Language of document : ECLI:EU:C:2019:61

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C634/17

ReFood GmbH & Co. KG

vs

Landwirtschaftskammer Niedersachsen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Oldenburg (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Oldenburg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Vjeġġi ta’ skart ġewwa l‑Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Artikolu 1(3)(d) – Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali”






1.        Bi sfond il-legalità ta’ vjeġġ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja, id-domandi preliminari tal-Verwaltungsgericht Oldenburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Oldenburg, il-Ġermanja) jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni sabiex tinterpreta għall-ewwel darba l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (2), li abbażi tiegħu dan ir-regolament ma japplikax għall-“vjeġġi li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002[(3)]”, u konsegwentement, sabiex tidentifika l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 (4).

2.        Filwaqt li dan ir-rinviju preliminari jqajjem kwistjonijiet diffiċli dwar ir-rabta bejn testi tad-dritt sekondarju, huwa jitlob ukoll, minkejja ċerta tekniċità, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti preċiżazzjonijiet importanti fil-qasam ta’ vjeġġi tal-iskart u, b’mod partikolari, fil-qasam ta’ vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali.

3.        B’hekk, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha konsegwenzi konkreti ħafna fuq il-formalitajiet li għandhom jiġu osservati għall-vjeġġi fi ħdan l-Unjoni Ewropea ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3. Issa, tali kwistjoni hija kruċjali fir-rigward tat-temi ambjentali u tas-saħħa pubblika marbuta mal-politika tal-ġestjoni tal-iskart u tal-prodotti sekondarji, partikolarment prodotti sekondarji tal-annimali (5).

4.        Fil-konklużjonijiet preżenti, ser nesponi r-raġunijiet li minħabba fihom l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li l-vjeġġ tal-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 inkwistjoni jaqa’, sakemm mhux previst mod ieħor, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 (6) u mhux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 1013/2006

5.        Il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprovdu:

“(11)      Huwa meħtieġ li tiġi evitata duplikazzjoni mar-Regolament [Nru 1774/2002] li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman, li diġà fih dispożizzjonijiet li jkopru l-kunsinna b’mod ġenerali, id-direzzjoni u l-moviment (il-ġbir, it-trasport, l-immaniġġar, l-ipproċessar, l-użu, l-irkupru jew ir-rimi, iż-żamma ta’ records, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u t-traċċabbiltà) ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali fi, lejn u mill-Komunità.

(12)      Il-Kummissjoni għandha tirrapporta sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament dwar ir-relazzjoni bejn il-leġislazzjoni settorali eżistenti dwar is-saħħa ta’ l-annimali u dik pubblika u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u għandha tippreżenta sa dik id-data kwalunkwe proposti meħtieġa sabiex tali leġislazzjoni ssir konformi ma’ dan ir-Regolament sabiex jintlaħaq livell ekwivalenti ta’ kontroll.”

6.        Skont l-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament:

“Dan li ġej għandu jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

d)      vjeġġi li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tar-Regolament [Nru 1774/2002];

[…]”

7.        Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, il-vjeġġi li għandhom bħala suġġett skart intiż għar-rimi u skart intiż għall-irkupru, għal dan tal-aħħar meta jkun b’mod partikolari skart li jidher fuq il-lista ambru (7), huma suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel previsti mir-Regolament Nru 1013/2006. Bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, ir-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament japplikaw meta l-vjeġġ jikkonċerna kwantità ikbar minn 20kg ta’ taħlitiet ta’ ċertu skart jew ta’ ċertu skart ikkontaminat.

B.      Id-Direttiva 2008/98

8.        Il-premessi 12 u 13 tad-Direttiva 2008/98 jgħidu:

“(12)      Ir-Regolament [Nru 1774/2002] jipprovdi, inter alia, kontrolli proporzjonati fir-rigward tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar, l-użu u r-rimi tal-prodotti sekondarji kollha mill-annimali inkluż l-iskart li joriġina mill-annimali, sabiex jiġi evitat li dan jippreżenta riskju għas-saħħa ta’ l-annimali u dik pubblika. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi ċċarata r-rabta ma’ dak ir-Regolament, biex jiġu evitati regoli dduplikati billi l-prodotti sekondarji mill-annimali fejn dawn huma maħsuba għall-użi li m’humiex ikkunsidrati bħala operazzjonijiet ta’ skart jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(13)      Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 1774/2002], huwa xieraq li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-iskart u tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar skart perikoluż fir-rigward tal-prodotti sekondarji mill-annimali regolati bir-Regolament [Nru 1774/2002]. Fejn prodotti sekondarji mill-annimali joħolqu riskji potenzjali għas-saħħa, l-istrument legali xieraq biex jindirizza dawn ir-riskji huwa r-Regolament [Nru 1774/2002] u għandu jiġi evitat li jirdoppja inutilment il-leġiżlazzjoni ta’ l-iskart.”

