Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Ottubru 2010 - Filice et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża F-108/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Stefania Filice et (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: B. Cortese, C. Cortese u F. Spitaleri, avukati)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Suġġett

Annullament tad-deċiżjonijiet tal-konvenuta, riprodotti fid-dikjarazzjonijiet ta' remunerazzjoni tar-rikorrenti, li jillimitaw l-aġġustament tal-pagi tagħhom, b'effett minn Lulju tal-2009, b'żieda ta' 1.85 % skont l-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet ta' uffiċjali u membri oħra tal-persunal fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009, tat-23 ta' Diċembru 2009.

Talbiet tar-rikorrenti

jannulla d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li dehru fid-dikjarazzjonijiet għax-xahar ta' Jannar 2010 u x-xhur sussegwenti u d-dikjarazzjonijiet tal-arretrati għas-sena 2009, liema dikjarazzjonijiet juru aġġustament bir-rata ta' 1.85 % minflok bir-rata ta' 3.7 %;

jikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrimborsa d-differenza bejn l-ammont ta' remunerazzjonijiet imħallsa skont ir-regolament Nru 1296/09 sad-data li fiha tingħata s-sentenza tal-kawża preżenti u dawk l-ammonti li kien ikollhom jitħallsu li kieku l-aġġustament kien ġie kkalkultat b'mod korrett, kif ukoll l-imgħax bir-rati ffissati mill-Bank Ċentrali Ewropew applikabbli matul il-perijodi kkonċernati, b'żieda ta' tliet punti u nofs, u dan b'effett mid-data li fiha s-somom mitluba fil-kawża prinċipali saru dovuti;

jikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ispejjeż.

____________