Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fl-24 ta’ Marzu 2020 – DS vs Porsche Inter Auto GmbH & Co KG u Volkswagen AG

(Kawża C-145/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DS

Konvenuti: Porsche Inter Auto GmbH & Co KG, Volkswagen AG

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li vettura bil-mutur li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 2 jkollha l-kwalità li hija normali għal prodotti tal-istess tip u li tista’ tkun raġonevolment mistennija mill-konsumatur meta l-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 u li, minkejja dan, ikollha approvazzjoni tat-tip KE valida b’tali mod li tkun tista’ tintuża fit-triq?

L-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jkun iddiżinjat b’mod li, f’kuntest li ma jkunx dak ta’ test f’kundizzjonijiet ta’ laboratorju, u għalhekk f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, ir-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost jiffunzjona b’mod sħiħ biss jekk it-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celcius, jista’ jkun aċċettabbli taħt l-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament, jew l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ta’ deroga hija eskluża minħabba li l-effettività sħiħa tar-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost hija limitata għal kundizzjonijiet li, f’parti mill-Unjoni Ewropea, jeżistu biss f’madwar sitt xhur fis-sena?

L-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-fatt li vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi kklassifikat bħala wieħed minuri fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni meta x-xerrej tal-vettura kien xorta waħda jixtriha li kieku kien jaf bl-eżistenza u bil-funzjonament ta’ dan l-apparat?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223.

2     ĠU 2007, L 171, p. 1.