Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (l-Awstrija) fil-15 ta’ Ottubru 2018 – NE

(Kawża C-645/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Steiermark

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: NE

Awtorità konvenuta: Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld

Parti oħra fil-kawża: Finanzpolizei

Domandi preliminari

L-Artikolu 56 TFUE kif ukoll id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi 1 u d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi formali applikabbli fil-qasam tal-impjieg transkonfinali ta’ ħaddiema, bħan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni dokumenti relatati mas-salarji kif ukoll mas-sigurtà soċjali jew in-nuqqas ta’ rapport lill-Uffiċċju Ċentrali ta’ Koordinazzjoni, tipprevedi l-impożizzjoni b’mod kumulattiv multi għoljin ħafna, b’mod partikolari multi minimi għoljin ħafna, fir-rigward ta’ kull ħaddiem ikkonċernat?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:

L-Artikolu 56 TFUE kif ukoll id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi u d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ multi kumulattivi mingħajr limiti massimi fil-każ ta’ ksur tal-obbligi formali applikabbli fil-qasam tal-impjieg transkonfinali ta’ ħaddiema?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66.

2     ĠU 2014, L 159, p. 11.