Language of document : ECLI:EU:F:2011:136

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

14 ta’ Settembru 2011

Kawża F-12/09

A

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Marda kkaġunata mix-xogħol — Relazzjoni bejn il-proċeduri previsti fl-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal — Allowance provviżorja — Rimbors ta’ spejjeż mediċi — Aċċess għall-fajl individwali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu A essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2008 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra rrifjutat li tiddeċiedi dwar l-“applikazzjoni” fir-rigward tiegħu tal-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal; l-annullament tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2008 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra rrifjutat li tikkomunikalu ċertu numru ta’ dokumenti li jifformaw parti jew li kellhom jifformaw parti mill-fajl mediku tiegħu; l-annullament tad-deċiżjonijiet tad-29 ta’ Mejju 2008 u tal-14 ta’ Lulju 2008 li jirrifjutawlu r-rimbors ta’ ċerti spejjeż ta’ trasferiment; il-kumpens għad-dannu li kien sarlu minn numru ta’ nuqqasijiet li huwa jakkuża lill-Kummissjoni bihom fit-tmexxija tal-proċedura intiża għar-rikonoxximent li l-marda tiegħu hija kkaġunata mix-xogħol.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.


      

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità — Allowance — Dritt għal ħlas — Kundizzjonijiet — Konsolidazzjoni tal-feriti kollha

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73(2); Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 19(3) u (4))

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Ilmenti bbażati fuq l-istess motivi iżda b’suġġett legalment distint — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Inkapaċità għax-xogħol — Invalidità permanenti 100 % — Kunċetti distinti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73 u 78)

4.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Determinazzjoni li l-mard huwa kkaġunat mix-xogħol — Proċedura — Aċċess tal-uffiċjal għad-dokumenti fil-fajl mediku — Aċċess indirett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 26 u 73;Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 17)

5.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Rimbors tal-ispejjeż

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 72 u 73(3); Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 9)

1.      Skont l-Artikolu 19(3) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali, id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grad ta’ invalidità tingħata wara li jiġu kkonsolidati l-feriti tal-assigurat. Id-dritt għall-ħlas tal-allowances previsti għal invalidità totali permanenti u għal invalidità parzjali permanenti, rispettivament imsemmija fl-Artikolu 73(2)(b) u (ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jqum biss wara l-konsolidazzjoni tal-feriti tal-assigurat.

Madankollu, l-Artikolu 19(4) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jipprovdi li, fil-każ ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol irrikonnoxxut, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tagħti allowance provviżorja li tikkorrispondi mal-parti mhux ikkontestata tar-rata ta’ invalidità permanenti, fejn din l-allowance hija mnaqqsa mill-benefiċċji finali. Anki jekk it-test tal-Artikolu 19(4) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni ma jippreċiżax dan espressament, minn interpretazzjoni sistematika ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din għandha titqies li tapplika fil-każijiet fejn marda kkaġunata mix-xogħol ġiet irrikonoxxuta, iżda fejn l-effetti ta’ din il-marda għadhom ma ġewx ikkonsolidati. Fil-fatt, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 19(4) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni ssegwi immedjatament dik tal-Artikolu 19(3) ta’ dawn l-istess regoli, dispożizzjoni li skontha d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grad ta’ invalidità tingħata wara konsolidazzjoni tal-feriti tal-assigurat.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li meta l-amministrazzjoni rrikonoxxiet li l-marda ta’ assigurat hija kkaġunata mix-xogħol, l-obbligi tagħha jkunu differenti skont jekk din il-marda hijiex ikkonsolidata jew le. Fl-ewwel każ, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-preġudizzju għall-integrità fiżika u psikika tal-assigurat. Dan l-obbligu ma jinfluwenzax id-deċiżjoni li hija għandha tieħu f’dan ir-rigward, sa fejn huwa possibbli li assigurat huwa milqut minn marda kkaġunata mix-xogħol mingħajr ma jsofri minn tali marda. Fit-tieni każ, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu teżamina jekk l-assigurat huwiex milqut minn grad mhux ikkontestat ta’ invalidità permanenti li jagħtih dritt għal ħlas ta’ allowance provviżorja. Hawn ukoll, l-obbligu li l-amministrazzjoni għandha ma jinfluwenzax id-deċiżjoni li hija għandha tieħu f’dan ir-rigward, peress li ma huwiex eskluż li tali eżami jwassal għall-konstatazzjoni li ma jeżistix grad ta’ invalidità permanenti diġà definittiv.