9.        Skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva:

“Dawn li ġejjin għandhom jiġu eskluzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva sal-punt li huma koperti minn leġiżlazzjoni Komunitarja oħra:

[…]

b)      prodotti sekondarji mill-annimali inkluż prodotti pproċessati koperti mir-Regolament [Nru 1774/2002], ħlief dawk li huma destinati għall-inċinerazzjoni, għar-radam jew għall-użu f’impjant ta’ bijogass jew ta’ kompostaġġ;

[…]”

C.      Ir-Regolament Nru 1069/2009

10.      Il-premessi 5, 6, 57 u 58 tar-Regolament Nru 1069/2009 jgħidu:

“(5)      Ir-regoli tas-saħħa Komunitarji għall-ġbir, it-trasport, l-immaniġġar, it-trattament, it-trasformazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu stipulati f’qafas koerenti u komprensiv.

(6)      Dawn ir-regoli ġenerali għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali li jinħoloq minn prodotti sekondarji tal-annimali meta jiġu indirizzati mill-operaturi fi stadji differenti tul il-katina mill-ġbir għall-użu jew ir-rimi tagħhom. Ir-regoli għandhom iqisu wkoll ir-riskji għall-ambjent maħluqa matul dawn l-operazzjonijiet. Il-qafas Komunitarju għandu jinkludi regoli tas-saħħa fuq it-tqegħid fis-suq, inklużi l-kummerċ intrakomunitarju u l-importazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, fejn xieraq.

[…]

(57)      Għal raġunijiet ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, hemm bżonn li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iskart. B’mod partikolari, il-konsistenza għandha tiġi żgurata permezz ta’ projbizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-iskart stipulati fir-Regolament [Nru 1013/2006]. Biex jiġu evitati l-effetti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, għandha tiġi pprojbita l-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati ddestinati għar-rimi permezz ta’ inċinerazzjoni u landfill. L-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għandha tiġi evitata wkoll meta l-objettiv ikun li jintużaw f’impjant tal-bijogass jew tal-kompost f’pajjiżi terzi li ma humiex membri tal-[OECD], biex jiġu evitati l-impatti ambjentali potenzjalment negattivi u r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Meta tapplika d-dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-projbizzjoni tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni hi obbligata tirrispetta bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet tagħha l-[Konvenzjoni ta’ Basel] u l-emenda għal din il-Konvenzjoni stipulata fid-Deċiżjoni III/1 tal-Konferenza tal-Partijiet, kif approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/640/KE[(8)], u implimentati bir-Regolament [Nru 1013/2006].

(58)      Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li prodotti sekondarji tal-annimali mħallta jew ikkontaminati bi skart perikoluż, kif elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż [(9)] jiġu importati, esportati jew mibgħuta biss bejn l-Istati Membri skont ir-Regolament [Nru 1013/2006]. Jeħtieġ ukoll li jiġu stipulati regoli dwar id-dispaċċ ta’ materjal bħal dan fi Stat Membru.”

11.      L-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika sekondarji li ġejjin mill-annimali:

[…]

g)      skart mill-catering, għajr jekk:

[…]

iii)      ikun maħsub għal proċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressa jew għal proċessar permezz tal-metodi msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jew għal trasformazzjoni f’bijogass jew f’kompost;

[…]”

12.      Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament:

“Il-materjal tal-Kategorija 1 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

[…]

f)      skart mill-catering minn mezzi ta’ trasport li joperaw internazzjonalment;

[…]”

13.      Abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1069/2009:

“Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

[…]

p)      skart mill-catering għajr kif imsemmi fl-Artikolu 8(f).”

14.      L-Artikolu 48(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1.      Meta operatur ikun bi ħsiebu jibgħat materjal tal-Kategorija 1, materjal tal-Kategorija 2 u ikel ta’ laħam u għadam jew xaħam tal-annimali li jkun ġej minn materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2 lejn Stat Membru ieħor, għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jiddeċiedi mal-applikazzjoni mill-operatur, f’perjodu speċifiku ta’ żmien:

a)      li jirrifjuta l-wasla tal-konsenja;

b)      li jaċċetta l-konsenja bla kondizzjoni; jew

c)      li jirrikonoxxi r-riċezzjoni tal-konsenja tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

i)      jekk il-prodotti derivati ma jkunux għaddew minn sterilizzazzjoni bil-pressa, ikollhom jgħaddu minn dan it-trattament; jew

ii)      il-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati jridu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għad-dispaċċ tal-konsenja li jkunu ġġustifikati għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali sabiex jiġi żgurat li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jkunu maniġġati b’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.      Għandhom jiġu adottati formati għall-applikazzjonijiet minn operaturi msemmija fil-paragrafu 1 b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).

3.      L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, permezz tas-sistema Traces b’konformità mad-Deċiżjoni 2004/292/KE [tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-applikazzjoni tas-sistema TRACES u li temenda lid-Deċiżjoni 92/486/KEE (10)], tad-dispaċċ ta’ kull konsenja mibgħuta lill-Istat Membru tad-destinazzjoni, ta’:

a)      prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati msemmija fil-paragrafu 1;

b)      proteini tal-annimali pproċessati ġejjin minn materjal tal-Kategorija 3.

Meta tiġi infurmata bid-dispaċċ, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini bil-wasla ta’ kull konsenja permezz tas-sistema Traces.

4.      Il-materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2, ikel ta’ laħam u għadam u xaħam tal-annimali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu trasportati direttament lejn lill-impjant ta’ destinazzjoni, li kellu jkun reġistrat jew approvat skont l-Artikoli 23, 24 u 44 jew, fil-każ ta’ demel, lir-razzett ta’ destinazzjoni.

