Language of document : ECLI:EU:F:2012:146

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

23 ta’ Ottubru 2012

Kawża F‑61/11

Daniele Possanzini

vs

Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Proċedura li tikkonċerna t-tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju — Komunikazzjoni lill-membru tal-persunal temporanju dwar l-opinjoni negattiva tal-evalwatur fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt — Att li jikkawża preġudizzju — Assenza — Talba għall-annullament ta’ osservazzjonijiet sfavorevoli dwar il-prestazzjoni li jinsabu fir-rapporti annwali ta’ evalwazzjoni — Rikors manifestament inammissibbli”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu r-rikorrent jitlob, essenzjalment, l-annullament, fl-ewwel lok, tad-“deċiżjoni” tal‑24 ta’ Jannar 2011 li ġiet imħabbra lilu waqt intervista orali mal-evalwatur tiegħu, intervista li waqtha dan tal-aħħar indika li ma kellux l-intenzjoni li jipproponi t-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, fit-tieni lok, ta’ parti mir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għall-perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2006 sal‑31 ta’ Diċembru 2008, magħmul fl‑2009, fit-tielet lok, ta’ parti mir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2009 sal‑31 ta’ Diċembru 2009, magħmul fl‑2010.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn Frontex.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati — Assenza ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 19, paragrafu 3, 21, paragrafu 1, u Anness I, Artikolu 7(1) u (3); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Att preparatorju — Ittra li tikkomunika lill-membru tal-persunal l-opinjoni negattiva tal-evalwatur fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti fattwali u legali invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi, li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors, jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu.

Dan huwa iktar u iktar peress li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi, bħala prinċipju, skambju wieħed biss ta’ noti, sakemm l-imsemmi Tribunal ma jiddeċidiex mod ieħor. Din il-karatteristika partikolari tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tispjega li, b’mod differenti minn dak li huwa previst quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti fir-rikors ma tistax tkun sommarja. Din il-flessibbiltà għandha bħala effett, fil-prattika, li ċċaħħad minn parti kbira tal-utilità tagħha r-regola speċjali u posterjuri msemmija fl-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess statut, jipprovdi li l-partijiet minbarra l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li hija koperta mill-imsemmi ftehim, għandhom jiġu rrappreżentati minn avukat. Ir-rwol prinċipali ta’ dan tal-aħħar, bħala rappreżentant legali, huwa preċiżament li jiżgura li t-talbiet tar-rikors ikunu bbażati fuq argumentazzjoni legali li hija koerenti u li tinftiehem biżżejjed, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura bil-miktub quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi, bħala prinċipju, skambju wieħed biss ta’ noti.

Ladarba l-kapijiet tat-talbiet tar-rikors jissemmew biss b’mod ġenerali u bl-ebda mod ma huma ssostanzjati permezz ta’ argumenti, kuntrarjament għar-regola prevista fl-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 30 sa 34)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Frar 2011, AH vs Il‑Kummissjoni, F‑76/09, punti 29 u 31

2.      L-ammissibbiltà ta’ talba għal annullament, li toriġina mir-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lill-membru tal-persunal mal-istituzzjoni tiegħu, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tal-Istatut hija kundizzjoni indispensabbli għall-ammissibbiltà ta’ kull rikors għal annullament ippreżentat mill-uffiċjali kontra l-istituzzjoni li timpjegahom. Jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tal-Istatut, biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jistgħu jaffettwaw l-interessi ta’ uffiċjal, billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar. Tali atti għandhom jirriżultaw mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ u għandhom ikunu ta’ natura deċiżjonali. Fir-rigward ta’ atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom isir f’diversi stadji, b’mod partikolari wara proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, u huma esklużi miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali. Fil-qasam ta’ rikorsi ta’ uffiċjali, l-atti preparatorji ta’ deċiżjoni finali ma jikkawżawx preġudizzju u għaldaqstant jistgħu jiġu kkontestati biss b’mod inċidentali, meta jkun hemm rikors kontra l-atti li jistgħu jiġu annullati. Għalkemm ċerti miżuri purament preparatorji jistgħu jikkawżaw preġudizzju lill-uffiċjal inkwantu jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut ta’ att ulterjuri li jista’ jiġi kkontestat, dawn il-miżuri ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors indipendenti u għandhom jiġu kkontestati insostenn ta’ rikors dirett kontra dan l-att.

Konsegwentement, la opinjoni negattiva tal-evalwatur fir-rigward tat-tiġdid ta’ kuntratt ta’ aġent ta’ Frontex u lanqas ittra tad-direttur eżekuttiv ta’ Frontex li tiċħad l-ilment tal-membru tal-persunal dwar din l-opinjoni negattiva ma jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju.

(ara l-punti 40 sa 43, 50, 60, 62 u 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ April 1990, Pfloeschner vs Il‑Kummissjoni, T‑135/89, punt 11; 25 ta’ Ottubru 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑26/96, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata; 18 ta’ Diċembru 2003, Gómez‑Reino vs Il‑Kummissjoni, T‑215/02, punt 47; 29 ta’ Ġunju 2004, Hivonnet vs Il‑Kunsill, T‑188/03, punt 16; 16 ta’ Marzu 2009, R vs Il‑Kummissjoni, T‑156/08 P, punt 49