Għaldaqstant, meta l-amministrazzjoni rrikonoxxiet li l-marda ta’ assigurat hija kkaġunata mix-xogħol, hija għandha l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq id-drittijiet ta’ natura pekunjarja stabbiliti mill-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 19(4) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni. L-amministrazzjoni ma teżawrixxix il-kompetenza li jagħtuha l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u r-Regoli dwar l-assigurazzjoni jekk, meta titressaq quddiemha talba minn assigurat intiża sabiex jiġi rrikonoxxut li l-marda tiegħu hija kkaġunata mix-xogħol, hija tillimita ruħha tirrikonnoxxi dan, mingħajr ma tislet minn dan ir-rikonoxximent l-eventwali konsegwenzi finanzjarji.

(ara l-punti 99 sa 102)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Frar 2011, Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑119/07, punt 89

2.      Huwa permissibbli li uffiċjal jinvoka l-istess motiv, l-istess argument jew l-istess fatt insostenn ta’ diversi lmenti li l għan tagħhom huwa legalment distint.

(ara l-punt 136)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punt 205

3.      Hemm distinzjoni fundamentali bejn invalidità permanenti fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, kunċett ekwivalenti għall-inkapaċità għax-xogħol, li jiġġustifika għaldaqstant l-għoti ta’ dħul ta’ sostituzzjoni fil-forma ta’ allowance għall-invalidità, u invalidità permanenti fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija ekwivalenti għall-preġudizzju għall-integrità fiżika u psikika, mingħajr ma tkun neċessarjament involuta inkapaċità għax-xogħol u għaldaqstant mingħajr ma jkun neċessarjament involut ħlas ta’ dħul ta’ sostituzzjoni. Għaldaqstant, li wieħed ikun totalment inkapaċi għax-xogħol — inkapaċità li tifforma s-suġġett tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal — u li wieħed ikun affettwat b’invalidità permanenti 100% skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal huma żewġ affarijiet totalment differenti. Fil-fatt, għalkemm invalidità totali skont l-Artikolu 73 tinvolvi ġeneralment inkapaċità totali għax-xogħol, il-kuntrarju ma huwiex neċessarjament veru għaliex uffiċjal jista’ jkun totalment inkapaċi għax-xogħol skont l-imsemmi Artikolu 78, filwaqt li jsofri biss minn invalidità permanenti parzjali żgħira ħafna skont l-imsemmi Artikolu 73.

(ara l-punti 149 u 150)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Ġunju 2000, Plug vs Il‑Kummissjoni, T‑47/97, punti 73 u 74

4.      L-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi għaż-żamma, għal kull uffiċjal, ta’ fajl individwali li jinkludi d-dokumenti kollha li jikkonċernaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u r-rapporti kollha li jikkonċernaw il-kompetenza, l-effiċjenza u l-aġir tiegħu, kif ukoll l-osservazzjonijiet magħmula mill-uffiċjal fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti. L-istituzzjoni ma tistax tinvoka fir-rigward ta’ uffiċjal u lanqas tuża kontrih dokumenti jekk dawn ma jkunux ġew ikkomunikati lilu qabel ma jkunu ġew inklużi fil-fajl. Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal.

Fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti ta’ natura medika fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikonoxximent li marda hija kkaġunata mix-xogħol, ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali stabbilixxew proċedura speċifika li tipprevedi t-trażmissjoni, lit-tabib magħżul mill-uffiċjal, tar-rapport mediku komplet li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-intenzjoni tadotta, kif ukoll, ir-rikors għal Kumitat Mediku li minnu jifforma parti t-tabib magħżul mill-uffiċjal. Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tal-uffiċjal jeħtieġ li huwa jingħata aċċess għad-dokumenti ta’ natura medika li jikkonċernawh. Dan id-dritt għal aċċess irrikonoxxut lill-uffiċjal għandu madankollu jkun ikkonċiljat mar-rekwiżiti tas-sigriet mediku li jagħtu lil kull tabib il-possibbiltà li jiddeċiedi dwar jekk jikkomunikax lill-persuni li huwa jikkura jew jeżamina n-natura tal-mard li huma jistgħu jkollhom. Billi jipprevedu aċċess indirett għad-dokumenti ta’ natura medika, permezz tal-intervent ta’ tabib ta’ kunfidenza magħżul mill-uffiċjal, ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni jikkonċiljaw id-drittijiet tal-uffiċjal mar-rekwiżiti tas-sigriet mediku.

