Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ April 2019 mill-Associazione Nazionale GranoSalus - Liberi Cerealicoltori & Consumatori (Associazione GranoSalus) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-14 ta’ Frar 2019 fil-Kawża T-125/18, Associazione GranoSalus vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-313/19 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Associazione Nazionale GranoSalus - Liberi Cerealicoltori & Consumatori (Associazione GranoSalus) (rappreżentant: G. Dalfino, avvocato)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    L-appell mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali ġie ppreżentat minħabba ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

2.    Qabel kollox l-appellanti sostniet il-ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, inkwantu l-Qorti Ġenerali eskludiet iċ-ċirkustanza fejn l-Associazione GanoSalus għandha locus standi bis-saħħa tal-locus standi individwali tal-membri assoċjati tagħha, u dan sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2324 appellat jikkonċernahom “direttament u individwalment” inkwantu “att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma fihx miżuri ta’ eżekuzzjoni”.

F’dan ir-rigward l-Associazione sostniet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni inkwantu eskludiet li r-rekwiżit ta’ inċidenza individwali ġie ssodisfatt peress li “huwa fil-kwalità ġenerali tagħhom ta’ konsumaturi u ċittadini tal-Unjoni li xi wħud mill-membri tar-rikorrenti huma allegatament affettwati mill-att ikkontestat” (punt 57 tad-digriet appellat).

Din il-kwalifika tal-membri assoċjati tal-appellanti GranoSalus hija madankollu żbaljata fid-dawl tal-Istatut ta’ Assoċjazzjoni li permezz tiegħu l-membri assoċjati, u permezz tagħhom l-Associazione, isiru portaturi u promoturi tal-interess ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-produtturi agrikoli permezz tal-implimentazzjoni, b’mod partikolari, ta’ azzjonijiet “għall-ġlieda, speċjalment fuq livell tal-Unjoni, kontra ż-żieda eventwali tal-limiti ta’ mikotossini u kontaminaturi oħra, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi u b’mod partikolari tat-tfal”.

Peress li l-kundizzjoni tal-inċidenza individwali ġiet issodisfatta u li din il-kundizzjoni tingħadd ma’ dik tal-inċidenza diretta, il-Qorti Ġenerali żbaljat billi ddeċidiet minn din il-perspettiva billi naqset milli teħodha inkunsiderazzjoni.

3.    L-Associazione ssostni wkoll li fid-digriet tagħha l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta neċessarja għall-ammissibbiltà, konformement mal-aħħar espressjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma ġietx issodisfatta minħabba l-fatt li jeżistu allegati miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2324 ikkontestat, billi mmotivat id-deċiżjoni tagħha f’dan is-sens permezz “tat-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva glifosat mogħtija mill-Istati Membri”, fejn tali atti jitqiesu li jikkostitwixxu “miżuri ta’ implimentazzjoni tal-att ikkontestat fis-sens tal-aħħar espressjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE” (punti 84 u 85 tad-digriet appellat).

In-natura żbaljata ta’ din l-evalwazzjoni hija illustrata biċ-ċirkustanza, ipprovata fl-atti, li l-Istat Membru li fih l’Associazione u l-membri assoċjati tagħha għandha s-sede tagħha (l-Italja) irċieva r-Regolament (UE) 2017/2324 permezz ta’ komunikazzjoni tal-Ministeru għas-Saħħa tad-19 ta’ Diċembru 2017 li sempliċement tat lok għal tiġdid awtomatiku tal-awtorizzazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat” għal perijodu li ma jaqbiżx il-ħames snin, filwaqt li estendiet fl-istess waqt l-awtorizzazzjonijiet relatati mal-prodotti tas-saħħa tal-pjanti li jinkludu l-glifosat sal-15 ta’ Diċembru 2022, mingħajr ebda evalwazzjoni diskrezzjonali anki fir-rigward tal-preskrizzjonijiet tekniċi msemmija fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2017/2324.

F’dan ir-rigward l-Associazione ssostni li anki li kieku l-Komunikazzjoni Ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2017 kellha titqies bħala miżura ta’ implimentazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-istess komunikazzjoni ma setgħetx tkun suġġetta għal rikors quddiem il-qrati nazzjonali peress li tali rikors huwa eskluż bis-saħħa tad-dritt Taljan u tal-ġurisprudenza f’dan ir-rigward (Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), sentenza Nru 6243 tad-9 ta’ Novembru 2005).

