Language of document : ECLI:EU:F:2014:192

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2014

Kawża F‑114/13

Robert Klar u Francisco Fernandez Fernandez

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni — Kumitat Ċentrali — Nomina tal-membri tat-taqsima lokali tal-Lussemburgu għall-Kumitat Ċentrali tal-Persunal — Revoka mit-taqsima lokali ta’ wieħed mill-membri sħaħ tagħha fil-Kumitat Ċentrali — Rifjut tal-Awtorità tal-Ħatra li tirrikonoxxi l-legalità tad-deċiżjoni ta’ revoka — Interess ġuridiku — Nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prekontenzjuża — Tardività tal-ilment — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu R. Klar u F. Fernandez Fernandez jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni, li skonthom ma tistax tiġi ddatata, tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) “li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-legalità tad-deċiżjoni tal-kumitat lokali tal-persunal tal-Lussemburgu [(il-Lussemburgu)] li tirrevoka l-mandat fdat lil R. Delgado-Sáez sabiex jirrappreżentah fi ħdan il-kumitat ċentrali tal-persunal tal-Kummissjoni”.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. R. Klar u F. Fernandez Fernandez għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u huma kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Mandat mogħti lil membru tal-kumitat ċentrali minn kumitat lokali tal-persunal — Deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-legalità tar-revoka tal-mandat — Rikors tal-membri tal-kumitat — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra intiża li tiżgura l-legalità tal-ħatra tar-rappreżentanti ta’ taqsima lokali tal-kumitat tal-persunal tal-Kummissjoni fil-kumitat ċentrali tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ revoka tal-mandat ta’ membru tal-kumitat ċentrali adottata minn kumitat lokali tal-persunal, li hija indirizzata, permezz tal-president tiegħu, lill-kumitat lokali u, għalhekk, lill-membri tiegħu, tista’ taffettwa l-prerogattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatra tal-membri tal-kumitat ċentrali, tal-membri tal-kumitati lokali li, għalhekk, għandhom interess ġuridiku sabiex jieħdu azzjoni legali kontra tali deċiżjoni.

(ara l-punt 52)

2.      L-atti adottati fil-kuntest tal-obbligu li jaqa’ fuq kull istituzzjoni li tiżgura l-legalità tal-elezzjonijiet għall-korpi rappreżentattivi tal-persunal, bħat-taqsimiet lokali u l-kumitat ċentrali, u tal-kompożizzjoni sussegwenti tagħhom, jikkostitwixxu deċiżjonijiet speċifiċi għal dik l-istituzzjoni. L-uffiċjali u l-membri tal-persunal li jixtiequ jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni ta’ dan it-tip huma obbligati, taħt piena ta’ inammissibbiltà tar-rikors sussegwentement ippreżentat, li jressqu l-ilment tagħhom fit-termini legali previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-kuntest ta’ rikors kontra r-rifjut tal-Awtorità tal-Ħatra li tirrikonoxxi l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ mandat ta’ rappreżentant fil-kumitat ċentrali adottata minn kumitat lokali tal-persunal ta’ istituzzjoni, deċiżjoni amministrattiva li titlob lil taqsima lokali tal-kumitat tal-persunal ta’ istituzzjoni taġixxi b’mod speċifiku tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju li kontrih għandu jitressaq l-ilment.

(ara l-punti 58, 59 u 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza de Dapper et vs Il‑Parlament, 54/75, EU:C:1976:127, punt 23

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Marx Esser u Del Amo Martinez vs Il‑Parlament, T‑182/94, EU:T:1996:130, punt 34

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, F‑71/05, EU:F:2007:184, punt 54