Ir-rispett tad-drittijiet tal-uffiċjal jeżiġi li huwa jingħata aċċess mhux biss għad-dokumenti ta’ natura medika iżda wkoll għall-konstatazzjoni tal-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni prevista. Għaldaqstant, id-dokumenti relatati mal-konstatazzjonijiet fattwali relatati ma’ inċident li seħħ matul ix-xogħol, li jistgħu jservu ta’ bażi għal proċedura intiża għar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ inċident tax-xogħol jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol fis-sens tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, għandhom ukoll jiġu rrikonoxxuti bħala li huma ta’ natura medika.

Barra minn hekk, in-natura medika ta’ ċerti dokumenti ma tipprekludix li dawn jistgħu, jekk ikun il-każ, jinteressaw ukoll is-sitwazzjoni amministrattiva tal-uffiċjal. F’dan il-każ, dawn id-dokumenti għandhom jiġu inklużi fil-fajl personali tal-persuna kkonċernata.

Għaldaqstant, minn naħa, il-fajl li jservi ta’ bażi għat-tabib magħżul mill-istituzzjoni jew għall-Kumitat Mediku sabiex jevalwaw li marda hija kkaġunata mix-xogħol huwa ta’ natura medika u għaldaqstant jista’ jiġi kkonsultat biss indirettament permezz ta’ tabib magħżul mill-uffiċjal u, min-naħa l-oħra, l-elementi ta’ natura amministrattiva, li jistgħu jinsabu f’dan il-fajl u li jistgħu jkollhom influwenza fuq is-sitwazzjoni amministrattiva tal-uffiċjal, għandhom ikunu inklużi wkoll fil-fajl individwali fejn, skont l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal jista’ jikkonsultahom direttament. Id-dokumenti kollha sottomessi lit-tabib magħżul mill-istituzzjoni jew lill-Kumitat Mediku huma għaldaqstant irregolati mis-sistema prevista mir-Regoli dwar l-assigurazzjoni. Għaldaqstant l-obbligu tal-inklużjoni fil-fajl individwali tal-uffiċjal ta’ xi wħud minn dawn id-dokumenti, kif ukoll l-obbligu tal-possibbiltà, għal dan tal-aħħar, li jsir jaf dwarhom, iqumu biss jekk dawn id-dokumenti jintużaw għall-evalwazzjoni jew għall-bidla tas-sitwazzjoni amministrattiva tal-uffiċjal mill-amministrazzjoni li taħtha huwa jaqa’.

(ara l-punti 189 sa 195)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Ġunju 1972, Brasseur vs Il‑Parlament, 88/71, punt 11; 7 ta’ Ottubru 1987, Strack vs Il‑Kummissjoni, 140/86, punti 7 u 9 sa 13; 1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, C‑283/90 P, punti 20 sa 22, 24 u 25

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Lulju 1990, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, T‑154/89, punti 33 u 36; 3 ta’ Marzu 2004, Vainker vs Il‑Parlament, T‑48/01, punti 136 u 137

5.      Għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-marda kkaġunata mix-xogħol jsir biss f’eċċess u b’mod addizzjonali għal dawk li l-uffiċjal jirċievi permezz tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali jipprovdi li l-ispejjeż sostnuti minn inċident huma rrimborsati wara t-teħid ta’ responsabbiltà, mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard prevista fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-parti koperta minn din l-iskema skont il-kundizzjonijiet previsti fih.

Għaldaqstant, kemm l-Artikolu 73(3) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprevedu biss rimbors kumplimentari tal-ispejjeż sostnuti għal provvisti ta’ servizzi koperti mill-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, wara rimbors tal-parti tal-ispejjeż li taqa’ taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard. L-iskema ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti hija kumplimentari u għaldaqstant ma tipprevedi ebda rimbors ta’ spejjeż sostnuti għal provvisti ta’ servizzi li ma humiex koperti mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard li għal din ir-raġuni ma taw lok għal ebda teħid ta’ responsabbiltà mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard.

(ara l-punti 206 u 207)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Diċembru 2010, Gagalis vs Il‑Kunsill, F‑89/09, punt 42