni fil-kawża ineżami, u dan għar-raġuni li ma jistax ikun hemm ugwaljanza meta hemm illegalità, inkwantu l-imputazzjoni tar-responsabbiltà bbażata fuq kontinwità ekonomika hija fakultà mogħtija lill-Kummissjoni.

Il-Qorti Ġenerali naqset mili tindirizza s-sottomissjoni prinċipali tal-Kumpannija fl-ewwel istanza li, kwalunkwe prinċipju ta’ “territorju nazzjonaliˮ, jekk wieħed jassumi li dan jeżisti - quod non -, ma jistax japplika b’mod kredibbli għall-istanzi differenti kollha li sar riferiment għalihom fid-deċiżjoni u jagħti prova, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ta’ ksur uniku u kontinwu.

Il-Qorti Ġenerali aġixxiet b’mod ultra petita u kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Kumpannija stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 KEDB fl-eżaminazzjoni li wettqet tas-seba’ motiv tal-appellanti fl-ewwel istanza, dwar id-data tal-bidu tal-kartell. Il-Qorti Ġenerali manifestament fehmet ħażin il-provi quddiemha u applikat standard legali skorrett fl-eżaminazzjoni tagħha. Tali distorsjoni manifesta tal-provi wasslet sabiex din siltet inferenzi żbaljati u waslet għall-konklużjoni legali żbaljata li, fit-18 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tistabbilixxi d-data tal-bidu ta’ ksur li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri skont l-Artikolu 101 TFUE.

Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija vvalidat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-attribuzzjoni ta’ proġetti fost produtturi Ewropej fil-kuntest tal-konfigurazzjoni “Ewropew biss – (R)ˮ iġġustifikat żieda ta’ 2 % lill-fattur tal-gravità (u, konsegwentement, id-“dritt tad-dħulˮ) għall-produtturi Ewropej, filwaqt li ebda żieda tali ma ġiet applikata għall-produtturi Ażjatiċi. Minn naħa waħda, ma huwiex possibbli li jiġi aċċettat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni setgħet tikkonstata ksur uniku u kontinwu bbażat fuq regola ta’ territorju nazzjonali li tikkonsisti f’konfigurazzjonijiet interdipendenti, u fl-istess waqt jiġi aċċettat il-fatt li l-involviment attiv f’waħda jew fl-oħra jiġġustifika livell differenti ta’ gravità għall-parteċipanti. Anki jekk il-produtturi Ażjatiċi ma kinux involuti fl-attribuzzjoni Ewropea allegata b’mod attiv, huma kkontribwixxew għal dik l-attribuzzjoni fuq livell komparabbli ma’ dak tal-produtturi Ewropej.

____________

1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).