Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-636/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: J.-F. Brakeland, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata

minn naħa, li billi qabżet b’mod sistematiku u persistenti l-valur ta’ limitu annwali għall-NO2 mill-1 ta’ Jannar 2010 fit-12 –il agglomerazzjoni u żona ta’ kwalità tal-arja segwenti: Marseille (FR03A02), Toulon (FR03A03), Pariġi (FR04A01), Auvergne-Clermont-Ferrand (FR07A01), Montpellier (FR08A01), Toulouse Midi-Pyrénées (FR12A01), ZUR Reims Champagne-Ardenne (FR14N10), Grenoble Rhône-Alpes (FR15A01), Strasbourg (FR16A02), Lyon-Rhône-Alpes (FR20A01), ZUR Vallée de l’Arve Rhône-Alpes (FR20N10) u Nice (FR24A01), u billi qabżet b’mod sistematiku u persistenti l-valur ta’ limitu għal kull siegħa għall-NO2 mill-1 ta’ Jannar 2010 fiż-2 agglomerazzjonijiet u żoni ta’ kwalità tal-arja segwenti: Pariġi (FR04A01) u Lyon Rhône-Alpes (FR20A01), ir-Repubblika Franċiża kompliet tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa 1 , moqri flimkien mal-Anness XI tal-imsemmija direttiva, u dan sa mid-dħul fis-seħħ tal-valuri ta’ limitu fl-2010,

u

min-naħa l-oħra, li r-Repubblika Franċiża naqset sa mill-11 ta’ Ġunju 2010 milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, moqri flimkien mal-Anness XV tal-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari għall-obbligu stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva li tara li l-perijodu li taqbeż ikun qasir kemm jista’ jkun.

Tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Sa mill-2010, il-valuri ta’ limitu annwali u għal kull siegħa ta’ NO2 inqabżu b’mod sistematiku u persistenti rispettivament fi 12 u 2 żoni. Dan il-qbiż jikkostitwixxi fih innifsu ksur tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, moqri flimkien mal-Anness XI tal-imsemmija direttiva.

Minkejja dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE, ir-Repubblika Franċiża ma adottatx, kuntrarjament għal dak li jipprovdi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50/KE, miżuri effettivi fi pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja, intiżi sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun kemm jista’ jkun qasir.

L-ineffettività ta’ dawn il-miżuri tirriżulta fost affarijiet oħra mit-tul tal-perijodu ta’ qbiż tal-valuri ta’ limitu, tal-livell ta’ dan il-qbiż u tal-evoluzzjoni tagħhom, u tal-analiżi ddettaljata ta’ kull wieħed mill-pjanijiet adottati mill-awtoritajiet Franċiżi għat-12 –il żona inkwistjoni.

____________

1 ĠU L 152, p. 1.