5.      Meta prodotti sekondarji jew prodotti derivati jintbagħtu lil Stati Membri oħrajn permezz tat-territorju ta’ pajjiż terz, huma għandhom jintbagħtu b’konsinja li ġew issiġillati fl-Istat Membru tal-oriġini u għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa.

Il-konsenji ssiġillati għandhom jerġgħu jidħlu fil-Komunità biss permezz ta’ post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera, b’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/662/KEE [tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern[(11)].

6.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa 5, il-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati msemmija fihom li tħalltu jew ġew ikkontaminati ma’ kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni [2000/532] għandhom jintbagħtu lejn Stati Membri oħrajn suġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament [Nru 1013/2006].”

15.      L-Artikolu 54 tal-istess regolament jipprovdi:

“Ir-Regolament [Nru 1774/2002] huwa b’dan imħassar b’effett mill-4 ta’ Marzu 2011.

Ir-referenzi għar-Regolament [Nru 1774/2002] għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni stipulata fl-Anness.”

II.    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      Fis-7 ta’ April 2014, trakk, misjuq minn membru tal-persunal ta’ ReFood GmbH & Co. KG, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kien mgħobbi bi prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3, fis-sens tar-Regolament Nru 1069/2009, li nġabru fil-Pajjiżi l-Baxxi, ġie kkontrollat mill-pulizija Ġermaniża, meta dawn il-prodotti kienu qegħdin jitwasslu lejn stabbiliment ta’ ReFood li jinsab fil-Ġermanja, fejn kellhom jiġu pproċessati mill-ġdid sabiex, wara, jiġu rkuprati f’impjant tal-bijogass, li jinsab ukoll fil-Ġermanja.

17.      Wara dan il-kontroll, il-Landwirtschaftskammer Niedersachsen (il-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja), konvenuta fil-kawża prinċipali, ordnat lil ReFood sabiex tibgħat dan l-iskart lura lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba l-fatt li, għall-vjeġġ tal-iskart inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, kienet neċessarja l-proċedura ta’ notifika.

18.      Fis-16 ta’ Lulju 2014, ReFood ippreżentat rikors, quddiem il-qorti tar-rinviju, sabiex tikkontesta l-legalità tal-ordni mogħtija mill-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen.

19.      Din il-qorti tenfasizza li, fil-każ ta’ vjeġġ illegali ta’ skart li għalih ma ġiet ippreżentata l-ebda notifika, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’, abbażi tal-Gesetz zur Ausführung der Verordnung (EG) Nr. 1013/2006 des Europäischen Parlaments und des Rates vom 14. Juni 2006 über die Verbringung von Abfällen und des Basler Übereinkommens vom 22. März 1989 über die Kontrolle der grenzüberschreitenden Verbringung gefährlicher Abfälle und ihrer Entsorgung (il-Liġi li timplimenta r-Regolament Nru 1013/2006 u l-Konvenzjoni ta’ Basel) (12), tad-19 ta’ Lulju 2007, tipproċedi għall-ordnijiet neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-iskart inkwistjoni jerġa’ jittieħed mill-persuna li kienet marbuta twettaq notifika abbażi tal-punt 15 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006.

20.      Madankollu, hija żżid li, jekk il-vjeġġ inkwistjoni kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament abbażi tal-Artikolu 1(3)(d) tiegħu, ma tistax tingħata tali ordni.

21.      Filwaqt li l-legalità tal-ordni mogħtija kontra ReFood tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-vjeġġ ta’ skart inkwistjoni jaqax taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006 u jekk kienx suġġett għal proċedura ta’ notifika abbażi ta’ dan ir-regolament, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li la l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas ix-xogħol preparatorju tal-istess regolament ma jippermettulha tiddetermina l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(d) tal-imsemmi regolament.

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Oldenburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Oldenburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      [L-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006] għand[u] [j]iġi [interpretat] fis-sens ta’ eżenzjoni li tapplika għall-vjaġġi kollha li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 (2), jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

2)      Id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens ta’ eżenzjoni li tapplika għal vjaġġi li huma suġġetti għal regoli dwar il-kollezzjoni, it-trasport, l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU 2011, L 54, p. 1)?

Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv:

3)      Id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens ta’ eżenzjoni li tapplika biss għal dawk il-vjaġġi li huma spedizzjonijiet li jeħtieġu kunsens skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009?”

III. Analiżi

23.      Qabel kollox, jidhirli li huwa importanti li jiġu enfasizzati żewġ punti.

24.      Minn naħa, huwa stabbilit li l-prodotti inkwistjoni huma fdalijiet tal-catering li għandhom, sa fejn ma jiġux minn mezzi ta’ trasport li joperaw fuq il-livell internazzjonali, jiġu kklassifikati bħala prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 fis-sens tal-Artikolu 10(p) tar-Regolament Nru 1069/2009. Huwa stabbilit ukoll, abbażi tal-Artikolu 2(2)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1069/2009, li skart mill-catering, kompost minn prodotti sekondarji tal-annimali u li huwa intiż għal trasformazzjoni f’bijogass jew għal sterilizzazzjoni jew sabiex isir f’kompost, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

25.      Min-naħa l-oħra, it-tliet domandi preliminari ma jippermettux eżami suċċessiv, iżda jeżiġu, bil-kontra, analiżi konġunta.

