Language of document : ECLI:EU:F:2012:172

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑29/11

BA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/147/09 — Stabbiliment ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi b’ċittadinanza Rumena — Konoxxenza approfondita tal-lingwa uffiċjali tar-Rumanija — Minoranza li titkellem bl-Ungeriż fir-Rumanija — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami orali — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni — Portata”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BA titlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), tal-10 ta’ Diċembru 2010, li tiċħad l-ilment tagħha u tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/147/09 li ma tiġix ammessa għall-eżami orali tal-kompetizzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. BA għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ kompetizzjoni — Possibbiltà li tiġi invokata l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali — Lingwi ta’ parteċipazzjoni fl-eżamijiet — Ugwaljanza fit-trattament — Portata — Stabbiliment ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi b’ċittadinanza ta’ Stat Membru ġdid — Rekwiżit ta’ konoxxenza approfondita tal-lingwa nazzjonali ta’ dan l-Istat — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Kunsill Nri 1 u 1760/2006)

1.      Fid-dawl tan-natura partikolari tal-proċedura ta’ reklutaġġ, li hija eżerċizzju amministrattiv kumpless magħmul minn serje ta’ deċiżjonijiet marbuta b’mod strett, rikorrent għandu dritt jinvoka irregolaritajiet li jkunu seħħew waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni, inkluż dawk li joriġinaw mit-test innifsu tal-avviż ta’ kompetizzjoni, fil-każ ta’ rikors intiż kontra deċiżjoni individwali sussegwenti, bħal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet. Fil-fatt, f’tali proċedura, rikorrent ma jistax jiġi mistenni li jressaq daqstant rikorsi daqs kemm din il-proċedura tinvolvi atti li jistgħu jikkawżawlu preġudizzju.

Avviż ta’ kompetizzjoni jista’ wkoll, eċċezzjonalment, ikun suġġett għal rikors għal annullament fil-każ fejn, billi jimponi kundizzjonijiet li jeskludu l-kandidatura tar-rikorrent, jikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lir-rikorrent skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 39, 40 u 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Awwissu 1995, Il‑Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, punti 17 u 19

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ April 2011, Clarke et vs UASI, F‑82/08, punt 79

2.      Ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, meta żewġ kategoriji ta’ persuni li jaħdmu għall-Unjoni, li s-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tagħhom ma jkollhom l-ebda differenza essenzjali, jirċievu trattament differenti u meta dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

Dan ma huwiex il-każ għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni mill-amministrazzjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1760/2006, li jintroduċi, fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, miżuri temporanji speċjali għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ta’ kompetizzjoni miftuħa għaċ-ċittadini Rumeni u li timponi fuq dawn il-kandidati, fl-interess tas-servizz, il-konoxxenza approfondita tal-lingwa nazzjonali tagħhom, jiġifieri r-Rumen, l-unika lingwa uffiċjali tar-Rumanija fis-sens tar-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea.

Fil-fatt, minkejja li seta’ kien żvantaġġuż għal ċittadin Rumen li l-lingwa materna tiegħu huwa l-Ungeriż li jagħmel eżami bir-Rumen, il-fatt li jiġi impost eżami bir-Rumen għandu jiġi kkunsidrat leġittimu għaliex huwa ġġustifikat minn rekwiżiti ta’ grad ogħla li jirriżultaw preċiżament mill-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżiti inkwistjoni b’hekk huma bbażati fuq kritejri oġġettivi u raġonevoli u d-differenza fit-trattament, fl-organizzazzjoni ta’ “kompetizzjoni ta’ ‘tkabbir’”, limitata għal perijodu ta’ żmien tranżitorju, sussegwenti għall-adeżjoni tal-imsemmi Stat, tidher waħda proporzjonata għall-għan mixtieq.

Is-servizzi amministrattivi tal-Unjoni, bħall-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal, mitluba jorganizzaw, abbażi ta’ regolament derogatorju, bħar-Regolament Nru 1760/2006, kompetizzjonijiet irriżervati għaċ-ċittadini tar-Rumanija bħala Stat li kien għadu kemm issieħeb fl-Unjoni ma setgħux, mingħajr ma jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jużaw lingwa oħra għajr l-unika lingwa uffiċjali ta’ dan il-pajjiż, meta kellhom isiru ċerti eżamijiet bil-miktub ta’ selezzjoni li kellhom preċiżament l-għan li jivverifikaw il-konoxxenza approfondita tal-imsemmija lingwa. Kien ikun differenti li kieku dan l-Istat Membru, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irrikonoxxa formalment, abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1, lingwa minoritarja li teżisti fit-territorju tiegħu li, mingħajr ma hija lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat, madankollu hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

Barra minn hekk, il-fatt li tiġi imposta “konoxxenza approfondita tar-Rumen” bħala lingwa prinċipali tal-kompetizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, li kienet irriżervata għal ċittadini Rumeni, la huwa arbitrarju u lanqas manifestament kontra l-interess tas-servizz. Fil-fatt, l-amministrazzjoni tista’ b’mod leġittimu, jekk ikun il-każ, meta l-ħtiġijiet tas-servizz jew dawk tal-pożizzjoni hekk jirrikjedu, tispeċifika l-lingwa jew il-lingwi li tagħha jew tagħhom tkun meħtieġa konoxxenza approfondita jew sodisfaċenti.

(ara l-punti 75, 79, 81 sa 84 u 86)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, punt 23

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il‑Kunsill, T‑376/03, punt 26

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Frar 2010, Pleijte vs Il‑Kummissjoni, F‑91/08, punti 36 u 57; 29 ta’ Ġunju 2011, Angioi vs Il‑Kummissjoni, F‑7/07, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata