Language of document : ECLI:EU:F:2008:12

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

31 ta’ Jannar 2008

Kawża F-99/05

Günter Wilms

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2004 – Attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità – Applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Wilms jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti li ġew attribwiti lilu taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2004 u tad-deċiżjoni li ismu ma jitniżżilx fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad A 5 taħt din il-proċedura.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti tar-rikorrent fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004 u d-deċiżjoni li ma jiġix promoss taħt din il-proċedura huma annullati. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Regoli applikabbli – Proċedura ta’ promozzjoni 2004

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Regoli applikabbli – Proċedura ta’ promozzjoni 2004

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004, Artikolu 2)

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex intiż li jiddetermina l-verżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li hija applikabbli għall-proċedura ta’ promozzjoni 2004, iżda dik il-verżjoni li tirregola l-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni meħuda fir-rigward ta’ dik il-proċedura. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi ggarantit lill-uffiċjali, li fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni tal-promozzjoni tintervjeni fl-aħħar tas-sena 2004 iżda li l-promozzjoni tagħhom tidħol fis-seħħ f’data qabel l-1 ta’ Mejju 2004, li l-benefiċċju tal-karriera, b’mod partikolari f’termini ta’ avvanz fil-grad, li jirriżulta mill-promozzjoni tagħhom ikun identika għal dak li kien jirriżulta minn deċiżjoni ta’ promozzjoni adottata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bir-Regolament Nru 723/2004.

(ara l-punt 47)

2.      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-prinċipju ta’ applikabbiltà immedjata tar-regoli l-ġodda fir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat permezz ta’ dan ir-regolament, huwa applikabbli immedjatament mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika legalment, f’Novembru tal-2004, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, imħassra minn dan ir-regolament, sabiex tadotta d-deċiżjoni li tistabbilixxi n-numru totali ta‘ punti ta’ mertu ta’ uffiċjal fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004 u d-deċiżjoni li ma jiġix promoss taħt din il-proċedura.

(ara l-punti 52 u 53)

3.      Hija vvizzjata minn illegalità deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi, fil‑kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004, in-numru totali ta’ punti ta’ mertu ta’ uffiċjal mingħajr ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ kriterji addizzjonali li hemm fl‑Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif daħlu fis‑seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri l-użu, mill-uffiċjal, fl-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tiegħu, ta’ lingwi oħra barra dik li pproduċa evidenza li kellu għarfien profond tagħha meta ġie maħtur u, jekk ikun il-każ, il-livell tar‑responsabbiltajiet li jeżerċita.

L-illegalità ta’ din id-deċiżjoni twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni li ma jiġix promoss meħuda fil-konfront tal-imsemmi uffiċjal jekk eżami komparattiv ġdid tal-kandidaturi, li jieħu inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ kriterji, jista’ jwassal għal evalwazzjoni tal-ġerarkija tal-merti ta’ uffiċjali nettament differenti u, eventwalment, jippermetti lill-istess uffiċjal li jilħaq il-livell ta’ promozzjoni stabbilit għal din il-proċedura.

(ara l-punti 55, 57 u 59 sa 61)

4.      Rikors huwa ammissibbli biss meta r-rikorrent ikollu interess personali li l-att ikkontestat jiġi annullat. Uffiċjal ma jistax ġustament iqis ruħu aggravat minn lista ta’ uffiċjali promossi u għalhekk ma jkollux interess personali li jitlob l-annullament tagħha ħlief sa fejn ismu ma jkunx imniżżel fuqha, meta dawn il-promozzjonijiet ma jipprekludux li, wara li jsir eżami komparattiv ġdid tal-merti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, ikun huwa stess promoss skont il-proċedura inkwistjoni. It-talbiet għall-annullament ta’ din il-lista kollha kemm hi huma għalhekk inammissibbli.

(ara l-punti 65 sa 67)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Novembru 1996, Michaël vs Il‑Kummissjoni, T‑144/95, ĠabraSP p. I‑A‑529 u II‑1429, punt 31; 28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il‑Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44