26.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-termini, “vjeġġi [ta’ skart] li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tar-Regolament [Nru. 1774/2002]”, li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża fl-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006, għandhomx jiġu interpretati b’tali mod li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-vjeġġi kollha koperti mir-Regolament Nru 1069/2009 jew biss uħud minn dawn il-vjeġġi, li jissodisfaw kundizzjonijiet speċifiċi imposti minn dan tal-aħħar.

27.      Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddetermina l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1013/2006 u, bħala konsegwenza, l-applikabbiltà tal-proċedura ta’ notifika prevista, għal skart bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

28.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ser neżamina jekk il-vjeġġ ta’ skart bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3, mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja huwiex, jew le, suġġett għal din il-proċedura ta’ notifika.

29.      Fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, hija teħtieġ in fine li jiġi ddeterminat jekk dan il-vjeġġ jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009, li jirregola esklużivament il-prodotti sekondarji tal-annimali kif ukoll il-vjeġġi ta’ dawn il-prodotti, jew taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-legalità tal-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali bl-eċċezzjoni tal-“vjeġġi […] suġġetti għar-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tar-Regolament [Nru 1774/2002]”.

30.      F’dan ir-rigward, ninnota mill-bidu, u bħall-Kummissjoni, li, peress li r-Regolament Nru 1013/2006 ma jagħtix definizzjoni ta’ din l-espressjoni, il-kliem tal-Artikolu 1(3)(d) ta’ dan ir-regolament ma joffri l-ebda soluzzjoni inkontestabbli għall-problema li biha hija adita l-Qorti tal-Ġustizzja (13).

31.      Barra minn hekk, din l-espressjoni lanqas ma tidher fir-Regolamenti Nri 1774/2002 u 1069/2009.

32.      Minn naħa, għandu jiġi stabbilit li r-Regolament Nru 1774/2002 ma kien jissuġġetta t-trasport jew il-vjeġġ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali għal ebda approvazzjoni (14). B’mod partikolari, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1774/2002 ma kienx jeħtieġ “approvazzjoni” għat-trasport ta’ prodotti sekondarji tal-annimali (15).

33.      Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti fformalizzati mir-Regolament Nru 1069/2009 ma humiex inekwivoċi.

34.      B’mod partikolari, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan ir-regolament ma jippermettux li jiġi ċċarat b’mod definittiv is-sens tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu s-sors tiegħu fil-verżjoni Ġermaniża tar-Regolament Nru 1069/2009 juri, iktar u iktar, l-ambigwità tat-termini ta’ dan ir-regolament.

35.      B’hekk, il-pożizzjoni tal-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen, li tipprovdi li l-vjeġġ ta’ skart inkwisjtoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 u għandu jiġi nnotifikat, hija bbażata, hekk kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-premessa li, peress li l-Artikolu 48(2) tar-Regolament Nru 1069/2009 jagħmel riferiment għal “applikazzjonijiet ta’ approvazzjoni” għad-dispaċċ ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji 1 jew 2 billi jeskludi l-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3, dawn tal-aħħar ma jaqgħux taħt l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006.

36.      Issa, il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 48(2) tar-Regolament Nru 1069/2009 tirreferi għal “Formate für Anträge auf Zulassung”, litteralment “mudelli għall-applikazzjonijiet għal approvazzjoni”, filwaqt li, pereżempju, il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Daniża, Ingliża u Franċiża jużaw rispettivament il-kliem “formatos para las solicitudes”, “formater for ansøgninger”, “formats for applications” u “modèles pour les demandes”, fejn jirreferu għal mudelli għal “applikazzjonijiet” u mhux għal applikazzjonijiet għal “approvazzjoni”.

37.      Minbarra l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (16), il-pożizzjoni tal-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen li tipprovdi li l-vjeġġ tal-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 ma tikkonvinċinix.

38.      Fl-opinjoni tiegħi, tali interpretazzjoni tmur kontra diversi argumenti ewlenin ibbażati fuq ix-xogħol preparatorju, l-ispirtu, l-iskema ġenerali u l-għan tar-Regolamenti Nri 1013/2006 u 1069/2009.

39.      Fl-ewwel lok u b’mod ġenerali, jidhirli loġiku li jiġi kkunsidrat li, bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni settorjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni juri r-rieda tiegħu li jissuġġetta għal sistema partikolari kategoriji speċifiċi ta’ prodotti jew ta’ skart.

40.      F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1069/2009 huwa leġiżlazzjoni settorjali, li, bħar-Regolament Nru 1774/2002, tistabbilixxi regoli fil-qasam ta’ vjeġġi u ta’ trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali u li tieħu inkunsiderazzjoni, min-natura tagħha stess, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn, fir-rigward, pereżempju, tar-riskji partikolari li huma joħolqu (17). Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni, bħala prinċipju, hija intiża sabiex tirregola kompletament u esklużivament dawn il-prodotti sekondarji (18).

41.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat b’mod ċar, dwar ir-rabta tal-leġiżlazzjonijiet preċedenti dwar l-iskart, li d-“Direttiva 94/62[/KE (19)] għandha tiġi kkunsidrata bħala liġi speċjali (lex specialis) fil-konfront tad-Direttiva 75/442[/KEE (20)], b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tagħha jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tal-aħħar fis-sitwazzjonijiet li hija intiża sabiex tirregola speċifikament” (21).

