Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2018 minn Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-15 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-79/16, Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-817/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellanti: Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland, Stichting Het Groninger Landschap, It Fryske Gea, Stichting Het Drentse Landschap, Stichting Het Overijssels Landschap, Stichting Het Geldersch Landschap, Stichting Flevo-Landschap, Stichting Het Utrechts Landschap, Stichting Landschap Noord-Holland, Stichting Het Zuid-Hollands Landschap, Stichting Het Zeeuwse Landschap, Stichting Het Noordbrabants Landschap, Stichting Het Limburgs Landschap (rappreżentanti: P. Kuypers, M. de Wit, advocaten)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters, Exploitatiemaatschappij De Berghaaf BV, Stichting Het Nationale Park De Hoge Veluwe, BV Landgoed Den Alerdinck II, Landgoed Ampsen BV, Pallandt van Keppel Stichting, Landgoed Kasteel Keppel BV, Baron van Lynden, Stichting het Lijndensche Fonds voor Kerk en Zending, Landgoed Welna BV, Landgoed ‘Huis te Maarn’ BV, Vicariestichting De Vijf Capellarijen/Ambachtsheerlijkheid Kloetinge, Maatschappij tot Exploitatie van het Landgoed Tongeren onder Epe BV, Landgoed Anderstein NV, Landgoed Bekspring BV, Landgoed Nijenhuis en Westerflier BV, Landgoed Caprera BV, Landgoed Schapenduinen BV, Stichting Schapenduinen, Landgoed de Noetselenberg BV

Talbiet

L-appellanti jitlobu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata (sentenza mogħtija fil-Kawża T-79/16);

tikkundanna lil VGG għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll tal-proċedura fl-appell;

sussidjarjament, fil-każ li l-kawża tinbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż fl-ewwel istanza u fl-appell sakemm tingħata s-sentenza definittiva.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ammissibbli r-rikors ta’ VGG

Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju li għandu jiġi ssodisfat minn VGG sabiex din titqies bħala parti kkonċernata, jiġifieri li għandu jkun hemm relazzjoni kompetittiva bejn VGG u r-rikorrenti; li hemm riskju li l-għajnuna mogħtija jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG u li ser toħloq distorsjoni tar-relazzjoni kompetittiva inkwistjoni.

Il-Qorti Ġenerali torbot l-ammissibbiltà ta’ VGG u tal-membri tagħha direttament mal-ammissibbiltà ta’ Stichting Het Nationale Park De Hoge Veluwe, l-unika lanjanta li baqa’ mis-sena 2008.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx, jew ma stabbilixxietx suffiċjentement, liema huma l-attivitajiet li fihom ir-rikorrenti u Stichting het Nationale Park De Hoge Veluwe jikkompetu ma’ xulxin konkretament. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali assumiet b’mod żbaljat li hemm relazzjoni kompetittiva bejn dawn u Stichting het Nationale Park De Hoge Veluwe.

Filwaqt li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkonstatat, b’mod żbaljat, li l-għajnuna kellha konsegwenzi konkreti fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ membri VGG u li ħolqot distorsjoni ta’ tali pożizzjoni kompetittiva.

Abbażi tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ Stichting het Nationale Park De Hoge Veluwe, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tasal għall-konklużjoni li r-rikors ta’ VGG kien ammissibbli.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji”

Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li kien hemm ksur tad-drittijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE hija żbaljata. Billi kkonstatat li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ “diffikultajiet serji” fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema PNB mal-miżura ta’ għajnuna, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali bħala “atipiku” u “globali” fid-deċiżjoni ma tirrileva ebda diffikultajiet serji; l-assenza ta’ kontabbiltà separata ma tikkostitwixxix diffikultajiet serji; u ma kienx hemm assenza ta’ mekkaniżmu sabiex jiġi evitat kumpens żejjed.

____________