Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Ġunju 2007 - De Fays vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-62/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Chantal De Fays (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: P.-P Gehuchten u Ph. Reyniers, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2007 li tiċħad ir-rikors prekontenzjuż tar-rikorrenti għal ħlas ta' kumpens għal dannu;

tordna l-Kummissjoni tħallas is-somma ta' EUR 25,000;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti kienet ressqet ilment kontra d-deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra tal-15 ta' Settembru 2006 li kienet tagħtiha kumpens limitat għal EUR 500 bħala ħlas għal dannu morali subit minħabba li saru r-rapporti tagħha dwar l-iżvilupp tal-karriera għas-snin 2003, 2004 u 2005. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dan l-ilment.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-proċeduri sabiex saru r-rapporti dwar l-iżvilupp tal-karriera in kwistjoni huma tardivi u joħolqu sitwazzjoni ta' inċertezza fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-karriera tagħha. Barra minn hekk, ir-repetizzjoni, f'kull wieħed minn dawn ir-rapporti dwar l-iżvilupp tal-karriera, ta' kontenut allegatament dannuż u mhux xieraq, tagħti lok għal dannu morali. Il-Kummissjoni allegatament ma ħarsitx l-obbligi imposti fuqha mill-prinċipji ta' protezzjoni tad-dinjità tal-persuna umana, ta' l-amministrazzjoni tajba, tal-ħarsien ta' l-interessi tar-rikorrenti u, b'analoġija, tad-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli fir-rigward tal-fastidju fuq il-post tax-xogħol1.

____________

1 - Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54/KE, tal-5 ta' Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23); Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta' Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, p.37); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/73/KE, tat-23 ta' Settembru 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta' aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 269, P. 15).