Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2018 minn European Citizens’ Initiative One of Us mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-23 ta’ April 2018 fil-Kawża T-561/14, European Citizens’ Initiative One of Us et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-418/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: European Citizens’ Initiative One of Us (rappreżentanti: P. Diamond, Barrister, R. Kiska, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika tal-Polonja, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ April 2018 fil-Kawża T-561/14;

tannulla l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2014) 355 final tat-28 ta’ Mejju 2014;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell u l-ispejjeż għall-proċedura tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 117 TUE fid-dawl tal-Artikolu 11(4) TUE, l-Artikolu 24 TFUE u r-Regolament 211/2011 1 ; kwalunkwe diskrezzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun konsistenti mal-għanijiet tal-IĊE. Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għan leġiżlattiv tar-Regolament; u konsegwentement għamlitu ineffettiv.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma kkonstatatx li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2014) 355 final 2 ma tistabbilixxix il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha b’mod separat kif meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 211/2011.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tistħarreġ il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2014) 355 final bil-livell korrett ta’ stħarriġ meħtieġ. Il-Qorti Ġenerali applikat test ta’ stħarriġ limitat; jiġifieri dak ta’ żball manifest.

Ir-raba’ nett, fi kwalunkwe każ, jekk il-livell ta’ stħarriġ kif applikat mill-Qorti Ġenerali huwa t-test legali korrett (li ma huwiex aċċettat), il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonkludi li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2014) 355 final issodisfaw it-test ta’ żball manifest; fost oħrajn, il-Kummissjoni naqset milli tapplika korrettament il-Kawża C-34/10 Oliver Brüstle vs Greenpeace e.V; naqset milli tikkunsidra l-implikazzjonijiet tas-sistema “triple lock”, li ma tipprovdix garanziji etniċi (u, fil-fatt, tipprovdi inċentivi għal Stati Membri li jnaqqsu l-garanziji etiċi tagħhom sabiex jaċċedu għal fondi tar-riċerka). Il-Kummissjoni żbaljat b’mod manifest ukoll meta ssuġġeriet li, li jiġi offert aċċess għall-abort huwa obbligu internazzjonali li jirriżulta mill-Programm ta’ Azzjoni KIPI fl-1994 u mill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti; hija żbaljat ukoll fil-proposta illoġika tagħha li l-finanzjament ta’ organizzazzjonijiet li jippromwovu u li jipprattikaw abort f’pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun ta’ benefiċċju għas-saħħa materna, bħala kuntrast ma’ li jiżdiedu fondi għal sistemi tas-saħħa li huma kunsiderevolment mingħajr impjegati biżżejjed u mingħajr provvisti biżżejjed f’dawn in-nazzjonijiet.

Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta tat karatterizzazzjoni żbaljata tal-IĊE, jiġifieri bħala waħda għall-introduzzjoni ta’ tliet proposti leġiżlattivi speċifiċi, pjuttost milli waħda għall-protezzjoni tad-dinjità tal-embriju. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika approċċ korrett għall-kwistjonijiet tal-kawża.

____________

1 Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1).

2 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej imsejħa “Wieħed Minna”.