Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2019 mill-Kommissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-11 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-138/18, De Esteban Alonso vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-591/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Kommissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Mongin u J. Baquero Cruz, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Fernando De Esteban Alonso

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2019 (T-138/18);

tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza;

tikkundanna lil F.  De Esteban għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball fil-klassifikazzjoni legali tal-fatti fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1999/396, il-Kummissjoni tissottometti li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tqis li F. De Esteban kellu jiġi “assimilat” mal-persuni msemmija b’isimhom fin-nota mibgħuta mill-OLAF lill-awtoritajiet Franċiżi fid-19 ta’ Marzu 2003 jew għall-inqas ikkunsidrat li kien involut personalment fil-fatti, minkejja li l-persuna kkonċernata ma kienet taqa’ fl-ebda waħda minn dawn il-kategoriji.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata fil-liġi tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1073/1999 li jgħid li l-istituzzjonijiet għandhom dwar ir-rapport ippreżentat mill-OLAF “ jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta’ l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet ...”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata a contrario bħala li tillimita d-diskrezzjoni li għandha fid-difiża tal-interessi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, bħala li tipprojbixxiha milli tidher bħala l-parti ċivili fil-proċeduri kriminali u tressaq rapport kriminali quddiem l-awtoritajiet nazzjonali meta tikkunsidra dan xieraq fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż fi stadju qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe rapport mill-OLAF.

Bit-tielet motiv tagħha, ippreżentat sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tilqa’ r-rikors għad-danni, minħabba nuqqas ta’ rabta kawżali. Il-Qorti Ġenerali tbiegħdet indebitament mill-ġurisprudenza tagħha li skontha ma hemm l-ebda rabta kawżali diretta biżżejjed bejn it-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-OLAF lill-awtoritajiet nazzjonali u d-dannu allegatament subit.

____________