Language of document : ECLI:EU:C:2019:776

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 7(4) – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali – Dritt li wieħed jibqa’ sieket u dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu – Ftehim milħuq bejn il-prosekutur u l-awtur tar-reat – Approvazzjoni ta’ tali ftehim mill-qorti – Kundizzjoni – Kunsens tal-persuni akkużati l-oħra – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Inapplikabbiltà”

Fil-Kawża C‑467/19 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura kriminali kontra

QR,

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

YM,

ZK,

HD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, C. Vajda (Relatur), P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tad-19 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2019, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2019 tat-Tieni Awla li tilqa’ din it-talba,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), l-interpretazzjoni tal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra erba’ ċittadini Bulgari, QR, YM, ZK u HD, fir-rigward tas-sħubija tagħhom ma’ grupp kriminali organizzat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

3        L-Artikolu 20 tal-Karta, intitolat “L-ugwaljanza” jgħid hekk:

“Kull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi.”

4        Skont l-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.      Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

 Id-Direttiva 2016/343

5        Skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2016/343:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.”

6        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

a)      ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fi proċedimenti kriminali;

b)      id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.”

7        L-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.”

8        L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom biex iqisu, meta jagħtu s-sentenza, l-imġiba ta’ kooperazzjoni tal-persuni suspettati u akkużati.”

 Id-dritt Bulgaru

9        L-Artikolu 381 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), intitolat “Ftehim ta’ nnegozjar tal-piena fil-kuntest tal-proċedura kriminali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 6 tiegħu li, kull persuna akkużata li tirrikonoxxi l-ħtija tagħha għandha l-possibbiltà, ladarba tintemm l-investigazzjoni, li tikkonkludi ftehim bil-miktub mal-prosekutur permezz tal-avukat tagħha. Permezz ta’ tali ftehim, il-persuna akkużata għandha tiddikjara ruħha ħatja, tirrinunzja għall-proċedura kriminali ordinarja u tagħti l-kunsens tagħha sabiex tiġi imposta sanzjoni partikolari fil-konfront tagħha. Is-sanzjoni imposta b’dan il-mod għandha dejjem tkun inqas oneruża minn dik li għaliha l-persuna akkużata tkun ġiet ikkundannata fi tmiem proċedura ordinarja.

10      Skont l-Artikolu 381(7) tan-NPK:

“Meta l-proċedura tkun tikkonċerna lil diversi persuni […], il-ftehim jista’ jiġi konkluż minn uħud minn dawn il-persuni […]”

11      Skont l-Artikolu 382 tan-NPK, intitolat “Deċiżjoni tal-qorti dwar il-ftehim”:

“1.      Il-ftehim għandu jitressaq mill-prosekutur quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kompetenti immedjatament wara li jkun ġie stabbilit, fl-istess ħin bħall-kawża.

[…]

5.      Il-qorti tista’ tipproponi emendi fil-ftehim li jiġu eżaminati mal-prosekutur u mal-avukati tal-persuni akkużati. Il-persuna akkużata għandha tinstema’ fl-aħħar lok.

6.      Il-kontenut tal-ftehim finali, li għandu jiġi ffirmat mill-prosekutur, mill-avukat u mill-persuna akkużata, għandu jiddaħħal fil-fajl tal-qorti.

7.      Il-qorti għandha tapprova l-ftehim jekk dan tal-aħħar ma jmurx kontra l-liġi u l-moralità.

8.      Meta l-qorti ma tapprovax il-ftehim, din għandha tirrinvija l-kawża quddiem il-prosekutur pubbliku. F’dan il-każ, l-ammissjonijiet tal-persuna akkużata […] ma jkollhomx iktar valur ta’ prova. […]”

12      L-Artikolu 383 tan-NPK, intitolat “Konsegwenzi ta’ ftehim ta’ nnegozjar ta’ piena” jipprovdi li l-ftehim approvat mill-qorti jipproduċi l-effetti ta’ sentenza li għandha s-saħħa ta’ res judicata.

13      Skont l-Artikolu 384 tan-NPK, intitolat “Ftehim ta’ nnegozjar ta’ piena fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja”:

“1.      […] il-qorti tista’ tapprova ftehim dwar l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata wara l-ftuħ tal-proċedura ġudizzjarja […]

[…]

3.      F’dawn il-każijiet, il-ftehim dwar l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata jista’ jiġi approvat biss wara li jinkiseb il-kunsens tal-partijiet kollha.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija) beda proċeduri kriminali kontra erba’ persuni, jiġifieri QR, YM, ZK u HD, u li ppreżenta att ta’ akkuża quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija).