42.      Minn dan jirriżulta li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni settorjali hija intiża sabiex tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni ġenerali dwar l-iskart.

43.      Din il-pożizzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, imsaħħa mill-esklużjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa fid-Direttiva 2008/98, direttiva qafas dwar l-iskart, kif ukoll mir-rabta bejn din u l-leġiżlazzjonijiet settorjali speċifiċi.

44.      B’hekk, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/98, il-prodotti sekondarji tal-annimali, inklużi l-prodotti pproċessati koperti mir-Regolament Nru 1774/2002, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Tali esklużjoni turi r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi ċerta kategorija ta’ skart, il-prodotti sekondarji tal-annimali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali f’dan il-qasam (22).

45.      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni li tipprovdi li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-vjeġġi tagħhom huma, bħala prinċipju, esklużivament irregolati mid-dispożizzjonijiet settorjali, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 1069/2009, tirriżulta mill-pożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet fix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1013/2006.

46.      Ninnota, f’dan ir-rigward, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(6) tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament (23) kien jipprevedi li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament dwar il-vjeġġi tal-iskart, il-vjeġġi ta’ skart koperti mir-Regolament Nru 1774/2002 “sa fejn huma suġġetti għal dispożizzjonijiet ta’ proċedura analogi jew iktar stretti abbażi ta’ dan ir-regolament jew ta’ testi leġiżlattivi Komunitarji oħra konnessi dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali u s-saħħa pubblika”.

47.      Issa, l-emendi li saru għal din il-proposta mill-Kunsill u li wasslu għall-kliem tal-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 (24) nftiehmu mill-Kummissjoni bħala esklużjoni totali tal-prodotti sekondarji tal-annimali mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-vjeġġi tal-iskart (25). Dan jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni deċiża mill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjeġġi ta’ skart, li fiha hija indikat li “[i]l-Kunsill għamel għadd ta’ emendi addizzjonali fil-proposta. L-aktar importanti hija li l-Artikolu 1(3)(d) jeskludi kompletament il-prodotti sekondarji tal-annimali mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament” (26).

48.      Konsegwentement, kif enfasizza ġustament il-Gvern Olandiż, ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1013/2006 juri li l-Kunsill xtaq li l-prodotti sekondarji tal-annimali jiġu esklużi kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, indipendentement mill-kwistjoni tal-ekwivalenza tal-proċeduri tal-vjeġġ previsti mir-Regolament Nru 1774/2002.

49.      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni proposta mill-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen hija mdgħajfa mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali u mill-koerenza li dejjem tiżdied bejn din il-leġiżlazzjoni u r-Regolament Nru 1013/2006.

50.      Fil-fatt, l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 ma jippreċiżax għal liema approvazzjoni prevista mir-Regolament Nru 1774/2002 qiegħed isir riferiment, filwaqt li, hekk kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan tal-aħħar ma kien jissuġġetta t-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali għal ebda approvazzjoni.

51.      Minn dan isegwi li, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, il-koerenza bejn il-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali u dan tal-aħħar saret dubjuża.

52.      Madankollu, l-evoluzzjoni leġiżlattiva dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali hija akkumpanjata minn koerenza dejjem tikber bejn dawn il-leġiżlazzjonijiet.

53.      B’mod partikolari, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu neċessarjament f’moħħu, fiż-żmien tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006, kemm id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru°1069/2009 kif ukoll il-premessi tiegħu juru r-rieda ta’ dan il-leġiżlatur li jiżgura, jekk mhux jistabbilixxi, ċerta koerenza bejn dan ir-regolament u r-Regolament Nru 1013/2006.

54.      Il-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 1069/2009 jippreċiżaw li r-regoli dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji għall-ambjent li joħolqu dawn il-prodotti u jikkostitwixxu qafas koerenti u komplet fir-rigward partikolarment it-trasport ta’ tali prodotti. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, barra minn hekk, indika mingħajr ambigwità fil-premessi 57 u 58 ta’ dan ir-regolament li, “[g]ħal raġunijiet ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, hemm bżonn li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iskart” u, b’mod partikolari, li l-prodotti sekondarji tal-annimali mħallta ma’ skart perikoluż jew ikkontaminati minn tali skart kellhom jiġu biss importati, esportati jew mibgħuta lejn Stat Membru ieħor konformement mar-Regolament Nru 1013/2006.

55.      Ifformalizzati fl-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1069/2009, dawn l-indikazzjonijiet juru r-rieda ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta, bħala prinċipju, il-prodotti sekondarji tal-annimali esklużivament għal dan tal-aħħar.

56.      Minn interpretazzjoni a contrario tal-Artikolu 48(6) tar-Regolament Nru 1069/2009, li ma kellux ekwivalenti fir-Regolament Nru 1774/2002, jirriżulta li l-vjeġġ tal-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 huwa rregolat esklużivament minn dan ir-regolament. Fil-fatt, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-prodotti sekondarji tal-annimali mħallta ma’ skart perikoluż jew ikkontaminati minn tali skart jintbagħtu lejn Stati Membri oħra biss suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006, hemm lok li jiġi dedott, bħalma għamlet ReFood, li l-vjeġġi l-oħra ta’ prodotti sekondarji tal-annimali ma jaqgħux taħt dan ir-regolament tal-aħħar.

