Language of document : ECLI:EU:C:2018:497

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21(1) TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Dritt li jiċċaqilqu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru fejn dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità tiegħu – Dħul ta’ dan il-membru tal-familja fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat wara r-ritorn f’dan l-Istat Membru taċ-ċittadin tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑230/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Erdem Deha Altiner,

Isabel Hanna Ravn

vs

Udlændingestyrelsen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal E. Deha Altiner u I. H. Ravn, minn E. O. R. Khawaja, advokat,

–        għall-Gvern Daniż, minn S. Wolff kif ukoll minn J. Nymann‑Lindegren u C. Thorning, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard, advokat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn A. Joyce u L. Williams, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn I. S. Jansen, bħala aġent, assistit minn K. B. Moen, advokat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u M. Wilderspin, bħala aġenti, assistiti minn H. Peytz, advokat,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u Rettifiki ĠU 2004 L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Erdem Deha Altiner (iktar ’il quddiem “E. D Altiner”) flimkien ma’ Isabel Hanna Ravn u l-Udlændingestyrelsen (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, id-Danimarka) dwar deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar, fit-3 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016”), li tikkonferma d-deċiżjoni preċedenti tas-Statsforvaltningen (l-Amministrazzjoni Reġjonali tal-Istat, id-Danimarka), li kien ċaħad it-talba ta’ E. D. Altiner intiża sabiex jingħatalu permess ta’ residenza fid-Danimarka, bħala membru tal-familja ta’ I. H Ravn, ċittadina tal-Unjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2004/38

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

[…]”

4        Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jistipula li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

a)      ir-raġel jew martu [konjuġi];

[…]

ċ)       id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba […];

[…]

3)      ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

5        L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru), u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

6        L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti, jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)      -      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

 Id-dritt Daniż

7        Skont l-Artikolu 13 tal-bekendtgørelse nr. 474 om ophold i Danmark for udlændinge, der er omfattet af Den Europæiske Unions regler (id-Digriet Nru 474 dwar id-dritt ta’ residenza tal-barranin li għalihom japplikaw ir-regoli tal-Unjoni Ewropea), tat-12 ta’ Mejju 2011:

“Sa fejn previst mil-liġi tal-Unjoni, il-membru tal-familja ta’ ċittadin Daniż għandu dritt ta’ residenza fid-Danimarka lil hinn mit-tliet xhur stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u (2) tal-Liġi dwar il-barranin.”

8        L-EU-orientering nr. 1/14, Orientering til Statsforvaltningen om behandling af ansøgninger om familiesammenføring efter EU-retten, hvor referencen er dansk statsborger (il-Linji Gwida Nru°1/14 lill-amministrazzjoni tal-Istat fuq it-trattament tat-talbiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja skont id-dritt tal-Unjoni meta l-persuna ta’ referenza hija ċittadin Daniż), tal-10 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Nru 1/14”), ġew adottati mill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni.

9        Dawn il-Linji Gwida jipprevedu, fil-punt 4.1.5 taħt it-titolu “Rabta temporali bejn ir-ritorn fid-Danimarka ta’ ċittadin Daniż u t-talba tar-riunifikazzjoni tal-familja skont id-dritt tal-Unjoni”, dan li ġej:

“Ma huwiex meħtieġ li l-membru tal-familja barrani jidħol fid-Danimarka fl-istess żmien bħaċ-ċittadin Daniż.

Jekk il-membru tal-familja ta’ ċittadin Daniż, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fi Stat Membru ieħor, jitlob il-benefiċċju ta’ riunifikazzjoni tal-familja bl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni wara r-ritorn taċ-ċittadin Daniż fid-Danimarka, għandha ssir evalwazzjoni konkreta tal-kwistjoni dwar jekk it-talba tal-membru tal-familja hijiex ippreżentata fl-estensjoni naturali tar-ritorn taċ-ċittadin Daniż fid-Danimarka.

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jitqiesu r-raġunijiet għaż-żmien li għadda bejn ir-ritorn taċ-ċittadin Daniż fid-Danimarka u t-tressiq tal-applikazzjoni, b’mod partikolari jekk il-membru tal-familja ddifferixxa din it-talba għal raġunijiet ta’ xogħol jew taħriġ, kif ukoll il-perijodu ta’ żmien li għadda. Id-dewmien fit-tressiq tal-applikazzjoni għalhekk jista’ jkun immotivat min-neċessità għall-applikant li jtemm ċiklu ta’ taħriġ, ħaġa li tista’ tiġi stabbilita b’mod partikolari bil-komunikazzjoni ta’ ċertifikati, eċċ. Dan id-dewmien jista’ jkun ukoll immotivat minn raġunijiet ta’ saħħa, pereżempju marda serja tal-applikant jew ta’ membru tal-familja tiegħu.

