Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Polonja) fil-11 ta’ Ottubru 2018 – Proċeduri kriminali kontra JI

(Kawża C-634/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy w Słupsku

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

JI

Domandi preliminari

Ir-regola tad-dritt tal-Unjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(2)(a) u tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-kunċett ta’ “kwantità kbar ta’ drogi” jiġi interpretat fuq bażi ta’ każ b’każ fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali tal-qorti nazzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju, għall-iskopijiet ta’ din l-evalwazzjoni, li jiġi applikat kwalunkwe kriterju oġġettiv, u b’mod partikolari li jiġi kkonstatat li d-droga hija miżmuma mill-awtur tar-reat bil-għan li jwettaq waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Artikolu 4(2)(a) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, jiġifieri l-produzzjoni, il-provvista, it-tqegħid għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, is-senserija, il-kunsinna fuq kwalunkwe kundizzjoni li tkun?

Sa fejn il-liġi Pollakka dwar il-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-droga ma tiddefinixxix b’mod preċiż dak li huwa kopert minn kwantità kbira ta’ drogi u tħalli din il-kwistjoni għall-interpretazzjoni tal-kulleġġi ta’ ġudikanti li jiġu konkretament aditi minn kawża – fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-qorti – ir-rimedji ġudizzjarji meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effikaċja u l-effettività tar-regoli ta’ dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mid-Deċiżjoni-Kwadru 2004/757/ĠAI, u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(2)(a) u l-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-deċiżjoni, huma biżżejjed sabiex jiżguraw liċ-ċittadini Pollakki l-protezzjoni effettiva li tirriżulta mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet minimi relatati mal-elementi kostitwenti tar-reati u l-pieni applikabbli fil-qasam tat-traffikar tad-drogi?

Ir-regola ġuridika nazzjonali li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(2) tal-ustawa o przeciwdziałaniu narkomanii (il-Liġi Pollakka dwar il-Ġlieda kontra d-Dipendenza fuq id-Droga) hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mar-regola li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 4(2)(a) u 2(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI u, fl-affermattiv, jista’ jiqies li r-regola ta’ dritt tal-Unjoni Ewropea dwar ir-responsabbiltà kriminali aggravata tal-awtur tar-reat ta’ pussess ta’ kwantitajiet kbar ta’ drogi bil-għan li titwettaq waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI ma tipprekludix il-kunċett ta’ kwantità kbira ta’ sustanzi psikotropiċi jew ta’ prodotti narkotiċi kif interpretat mill-qrati nazzjonali Pollakki?

L-Artikolu 62(2) tal-ustawa o przeciwdziałaniu narkomanii (il-Liġi Pollakka dwar il-Ġlieda kontra d-Dipendenza fuq id-Droga), dwar ir-responsabbiltà kriminali aggravata għar-reat ta’ pussess ta’ kwantità kbira ta’ sustanzi psikotropiċi jew ta’ prodotti narkotiċi kif interpretat mill-qrati nazzjonali Pollakki, jista’ jiqies li ma jmurx kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali moqrija flimkien mal-Artikolu 6(1) TUE)?

____________

1 ĠU L 335, p. 8.