57.      Minn dan jirriżulta li, hekk kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-testi huwa b’hekk iddefinit b’mod ċar u, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni espliċita, il-vjeġġ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jaqa’ esklużivament taħt ir-Regolament Nru 1069/2009.

58.      Fir-raba’ lok, dan l-approċċ huwa, fl-opinjoni tiegħi, ikkonfermat mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 moqri fid-dawl tal-premessa 11 ta’ dan it-test (27).

59.      Skont din il-premessa, minn naħa, hemm lok li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet mar-Regolament Nru 1774/2002 u, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament kien previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala leġiżlazzjoni kompleta fil-qasam tal-prodotti sekondarji tal-annimali (28).

60.      Għaldaqstant, l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1013/2006, moqri fid-dawl tan-neċessità, espressa fil-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, li tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn dan it-test u l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali jwassalni sabiex naħseb li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi kompletament il-vjeġġi tal-prodotti sekondarji tal-annimali mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, minħabba l-fatt, partikolarment, li r-Regolament Nru 1774/2002 kien jikkostitwixxi leġiżlazzjoni kompleta u awtonoma f’dan il-qasam (29).

61.      L-interpretazzjoni proposta mill-Gvern tal-Awstrija, li tipprovdi li peress li l-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 ma humiex koperti mill-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1069/2009, huma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, tinjora l-premessa 11 tar-Regolament Nru 1013/2006.

62.      Fil-fatt, mhux talli ma tevitax id-duplikazzjoni bejn ir-Regolamenti Nri 1013/2006 u 1069/2009, din l-interpretazzjoni timplika, bil-kontra, li ċerti prodotti sekondarji tal-annimali huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ regolamenti.

63.      F’dan ir-rigward, il-fatt li r-Regolamenti Nri 1013/2006 u 1069/2009 isegwu għanijiet differenti, li huma l-protezzjoni tal-ambjent (30) u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali(31), ma jidhirlix li huwa determinanti.

64.      Ċertament, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li vjeġġ tal-għalf tal-annimali, bħala prinċipju eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 259/93, kellu jitwettaq f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1774/2002 fir-rigward tar-riskji għall-ambjent u tar-riskji sanitarji li jinħolqu minn tali vjeġġ (32).

65.      Fl-opinjoni tiegħi, dan ir-raġunament ma jiġġustifikax interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 minn dik deskritta s’issa, peress li r-Regolament Nru 1069/2009 jissuġġetta għad-dispożizzjonijiet iktar stretti tar-Regolament Nru 1013/2006 (33) l-vjeġġi tal-prodotti sekondarji tal-annimali li jistgħu jippreġudikaw lill-ambjent (34).

66.      Fil-ħames lok, l-interpretazzjoni proposta mill-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen twassal, hekk kif enfasizzaw ġustament il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, għal riżultat paradossali.

67.      Fil-fatt, li jiġi kkunsidrat li l-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1013/2006 jwassal sabiex jiġu applikati regoli iktar stretti għal prodotti inqas perikolużi, peress li l-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 huma, skont ir-Regolament Nru 1069/2009 (35), bħala definizzjoni, inqas dannużi għas-saħħa pubblika u tal-annimali mill-prodotti tal-kategoriji 1 u 2 (36).

68.      Bl-istess mod, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata, b’mod partikolari, fuq l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1069/2009, ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tiġi segwita, sa fejn, bħalma enfasizzat ReFood waqt is-seduta, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi dedotta, la mill-kliem, u lanqas mill-iskema tar-regolamenti inkwistjoni f’dan il-każ.

69.      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament ma japplikax għall-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li ma jitwettqux mill-operaturi, mill-impjanti jew mill-istabbilimenti rreġistrati jew approvati konformement mal-Artikolu 23 jew mal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1069/2009 jew li huma diretti lejn operaturi, impjanti jew stabbilimenti rreġistrati jew approvati konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk ir-regoli tar-Regolament Nru 1069/2009 jiġu osservati.

70.      Hija tqis, fir-rigward tal-premessa 11 tar-Regolament Nru 1013/2006 u tal-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 1069/2009, li l-ewwel regolament ma huwiex intiż sabiex japplika għall-vjeġġ tal-prodotti sekondarji tal-annimali meta l-imperattiv tal-protezzjoni tal-ambjent diġa ttieħed debitament inkunsiderazzjoni, ladarba d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1069/2009 ikunu rrispettati. Sa fejn ir-Regolament Nru 1069/2009 jipprevedi regoli li japplikaw għall-operaturi, għall-istabbilimenti jew għall-impjanti li jaqgħu taħt l-Artikoli 23 u 24 ta’ dan ir-regolament, ma huwiex neċessarju li r-Regolament Nru 1013/2006 japplika għall-vjeġġi bejn operaturi, stabbilimenti u impjanti approvati jew irreġistrati konformement mal-imsemmija artikoli, sakemm ir-rekwiżiti l-oħra tar-Regolament Nru 1069/2009 jiġu osservati.

71.      Qabel kollox, din l-interpretazzjoni twassal sabiex taħbi r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, espressa b’mod ċar waqt il-proċedura leġiżlattiva, li jeskludi l-prodotti sekondarji tal-annimali mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006.