Min-naħa l-oħra, il-mogħdija ta’ diversi xhur ma tistax a priori tiġi ġġustifikata mix-xewqa reali li jitkompla xogħol jew li jinżammu rabtiet tal-familja.

Jekk, min-naħa l-oħra, dawn ikunu kunsiderazzjonijiet partikolari relatati ma’ impjieg, b’mod partikolari l-eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali, li jimmotivaw il-mogħdija ta’ diversi xhur mit-tressiq tal-applikazzjoni, fil-prinċipju din għandha titqies li ġiet iffurmata bħala estensjoni naturali tar-ritorn taċ-ċittadin Daniż. Dan jista’ jiġi stabbilit bil-produzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol li jiċċertifika, pereżempju, li l-persuna kkonċernata tipparteċipa fi proġett konkret ta’ kostruzzjoni.

[…]

Jekk il-membru tal-familja daħal fid-Danimarka fl-istess żmien tar-ritorn taċ-ċittadin Daniż jew fl-estensjoni naturali ta’ dan ir-ritorn, iżda jressaq applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja skont ir-regoli tal-Unjoni iktar tard, ma huwiex meħtieġ li din l-applikazzjoni titressaq matul l-estensjoni naturali tar-ritorn taċ-ċittadin Daniż, jekk, barra minn hekk, l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun jista’ jibbenefika minn riunifikazzjoni tal-familja maċ-ċittadin Daniż skont ir-regoli tal-Unjoni.

Il-membru tal-familja għandu jkun daħal fid-Danimarka bil-għan li jeżerċita ħajja tal-familja maċ-ċittadin Daniż u li, barra minn hekk, dan il-membru tal-familja seta’ jibbenefika minn riunifikazzjoni tal-familja maċ-ċittadin Daniż skont ir-regoli tal-Unjoni jekk l-applikazzjoni kienet tressqet matul id-dħul [fit-territorju]. L-applikant għandu wkoll jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet matul il-perijodu kollu sat-tressiq tal-applikazzjoni tiegħu.

Għall-evalwazzjoni ta’ tali sitwazzjonijiet, huwa għalhekk deċiżiv li, matul dan il-perijodu kollu, il-membru tal-familja jkun issodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja maċ-ċittadin Daniż skont ir-regoli tal-Unjoni, iżda li ma jkunx sempliċiment applika għaliha. F’każ bħal dan, il-membru tal-familja għandu dritt ta’ residenza fid-Danimarka skont ir-regoli tal-Unjoni, minkejja l-fatt li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ġiet imressqa iktar tard.

Jekk l-applikazzjoni ma titressaqx fil-kuntest tad-dħul [fit-territorju], l-applikant għandu jistabbilixxi li d-dħul seħħ fl-istess żmien bħar-ritorn taċ-ċittadin Daniż fid-Danimarka jew fl-estensjoni naturali ta’ dan u li, matul dan il-perijodu kollu, huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja maċ-ċittadin Daniż skont ir-regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari, dik li jgħix fid-Danimarka ma’ dan iċ-ċittadin. Il-prova tista’ tiġi prodotta, pereżempju, bil-preżentazzjoni ta’ biljett tat-trasport, ta’ emenda fir-reġistru tal-popolazzjoni, ta’ irċevuti tal-kera, eċċ.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      E. D. Altiner (l-iben) twieled fit-2 ta’ Settembru 2004 fit-Turkija u huwa ċittadin Tork. Missieru, Metin Altiner (iktar ’il quddiem “M. Altiner”), li wasal fid-Danimarka fis-17 ta’ Lulju 2008 iddivorzja minn omm E. D. Altiner u sussegwentement iżżewweġ lil I. H. Ravn fis-26 ta’ Ottubru 2010, li hija ċittadina Daniża, u li, f’dak iż-żmien kienet residenti fid-Danimarka. Is-sentenza li ppronunzjat id-divorzju ta’ M. Altiner u omm E. D. Altiner kienet fdat l-awtorità tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan tal-aħħar lil ommu, ċittadina Torka, u E. D. Altiner għex magħha fit-Turkija.