15      QR huwa akkużat li mexxa grupp kriminali organizzat bil-għan li jwettaq reati kriminali ta’ użura u ta’ estorsjoni. It-tliet persuni l-oħra huma akkużati li pparteċipaw f’dan il-grupp kriminali organizzat.

16      QR huwa akkużat ukoll li wettaq erba’ estorsjonijiet. L-ewwel estorsjoni twettqet flimkien ma’ HD, it-tieni flimkien ma’ ZK u HD, it-tielet waħdu, u r-raba’ flimkien ma’ YM u ZK. Għal dawn l-erba’ każijiet, ġie sostnut li l-estorsjonijiet kienu twettqu f’isem il-grupp kriminali organizzat inkwistjoni.

17      QR irrikonoxxa l-ħtija tiegħu għal dawn l-akkużi kollha. L-avukat tiegħu u l-prosekutur ikkonkludew ftehim bil-miktub li permezz tiegħu ġiet imposta fuqu piena inqas iebsa minn dik prevista mil-liġi. Billi QR ta l-kunsens tiegħu għal dan il-ftehim, il-prokuratur, QR u l-avukat tiegħu ffirmaw dan il-ftehim.

18      YM u l-avukat tiegħu ma tawx il-kunsens tagħhom għall-konklużjoni tal-imsemmi ftehim u opponew għalih. ZK u l-avukat tiegħu qiesu li kien inutli li jagħtu jew li jirrifjutaw il-kunsens għall-konklużjoni ta’ dan l-istess ftehim, peress li l-oppożizzjoni ta’ YM tipprekludi l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni. HD u l-avukat tiegħu ma għamlux dikjarazzjoni f’dan ir-rigward.

19      Skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, il-ftehim inkwistjoni kien suġġett għall-approvazzjoni tal-qorti tar-rinviju. Din tispjega li tali ftehim, jekk jiġi konkluż matul il-proċedura ġudizzjarja tal-proċedura kriminali u f’sitwazzjoni fejn ikunu akkużati diversi persuni, jista’ jiġi approvat mill-qorti kompetenti biss wara l-kunsens tal-partijiet kollha. F’dan ir-rigward, din tippreċiża li dan ir-rekwiżit ġie interpretat b’mod letterali f’ċerti deċiżjonijiet tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), fis-sens li huwa neċessarju, għall-approvazzjoni ta’ tali ftehim, li jinkiseb il-kunsens tal-persuni akkużati kollha fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

20      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li persuna akkużata tagħti l-kunsens tagħha għall-konklużjoni, minn koakkużat, ta’ ftehim fuq l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata jżid il-probabbiltà li l-proċedura kontra din il-persuna akkużata tispiċċa b’verdett ta’ ħtija. Minn naħa, il-konklużjoni ta’ tali ftehim minn koakkużat jagħmel lil dan tal-aħħar xhud fil-proċedura li jista’ jagħmel dikjarazzjonijiet li jikkawżaw dannu lill-persuni akkużati l-oħra. Min-naħa l-oħra, minn parti mill-ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li tali ftehim jitqies li jikkostitwixxi att ġudizzjarju, kontra l-persuni akkużati kollha, li jiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-mertu.

21      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tar-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens tal-persuni akkużati kollha mal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2016/343, mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ukoll mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

22      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Prassi ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali dwar l-approvazzjoni mill-qorti ta’ ftehim milħuq bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża li tissuġġetta l-approvazzjoni ta’ dan il-ftehim għall-kunsens tal-persuni akkużati l-oħra, fejn dan il-kunsens huwa meħtieġ biss fir-rigward tal-fażi ġudizzjarja tal-proċedura, hija konformi mal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva Nru 2016/343, mal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta, [kif ukoll] mal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ effettività?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

23      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Insostenn tat-talba tagħha, din indikat, b’mod partikolari, li QR tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja u li ż-żamma tiegħu f’detenzjoni tiddependi mir-risposta għad-domanda magħmula, sa fejn hija ma tistax, fin-nuqqas ta’ risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiddeċiedi dwar il-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jipprevedi piena ta’ priġunerija mnaqqsa.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343, li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, relattiv għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan jista’ jiġi ssuġġettat għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

26      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, għandu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata mill-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li QR huwa mċaħħad mil-libertà u li ż-żamma tiegħu f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-10 ta’ Lulju 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

28      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

29      Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

30      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2016/343, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-prinċipju ta’ effettività kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-approvazzjoni, minn qorti, ta’ ftehim fuq l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn persuna akkużata minħabba l-appartenenza tagħha għal grupp kriminali u l-prosekutur pubbliku, tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuni akkużati l-oħra, minħabba li jappartjenu għal dan il-grupp kriminali, jagħtu l-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343, din tapplika għall-persuni fiżiċi li huma ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Din tapplika fl-istadji kollha tal-proċeduri kriminali, mill-mument meta persuna tkun issuspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni finali dwar id-determinazzjoni jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-erba’ persuni akkużati fil-kawża prinċipali huma akkużati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali u li għadha ma ġietx adottata deċiżjoni finali intiża sabiex tiġi ddeterminata l-ħtija tagħhom għar-reat kriminali kkonċernat.

