Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ottubru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-791/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Banks, H. Krämer, S. L.Kalèda, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li

billi tippermetti li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur dixxiplinari li jikkonċerna l-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni (Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni u Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema),

billi ma tiggarantixxix l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, li fuqha jaqa’ l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-proċeduri dixxiplinari kontra l-Imħallfin (il-punt 5 tal-Artikolu 3, Artikolu 27 u Artikolu 73(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, flimkien mal-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura),

billi tagħti lill-president tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema s-setgħa diskrezzjonali li tinnomina l-Qorti Dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi kontra l-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni (Artikolu 110(3), u Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni) u, b’dan il-mod, ma tiggarantixxix li l-kawżi dixxipinari jiġu eżaminati minn qorti ‟stabbilita mil-liġi”, u

billi tagħti lill-Ministru tal-Ġustizzja s-setgħa li jinnomina aġent dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja (Artikolu 112b tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni) u, b’dan il-mod, ma tiggarantixxix li l-kawżi dixxiplinari kontra l-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni jiġu eżaminati fi żmien raġjonevoli, b’mod li jipprevedu li l-atti marbuta man-nomina ta’ konsulent u l-aċċettazzjoni tal-patroċinju tal-każ minnu ma jkollhomx effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari (Artikolu 113a tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni) u li l-Qorti Dixxiplinari tmexxi l-proċedura anki fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-Imħallef inkwistjoni, informat, jew tal-konsulent tiegħu (Artikolu 115a(3) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni), u, b’dan il-mod, ma tiżgurax id-drittijiet tad-difiża tal-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni inkwistjoni,

ir-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligi tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; u li

billi tippermetti li d-dritt tal-qrati li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talbiet għal domandi preliminari jiġi llimitat bil-possibbiltà li tinfetaħ proċedura dixxiplinari,

ir-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligi tagħha taħt it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel nett, fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi, i) jippermettu li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur dixxiplinari, ii) ma jiġġarantixxux l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, li fuqha jaqa’ l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-proċeduri dixxiplinari, iii) jagħtu lill-president tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema s-segħta diskrezzjonali li tinnomina l-Qorti Dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi kontra l-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni u, b’dan il-mod, ma jiggarantixxux li l-kawżi dixxiplinari jiġu eżaminati minn qorti ‟stabbilita mil-liġi”, iv) ma jiggarantixxux li l-kawżi dixxiplinari kontra l-Imħallfin tal-qrati tad-dritt komuni jiġu eżaminati fi żmien raġjonevoli, u ma jiggarantixxux wisq iktar id-drittijiet tad-difiża tal-Imħallef inkwistjoni.

It-tieni nett, fuq il-ksur tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi jippermettu li d-dritt tal-qrati li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talbiet għal domandi preliminari jiġi llimitat bil-possibbiltà li tinfetaħ preċedura dixxiplinari.

____________