11      Bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u l-24 ta’ Ottubru 2014, I. H. Ravn u M. Altiner kienu residenti fl-Isvezja. Matul il-perijodi bejn l-1 ta’ Awwissu 2013 u d-9 ta’ Settembru 2013 kif ukoll bejn it-8 ta’ Lulju 2014 u t-2 ta’ Settembru 2014, E. D. Altiner mar fl-Isvezja b’viża valida għaż-żona Schengen, u rrisjeda għandhom.

12      Fl-24 ta’ Ottubru 2014, I. H. Ravn u M. Altiner irritornaw fid-Danimarka fejn irrisjedew minn dakinhar. Fil-25 ta’ Ġunju 2015, E. D. Altiner daħal fid-Danimarka b’viża valida għaż-żona Schengen sat-30 ta’ Settembru 2015.

13      Wara li fil-15 ta’ Lulju 2015, huwa kiseb il-kunsens bil-miktub mingħand ommu, E. D. Altiner, jumejn wara, ressaq quddiem l-amministrazzjoni tal-Istat Daniż applikazzjoni għal permess ta’ residenza fl-Unjoni bħala membru tal-familja tal-konjuġi ta’ missieru, I. H. Ravn.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2016, l-amministrazzjoni reġjonali tal-Istat Daniż ċaħdet din l-applikazzjoni għar-raġuni li din ma kinitx estensjoni naturali tar-ritorn ta’ I. H. Ravn fid-Danimarka. Mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha, l-imsemmija amministrazzjoni speċifikat li hija ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk ir-residenzi ta’ E. D. Altiner fl-Isvezja ippermettewlux li jiżviluppa jew jikkonsolida ħajja tal-familja f’dan l-Istat Membru ma’ I. H. Ravn. Din iċ-ċaħda kienet is-suġġett ta’ lment quddiem l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, miċħud minn dan tal-aħħar permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016.

15      F’din id-deċiżjoni, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni jindika li E. D. Altiner ma daħalx fit-territorju Daniż fl-istess żmien bħal I. H. Ravn u li l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza ma kinitx estensjoni naturali tar-ritorn ta’ I. H. Ravn fid-Danimarka. Issa, skont dan l-uffiċċju, id-dritt ta’ residenza dderivat fid-Danimarka ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin Daniż li jirritorna fid-Danimarka wara residenza fi Stat Membru ieħor, jiskadi jekk dan il-membru tal-familja ma jidħolx fit-territorju Daniż jew ma jressaqx applikazzjoni għal permess ta’ residenza fid-Danimarka fl-estensjoni naturali tar-ritorn taċ-ċittadin Daniż.

16      Fil-15 ta’ Ġunju 2016, E. D. Altiner u I. H. Ravn ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016 quddiem il-Københavns byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) li, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2016, bagħtet il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

17      Din il-qorti tindika li l-partijiet ma jaqblux dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-kundizzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni Daniża li biha d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin Daniż li jirritorna fid-Danimarka wara li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, huwa suġġett għall-kundizzjoni li d-dħul fit-territorju Daniż ta’ dan il-membru tal-familja, jew it-tressiq, minn dan tal-aħħar, ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza, jseħħu fl-“estensjoni naturali” tar-ritorn taċ-ċittadin Daniż ikkonċernat. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li tali kundizzjoni hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 TFUE.

18      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 21 TFUE, moqri flimkien u b’analoġija mad-Direttiva 2004/38/KE […] jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti dritt ta’ residenza sekondarju lil ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzonalità ta’ dak l-Istat Membru u li rritorna lejn dak l-Istat Membru wara li kien eżerċita d-dritt għal moviment liberu tiegħu, meta l-membru tal-familja ma jidħolx fit-territorju tal-Istat Membru jew ma jippreżentax applikazzjoni għal dritt ta’ residenza bħala estensjoni naturali tar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

19      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħhom imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvernijiet tal-Belġju u tan-Norveġja, filwaqt li għamlu riferiment għan-natura relattivament qasira taż-żewġ residenzi ta’ E. D. Altiner fl-Isvezja, esprimew dubji dwar jekk jistax jitqies li dan ibbenefika minn residenza effettiva f’dan l-Istat Membru, ta’ natura li tippermetti l-iżvilupp jew il-konsolidazzjoni ta’ ħajja tal-familja bejnu u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, f’dan il-każ I. H. Ravn, b’tali mod li jagħti lok għal dritt ta’ residenza dderivat lil E. D. Altiner fid-Danimarka, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Norveġiż iqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda preliminari tista’ titqies bħala ta’ natura ipotetika.