72.      Sussegwentement, jidhirli li, billi targumenta favur tali interpretazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tipprova timponi l-pożizzjoni li hija kienet iddefendiet matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 (37), minkejja li din il-pożizzjoni ma ġietx segwita mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

73.      Fl-aħħar, tali interpretazzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, sors ta’ inċertezza legali.

74.      Minn naħa, hija tissoponi li l-operaturi jevalwaw għal kull vjeġġ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1069/2009 humiex suffiċjentement protettivi tal-ambjent, u għaldaqstant, ma tippermettix effettivament li jiġi previst ex ante liema regolament huwa applikabbli għal vjeġġ speċifiku.

75.      Min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni speċifikat waqt is-seduta li, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1069/2009 ma jiġux osservati, għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1013/2006, ma huwiex eskluż li tkun paradossalment meħtieġa l-osservanza tad-dispożizzjonijiet iktar stretti tar-Regolament Nru 1013/2006 fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1069/2009, li huma a priori inqas stretti.

IV.    Konklużjoni

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Oldenburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Oldenburg, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir‑Regolament (KE) Nru 1774/2002 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 1013/2006, sakemm ma jkunx hemm deroga espliċita prevista fir-Regolament Nru 1069/2009.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2006, L 190, p. 1; rettifika ĠU 2013, L 334, p. 46.


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 92; rettifika ĠU 2007, L 30, p. 3).


4      Din ma hijiex l-ewwel darba li tqajmet id-domanda dwar ir-rabta bejn il-leġiżlazzjoni dwar vjeġġi tal-iskart u dik dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali. Madankollu, fis-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2007, KVZ retec (C‑176/05, EU:C:2007:123), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ħadet pożizzjoni direttament fuq ir-rabta bejn ir-Regolament Nru 1013/2006 u r-Regolament Nru 1774/2002, peress li l-ewwel wieħed ma kienx applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.


5      Kif afferma b’mod ċar il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 6 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), “[l]-ewwel objettiv ta’ kwalunkwe politika dwar l-iskart għandu jkun li jiġu mminimizzati l-effetti negattivi li għandhom il-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.”


6      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002. Għall-finijiet ta’ kompletezza, nenfasizza li peress li r-Regolament Nru 1774/2002 tħassar bir-Regolament Nru 1069/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża fl-Artikolu 54 ta’ dan tal-aħħar li r-referenzi għar-Regolament Nru 1774/2002 fil-leġiżlazzjoni għandhom jinftiehmu bħala referenzi għar-Regolament Nru 1069/2009.


7      Li toħroġ mil-leġiżlazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u mill-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu, iffirmata fit-22 ta’ Marzu 1989 u approvata, f’isem il-Komunità, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal-1 ta’ Frar 1993 (ĠU 1993, L 39, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Basel”). Il-klassifikazzjoni tal-iskart f’żewġ listi, aħdar u ambru, tiddependi fuq kemm huwa perikoluż l-iskart u l-proċeduri applikabbli għall-vjeġġ tiegħu. Fuq il-klassifikazzjoni u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha, ara de Sadeleer, N., Droit des déchets de l’UE. De l’élimination à l’économie circulaire, Bruylant, Brussell, 2016, p. 360, 364, u 378 sa 382.


8      Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 1997 fuq l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità, ta’ l-emenda għall-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment bejn il-fruntieri ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Konvenzjoni ta’ Basilea), kif stabbilit f’Deċiżjoni III/1 tal-Konferenza tal-Partijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 308).


9      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 151.


10      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 367.


11      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 9, p. 214.


12      BGBl. I, p. 1462.


13      L-eċċezzjoni li tidher fl-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 ma kinitx ġiet prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 tal-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176), b’tali mod li l-leġiżlazzjoni preċedenti ma tistax tiggwida l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.


14      Konformement mal-Artikoli 10 sa 15 ta’ dan ir-regolament, l-approvazzjonijiet kienu jikkonċernaw l-impjanti intermedjarji, l-approvazzjonijiet għall-ħażna, l-impjanti ta’ inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni, l-impjanti tal-ipproċessar, l-impjanti oleokimiċi u l-impjanti tal-produzzjoni tal-bijogass u l-impjanti fejn isir il-kompost.


15      Indipendentement mill-verżjoni lingwistika ta’ din id-dispożizzjoni, hija kienet tissuġġetta għal approvazzjoni tal-Istat Membru destinatarju t-trasport lejn dan l-Istat Membru tal-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji 1 u 2 billi teskludi l-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3.


16      Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Léger (C‑528/13, EU:C:2015:288, punt 35). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li “[i]d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom fil-fatt jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti”.


17      Fuq dan il-punt, ninnota li l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali ġiet adottata wara bosta kriżijiet ta’ trobbija tal-bhejjem, bħall-enċefalopatija sponġiformi bovina, il-marda tal-ilsien u d-dwiefer jew id-deni tal-ħnieżer, u hija intiża, għaldaqstant, sabiex tirrispondi għall-problemi speċifiċi kkawżati minn dawn il-prodotti (ara de Sadeleer, N., op. cit., p. 271 u 272).


