Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (l-Awstrija) fil-15 ta’ Ottubru 2018 – British Airways Plc vs MF

(Kawża C-643/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Korneuburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: British Airways Plc

Konvenut: MF

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jinvoka wkoll ċirkustanzi straordinarji li ma laqtux it-titjira rriżervata mill-passiġġier iżda – mhux immedjatament – titjira preċedenti fl-istess jum bl-ajruplan li kellu jintuża fil-kuntest ta’ sistema ta’ rotazzjoni ta’ titjiriet għat-titjira li kienet ġiet irriżervata mill-passiġġier?

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ ċirkustanzi straordinarji, “il-miżuri raġonevoli kollha” li għandhom jittieħdu mit-trasportatur tal-ajru li jopera sabiex ma jkunx obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom sempliċement ikunu intiżi sabiex jiġu evitati ċ-“ċirkustanzi straordinarji” (f’dan il-każ, l-għoti ta’ “Air-Traffic-Control-Slot” ġdid (iktar tard) mill-Awtorità ta’ Kontroll taċ-Ċirkulazzjoni tal-Ajru EUROCONTROL); jew it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu wkoll jieħu miżuri raġonevoli sabiex jevita l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil bħala tali?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda fis-sens li t-trasportatur tal-ajru li jopera huwa obbligat li jieħu miżuri raġonevoli intiżi sabiex jiġi evitat id-dewmien twil, inkwantu tali, l-Artikou 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex ma jkunx obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, meta t-trasport tal-passiġġieri jkun qiegħed isir fil-kuntest ta’ rotta tal-ajru komposta minn żewġ titjiriet (jew iktar), it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu sempliċement jieħu miżuri raġonevoli intiżi sabiex jevita d-dewmien tat-titjira li huwa stess għandu jopera u li hija suġġetta għall-possibbiltà ta’ dewmien; jew għandu wkoll jieħu miżuri raġonevoli sabiex jevita li passiġġier partikolari jkun suġġett għal dewmien twil fid-destinazzjoni finali tiegħu (pereżempju, billi jivverifika jekk huwiex possibbli li jibdel ir-reżervazzjoni tal-passiġġier sabiex jivvjaġġa permezz ta’ titjira oħra)?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.