20      Huwa veru li hija r-residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, li jagħti lok, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat tan-nazzjonalità tiegħu, għal dritt ta’ residenza dderivat, abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, liċ-ċittadin ta’ Stat terz li miegħu l-imsemmi ċittadin għex ħajja tal-familja fl-Istat Membru ospitanti.

21      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, miġbura fil-punti 13 sa 15 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza, abbażi tad-dritt tal-Unjoni ppreżentata minn E. D. Altiner, ġiet miċħuda, fl-aħħar lok, mill-Uffiċċju għall-Immigrazzjoni, mhux għar-raġuni li r-residenza ta’ E. D. Altiner fl-Isvezja ma ppermettietx l-iżvilupp jew il-konsolidazzjoni ta’ ħajja tal-familja bejnu, M. Altiner u I. H. Ravn, iżda għaliex id-dħul tiegħu fit-territorju Daniż u l-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza ma seħħewx flimkien mar-ritorn fid-Danimarka ta’ I. H. Ravn jew fl-estensjoni naturali ta’ dan ir-ritorn, kif jirrikjedu l-Linji Gwida Nru 1/14.

22      Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolatorju u fattwali ddefinit minnha bħala taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 19 u 20).

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, għall-qorti tar-rinviju, li tipproċedi, skont il-każ, bil-verifika tal-premessi fattwali tal-att amministrattiv ikkontestat quddiemha, ma jistax jitqies li d-domanda preliminari, li tirrigwarda, essenzjalment, il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Linji Gwida Nru 1/14, ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

24      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

25      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tipprevedix l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, skont id-dritt tal-Unjoni, lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li rritorna hemmhekk wara li kien residenti, skont u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fi Stat Membru ieħor, meta l-imsemmi membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma daħalx fit-territorju tiegħu jew ma ressaqx applikazzjoni għal permess ta’ residenza “fl-estensjoni naturali”, tar-ritorn, f’dan l-Istat Membru, taċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni.

26      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta, fl-okkażjoni ta’ residenza effettiva ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor minbarra dak li fih għandu ċ-ċittadinanza, skont u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, ħajja tal-familja tiżviluppa jew tikkonsolida ruħha f’dan l-Istat Membru, l-effett utli tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jieħu mill-Artikolu 21(1) TFUE jeħtieġ li l-ħajja tal-familja li dan iċ-ċittadin ikun għex fl-Istat Membru ospitanti tkun tista’ titkompla meta jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, permezz tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lill-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ Stat terz. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali dritt ta’ residenza dderivat, iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ikun dissważ milli jitlaq l-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, fi Stat Membru ieħor, minħabba l-fatt li ma jkollux iċ-ċertezza li jkun jista’ jkompli fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ħajja tal-familja flimkien mal-qraba tiegħu kif żviluppata jew ikkonsolidata fl-Istat Membru ospitanti (sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 54, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 24).

27      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjonijiet għall-għoti, meta ċittadin tal-Unjoni jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, ta’ dritt ta’ residenza dderivat abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, li dan tal-aħħar kien joqgħod miegħu, fis-sempliċi kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ospitanti, ma għandhomx, bħala regola, ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 għall-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi rrisjeda fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu. Fil-fatt, anki jekk id-Direttiva 2004/38 ma tkoprix tali każ fejn iċ-ċittadin jerġa’ lura, din għandha tiġi applikata b’analoġija għall-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu, peress li, fiż-żewġ każijiet, huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-persuna ta’ referenza sabiex ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, ikun jista’ jingħata dritt ta’ residenza dderivat (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 50).

28      Issa, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ residenza dderivat, rikonoxxut, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li stabbilixxa ruħu fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn għandu n-nazzjonalità, ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni dawn jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru f’ċertu perijodu wara d-dħul ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni.

29      Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni bħal din, dritt ta’ residenza dderivat huwa rrikonoxxut lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni mhux biss meta “jakkumpanjaw” lil dan iċ-ċittadin fi Stat Membru ieħor differenti minn dak fejn għandu n-nazzjonalità, iżda wkoll meta “jingħaqdu” miegħu f’dan l-Istat Membru.