18      Il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna tar-Regolamenti Nri 1774/2002 u 1069/2009 jikkonferma din l-analiżi. B’hekk, konformement mal-Artikolu 3(1) tal-ewwel u mal-Artikolu 4(2) tat-tieni, dawn it-testi japplikaw għall-ġbir, għat-trasport, għall-manipulazzjoni, għall-konverżjoni, għat-tqegħid fis-suq, għad-distribuzzjoni u għall-eliminazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali.


19      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349).


20      Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23).


21      Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling (C‑444/00, EU:C:2003:356, punt 57).


22      Ara de Sadeleer, N., op. cit., p. 152 u 154.


23      Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjeġġi tal-iskart (COM(2003) 379 finali).


24      Filwaqt li l-Parlament Ewropew kien ippropona li jitħassar dan l-artikolu u l-Kummissjoni kienet irrifjutat din il-proposta tal-Parlament, mill-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 28/2005, deċiża mill-Kunsill fl-24 ta’ Ġunju 2005, għall-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna l-iskart (ĠU 2005, C 206 E, p. 1), jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(6) tal-proposta tal-Kummissjoni tħassar u ġie ssostitwit bl-Artikolu 1(3)(e), li l-kliem tiegħu jikkorrispondi għall-kliem tal-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006.


25      COM(2005) 303 finali (p. 10 u 11).


26      Punt 3.2.5 ta’ din il-komunikazzjoni.


27      Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, “il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u la jista’ jiġi invokat sabiex isiru derogi mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex id-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu interpretati f’sens li jkun manifestament kuntrarju għat-termini tagħhom” (sentenza tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 38)). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “il-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jippreċiża l-kontenut tiegħu” (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 42), ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Meta Fackler (C‑444/03, EU:C:2005:64)).


28      F’dan ir-rigward, nenfassizza li, sabiex jiġu ppreċiżati l-kriterji li fid-dawl tagħhom ir-rapporti bejn id-Direttiva 2008/98 u r-Regolament Nru 1774/2002 għandhom jiġu stabbiliti, il-premessi 12 u 13 ta’ din id-direttiva huma ispirati ħafna mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1013/2006.


29      Fis-sens li, konformement mal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1774/2002 u mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1069/2009, dawn it-testi japplikaw għall-ġabra, għat-trasport, għall-ħażna, għat-trattament, għall-ipproċessar u għall-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali.


30      Ara l-premessa 1 tar-Regolament Nru 1013/2006 kif ukoll il-punt 32 tas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Nutrivet (C‑69/15, EU:C:2016:425).


31      Ara l-premessi 1 u 66 kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1069/2009. Madankollu, il-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali tinsab “mifruxa fuq id-dritt tal-prodotti u tal-ambjent” (de Sadeleer, N., op. cit., p. 271).


32      Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2007, KVZ retec (C‑176/05, EU:C:2007:123).


33      Jirriżulta li, fir-rigward ta’ vjeġġi ta’ skart, l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1013/2006 huma iktar stretti minn dawk tar-Regolament Nru 1069/2009. Fir-rigward, pereżempju, tad-dispaċċ lejn Stati Membri oħra tal-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji 1 u 2, l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1069/2009 jipprevedi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru destinatarju jiġu informati bil-vjeġġ, sabiex din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tirrifjuta li jintbagħat, li taċċetta mingħajr kundizzjoni jew li taċċetta taħt xi kundizzjonijiet. Fir-rigward tar-Regolament Nru 1013/2006, huwa jipprevedi, għall-vjeġġi fl-intern tal-Unjoni mill-inqas rekwiżiti ġenerali, fejn l-iskart għandu jkun akkumpanjat minn dokumenti previsti minn dan ir-regolament. Madankollu, il-vjeġġi ta’ skart intiż sabiex jintrema u vjeġġi ta’ skart intiż sabiex jiġi rkuprat, jeżiġu l-osservanza tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel deskritta fl-Artikoli 4 sa 17 tar-Regolament Nru 1013/2006. Minbarra l-firma ta’ kuntratt u l-istabbiliment ta’ garanzija finanzjarja jew ta’ assigurazzjoni għal dan, ir-regolament jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti destinatarji, tad-dispaċċ u tat-tranżitu jagħtu l-kunsens tagħhom, possibbilment taħt kundizzjonijiet, għall-vjeġġ ta’ skart, kif ukoll ir-raġunijiet għar-rifjut.


34      Ara, pereżempju, l-Artikolu 41(2)(b), l-Artikolu 43(5)(b) u l-Artikolu 48(6) tar-Regolament Nru 1069/2009.


35      Dan jirriżulta wkoll mill-premessi 8 u 29 ta’ dan ir-regolament. Ara wkoll l-Artikoli 7 sa 10 tar-Regolament Nru 1069/2009. Fuq id-diversi kategoriji tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-obbligi marbuta ma’ dawn il-kategoriji, ara de Sadeleer, N., op. cit., p. 272.


36      F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li jiġi nnotat li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa fir-Regolament Nru 1069/2009 u fil-Kapitolu V tar-Regolament Nru 142/2011 regoli dwar il-ġbir, it-trasport, l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-prodotti sekondarji tal-annimali.


37      Din il-pożizzjoni tirriżulta mill-proposta tal-Kummissjoni li t-termini tagħha tfakkru fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.