Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2020 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-19 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża T-14/18, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-106/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: Ε. Tsaousi, Ε. Leftheriotou u Α. Vasilopoulou)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li jintlaqa’ l-appell u l-annullament tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T-14/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:888), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Ellenika fis-16 ta’ Jannar 2018 intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2014 tat-8 ta’ Novembru 2017, sa fejn eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċerti spejjeż magħmula mir-Repubblika Ellenika fil-qasam tal-għajnuna relatata maż-żona għas-sena finanzjarja 2014 u li tirrappreżenta 5 % mill-ammont totali tal-ispejjeż magħmula abbażi ta’ għajnuna għall-mergħat permanenti, jiġifieri somma netta ta’ EUR 12 482 555.68. Ir-Repubblika Ellenika titlob barra minn hekk li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji:

B’mod partikolari, l-ewwel aggravju mqajjem jikkonċerna l-parti tas-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li r-Repubblika Ellenika sostniet waqt is-seduta billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C-341/17 P, EU:C:2019:409). L-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija bbażata fuq il-ksur tar-regoli proċedurali u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument imsemmi iktar ʼil fuq tar-Repubblika Ellenika bħala inammissibbli, billi pprovdiet għal dan il-għan motivazzjoni inadegwata u kontradittorja. It-tieni parti tal-ewwel aggravju hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 u fuq il-motivazzjoni inadegwata u kontradittorja tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argument tar-Repubblika Ellenika huwa ineffettiv.

It-tieni u t-tielet aggravju huma ddedikati għall-parti tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi l-oħra tal-annullament. B’mod iktar preċiż, it-tieni aggravju jirrigwarda l-fatt li s-sentenza appellata hija bbażata fuq żnaturament tal-provi prodotti matul il-proċedura, b’mod partikolari t-tabella kompluta ta’ stima tad-data ta’ 79 664 bidwi li rċevew l-għajnuna għall-mergħat tagħhom, ta’ somom imħallsa indebitament u ta’ somom ta’ sanzjonijiet irkuprati mir-Repubblika Ellenika, b’mod li hija vvizzjata b’illegalità u fuq motivazzjoni kontradittorja u mhux adegwata.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, tal-Artikolu 52(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 12(1) sa (6) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014, ksur tal-linji gwida li jinsabu fid-dokumenti VI533097 u C(2015) 3675 final tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2015, fuq ksur tar-regoli ta’ motivazzjoni (Artikolu 296 TFUE), fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli tal-amministrazzjoni tal-prova (tqassim tal-oneru tal-prova b’tali mod li r-Repubblika Ellenika tintalab tipproduċi probatio diabolica), kif ukoll fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ non venire contra factum proprium, ta’ ne bis in idem, u tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità. Is-sentenza appellata hija barra minn hekk ivvizzjata b’motivazzjoni kontradittorja u inadegwata.

____________