32      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2016/343 huwa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 9 u mill-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli minimi komuni applikabbli għall-proċeduri kriminali dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni tal-innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għalhekk, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxi ċerti regoli komuni li jirregolaw id-dritt li jinżamm is-silenzju u d-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu. Huwa f’dan il-kuntest li l-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 7 jindika li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom li jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jagħtu s-sentenza tagħhom, l-attitudni kooperattiva tal-issuspettati u tal-persuni akkużati.

34      Din l-aħħar dispożizzjoni tillimita ruħha, għaldaqstant, li tirriżerva għall-Istati Membri, fil-kuntest tad-dritt li jinżamm is-silenzju u tad-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu, il-possibbiltà li jawtorizzaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom, meta jagħtu sentenza li timponi sanzjoni, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tal-persuni akkużati. Għalhekk, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma timponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni minn dawn l-awtoritajiet, hija ma tagħti ebda dritt lil persuna akkużata li tikseb sanzjoni mnaqqsa fil-każ ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji, pereżempju permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-prosekutur li fih din il-persuna tammetti l-ħtija tagħha.

35      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2016/343 ma jispeċifikax il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet li jirregolaw, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà għall-awtoritajiet ġudizzjarji li jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jagħtu s-sentenza tagħhom, l-attitudni kooperattiva tal-persuni akkużati, peress li dawn il-modalitajiet u kundizzjonijiet jaqgħu biss taħt id-dritt nazzjonali.

36      Minn dan isegwi li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2016/343 ma jirregolax il-kwistjoni dwar jekk l-approvazzjoni ta’ ftehim fuq l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata tistax tiġi suġġetta jew le għal rekwiżit ta’ kunsens, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37      F’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Karta li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-Karta ma tapplikax fil-kawża prinċipali.

38      Fil-fatt, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u lanqas “ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati”. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 51 tal-Karta, li għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(7) tagħha, il-kunċett ta’ “implimentazzjoni” imsemmi fl-Artikolu 51 jikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni elaborata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta, li tgħid li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni biss meta jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, skont l-Artikolu 51 tal-Karta, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni, li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma meħuda inkunsiderazzjoni jew l-effetti indiretti ta’ qasam fuq l-ieħor (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet b’mod partikolari li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma kinux applikabbli fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma kienu jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ dan id-digriet, id-dritt tal-Unjoni ma jimponi fuq l-Istati Membri ebda obbligu li jawtorizzaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom li jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jagħtu s-sentenza tagħhom, l-attitudni kooperattiva tal-issuspettati u tal-persuni akkużati, b’mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-prosekutur li fih persuna tirrikonoxxi l-ħtija tagħha inkambju għal piena mnaqqsa.

43      Għaldaqstant, rekwiżit ta’ kunsens, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għalih hija suġġetta l-approvazzjoni ta’ ftehim fuq l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata, ma jistax jitqies li jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

44      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ dan id-digriet, li d-dritt tal-Unjoni ma jagħtix lil persuna akkużata d-dritt li tikkonkludi ftehim mal-prosekutur pubbliku inkambju għal piena mnaqqsa, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ effettività ma japplikax għal rekwiżit ta’ kunsens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkundizzjona l-approvazzjoni ta’ tali ftehim.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax il-kwistjoni jekk l-approvazzjoni, minn qorti, ta’ ftehim fuq l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn persuna akkużata, minħabba l-appartenenza preżunta tagħha għal grupp kriminali, u l-prosekutur pubbliku, tista’ jew ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuni akkużati l-oħra, minħabba li jappartjenu għal dan il-grupp kriminali, jagħtu l-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax il-kwistjoni jekk l-approvazzjoni, minn qorti, ta’ ftehim fuq l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn persuna akkużata, minħabba l-appartenenza preżunta tagħha għal grupp kriminali, u l-prosekutur pubbliku, tista’ jew ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuni akkużati l-oħra, minħabba li jappartjenu għal dan il-grupp kriminali, jagħtu l-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.