30      Madankollu, għandu jitfakkar li d-dritt eventwali ta’ residenza fi Stat Membru tal-Unjoni taċ-ċittadin ta’ Stat terz huwa dderivat mill-eżerċizzju tal-moviment liberu minn ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Peress li l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE huwa intiż sabiex jippermetti t-tkomplija, fl-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat għandu n-nazzjonalità, tal-ħajja tal-familja li żviluppat jew ikkonsolidat ma’ membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, fl-Istat Membru ospitanti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu għandhom id-dritt li jivverifikaw, qabel l-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza, li tali ħajja tal-familja bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja tiegħu, ma ġietx interrotta qabel id-dħul taċ-ċittadin ta’ Stat terz fl-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat għandu n-nazzjonalità tiegħu.

32      Għall-finijiet ta’ tali verifika, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jieħu inkunsiderazzjoni, bħala sempliċi indikazzjoni, il-fatt li ċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu, daħal fit-territorju tiegħu wara perijodu kunsiderevoli wara r-ritorn ta’ dan tal-aħħar f’dan it-territorju.

33      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li ħajja tal-familja, żviluppata jew ikkonsolidata bejn ċittadin tal-Unjoni u membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, matul ir-residenza tagħhom, skont u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fi Stat Membru ospitanti, tkompli minkejja l-fatt li dan iċ-ċittadin jirritorna fl-Istat Membru fejn għandu ċ-ċittadinanza mingħajr ma jkun akkumpanjat mill-membru tal-familja kkonċernat, li jkun obbligat, b’mod partikolari minħabba raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni personali tiegħu, il-professjoni tiegħu jew l-edukazzjoni tiegħu, li jittardja l-wasla tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni.

34      Għaldaqstant, il-fatt li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ma seħħitx “fl-estensjoni naturali” tar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxi element rilevanti li, mingħajr ma jippreżenta waħdu karattru determinanti, jista’, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, jwassal lill-Istat ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat biex jikkonkludi dwar l-ineżistenza ta’ rabta bejn din l-applikazzjoni u l-eżerċizzju minn qabel, mill-imsemmi ċittadin, tal-libertà ta’ moviment tiegħu u, bħala konsegwenza, għar-rifjut li jingħatalu tali permess ta’ residenza.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tipprevedix l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, skont id-dritt tal-Unjoni, lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li rritorna hemmhekk wara li kien residenti, skont u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fi Stat Membru ieħor, meta l-imsemmi membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx daħal fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jew ma ressaqx applikazzjoni għal permess ta’ residenza “fl-estensjoni naturali” tar-ritorn, f’dan l-Istat Membru, taċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni, sakemm tali leġiżlazzjoni teżiġi, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, li jittieħdu inkunsiderazzjoni ukoll elementi rilevanti oħrajn, b’mod partikolari dawk li jistgħu juru li, minkejja ż-żmien li għadda bejn ir-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-imsemmi Stat Membru u d-dħul tal-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, fl-istess Stat Membru, il-ħajja tal-familja żviluppata u kkonsolidata fl-Istat Membru ospitanti ma ntemmitx, b’tali mod li tiġġustifika l-għoti, lill-membru tal-familja kkonċernat, ta’ dritt ta’ residenza dderivat, ħaġa li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tipprevedix l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, skont id-dritt tal-Unjoni, lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li rritorna hemmhekk wara li kien residenti, skont u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fi Stat Membru ieħor, meta l-imsemmi membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx daħal fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jew ma ressaqx applikazzjoni għal permess ta’ residenza “fl-estensjoni naturali” tar-ritorn, f’dan l-Istat Membru, taċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni, sakemm tali leġiżlazzjoni teżiġi, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, li jittieħdu inkunsiderazzjoni ukoll elementi rilevanti oħrajn, b’mod partikolari dawk li jistgħu juru li, minkejja ż-żmien li għadda bejn ir-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-imsemmi Stat Membru u d-dħul tal-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, fl-istess Stat Membru, il-ħajja tal-familja żviluppata u kkonsolidata fl-Istat Membru ospitanti ma ntemmitx, b’tali mod li tiġġustifika l-għoti, lill-membru tal-familja kkonċernat, ta’ dritt ta’ residenza dderivat, ħaġa li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.