4.    Sussegwentement l-Associazione tqiegħed inkwistjoni d-digriet minħabba ksur tal-aħħar espressjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE inkwantu l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit fir-rikors promotur. F’dan ir-rigward l-Associazione tinnota li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-effetti diretti li kellu r-regolament appellat fuq l-Associazione, u permezz tagħha fuq il-membri assoċjati tagħha, jirriżultaw min-natura potenzjalment kanċeroġena tas-sustanza attiva “glifosat” (ara l-istudju taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Riċerka fuq il-Kanċer ippubblikat fl-20 ta’ Marzu 2015, eskluż mir-Regolament (UE) 2017/2324 ikkontestat) li l-approvazzjoni tagħha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea u ma għandhiex tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, u dan peress li l-awtorizzazzjoni nazzjonali tal-prodott tas-saħħa tal-pjanti ma tinvolvi ebda evalwazzjoni fir-rigward tas-sustanza attiva “glifosat” li diġà ġiet approvata “minn fuq” mill-Unjoni Ewropea, liema fatt jeskludi b’konsegwenza li l-Istat Taljan għandu s-saħħa li jawtorizza jew li jirrifjuta t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għas-saħħa tal-pjanti b’riferiment għas-sustanza attiva “glifosat”. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-aħħar espressjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tilwima, jiġifieri li r-residwi ta’ glifosat jinsabu fl-ilmijiet ta’ taħt l-art, fl-ikel (l-għaġin) u fl-art, bil-ħsara konsegwenti li t-tqegħid fis-suq ta’ din is-sustanza joħloq lit-territorju, liċ-ċittadini tal-Istati Membri u lill-interessi tal-Associazione, u, permezz tagħha, tal-membri assoċjati tagħha.

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali jmissha eżaminat l-inċidenza fis-sens tal-Artikolu 263 iċċitat iktar ’il fuq b’rabta ma’ din iċ-ċirkustanza u mad-dispożizzjonijiet tal-Associazione, kif ukoll b’rabta mal-kwalità tal-membri assoċjati tagħha, liema fatt ma seħħx fid-digriet tagħha.

5.    Billi bbażat ruħha fuq il-punti preċedenti, l-Associazione kkontestat l-interpretazzjoni tal-aħħar espressjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza, li tneħħi kull effett ta’ din id-dispożizzjoni u tmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur Ewropew. F’dan ir-rigward, l-appellanti tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Avukati Ġenerali f’kawżi differenti (ara, b’mod partikolari l-konklużjonijiet fil-kawża C-456/13 P; fil-kawża C-583/11 P; u fil-kawżi magħquda C-622/16 P sa C-624/16 P), li skonthom tali interpretazzjoni restrittiva ċċaħħad l-Artikolu 263 minn kull sens u effett konkret.

Fid-dawl tal-punti preċedenti, l-Associazione ssostni li l-interpretazzjoni tal-aħħar espressjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat tmur manifestament kontra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust[...]”) u l-Artikoli 6 (dritt għal smigħ xieraq) u 13 (dritt għal rimedju effettiv) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn b’hekk tiġi prekluża l-possibbiltà li tiġi adita l-Qorti Ġenerali minħabba inċidenza diretta f’tali ipoteżi fattwali u b’hekk tippreġudika b’mod inġustifikat is-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet stabbilita mid-dritt tal-Unjoni.

Talbiet

Associazione GranoSalus titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Frar 2019 fil-kawża T-125/18,– li ddikjara r-rikors inammissibbli u eskluda l-locus standi tal-membri assoċjati tagħha minħabba, minn naħa, l-allegata assenza ta’ effetti individwali tar-regolament appellat fuq dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, tal-eżistenza ta’ miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni li wkoll tkun teskludi effetti diretti – u għaldaqstant tiddikjara ammissibbli r-rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2324 kif ukoll it-talbiet ta’ miżuri li ġew ifformulati fih, inklużi l-miżuri istruttorji, u terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża fuq il-mertu.

____________